Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xemxija — tiġieġ u sriedaq li nstabu mejta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija paramentari 12246 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11082 dwar tiġieġ u sriedak li nstabu mejta fix-Xemxija, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-investigazzjoni li saret?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għall-informazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar — Tenders għal xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12293, fejn jingħad li la l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u lanqas xi entità li taqa’ taħtha ma ħarġu tenders għax-xogħlijiet fil-Mellieha, fin-Naxxar u f’San Pawl il-Baħar li saru dikjarazzjonijiet dwarhom mill-Ministru, jista’ l-Ministru jgħid minn min inħarġu t-tenders għal dawn l-istess xogħlijiet?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender tat-tisbiħ tal-Belveder ħareġ mill-Ministeru għat-Turiżmu.

Trasferiment ta’ art minn bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għaliha bdiewa li qed jitolbu li jgħaddu art tal-Gvern lil uliedhom wara l-mewt tal-persuna li tkun reġistrata fuqha l-art, qed jintalbu biex jippreżentaw pjanti fl-iskala ta’ 1:100, u dan bi spejjeż żejda għalihom?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġejt infumat mill-Awtorità tal-Artijiet li l-pjanta 1:100 indikata f’din il-mistoqsija parlamentari tintalab biss f’każ jekk fuq il-proprjetà li fuqha jintalab trasferiment hemm xi strutturi mibnija. F’każ li l-istrutturi jkunu nbnew wara l-1968 u jkunu koperti b’permess tal-Awtorità tal-Ippjanar, dan għandu jiġi provdut ukoll.

Ix-Xemxija — Sinjali tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ħarġitx xi permessi għal sinjali tat-traffiku inkluż zebra crossings (anke temporanji) fix-Xemxija matul din is-sena? Jekk iva, jista’ l-Ministru jqiegħed kopja ta’ dawn l-approvazzjonijiet inkluż il-pjanti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena, Transport Malta tat permess għal Reserved Parking għal LPG Truck nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħamis bejn id-9.00am u 12.00pm. In oltre, matul din is-sena, Transport Malta awtorizzat sinjali tat-traffiku inkluż ‘zebra crossings’ (anke temporanji) fix-Xemxija skont it-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12523.

San Pawl il-Baħar — Sinjali tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar tax l-awtorizzazzjoni biex jinżebgħu sinjali tat-traffiku inkluż zebra crossings (anke temporanji) fix-Xemxija matul din is-sena? Jekk iva, jista’ l-Ministru jqiegħed id-dokumenti relatati inkluż il-pjanti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-istess Kunsill ma ta l-ebda tali awtorizzazzjoni.

Il-Qawra — Drenaġġ ħiereġ fit-toroq

Question

Peress li fi Triq Carmelo De Lucca, fil-Qawra jew fl-inħawi tal-istess triq bħal pereżempju Triq Andrew Cunningham jirriżulta li hemm drenaġġ/ilma kkontaminat (maħmuġ) ħiereġ u ilu ħiereġ għal numru ta’ ġranet, tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex dan id-drenaġġ ma jibqax ħiereġ minħabba l-perikli li qed joħloq? Jekk sal-ġurnata li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari tkun ittieħdet azzjoni, tista’ l-Ministru tgħid x’azzjoni tkun ittieħdet u meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12551.

Qawra — Drenaġġ ħiereġ fit-toroq

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk waslux rapporti għand id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, inkluż l-uffiċini tiegħu, dwar drenaġġ/ilma kkontaminat (maħmuġ) ħiereġ fi Triq Carmelo De Lucca, jew fl-inħawi tal-istess triq, bħal fi Triq Andrew Cunningham, hekk kif jidher li dan id-drenaġġ ilu ħiereġ għal numru ta’ ġranet? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ttieħdet? Jekk le, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan id-drenaġġ ma jibqax ħiereġ minħabba l-perikli li qed joħloq?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva ilment rigward ħruġ ta’ ilma possibilment drenaġġ fit-triq Carmelo De Lucca. L-uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali bdew l-investigazzjonijiet tagħhom fis-17 t’Ottubru fejn fit-triq Carmelo De Lucca fejn instab sadd fil-kaxxa ta’ dar privata. Il-persuna responsabbli ġiet ordnata sabiex tneħħi is-sadd u l-għada, jiġifieri fit-18 t’Ottubru, ġie kkonfermat li tali sadd u l-inkonvenjent kien tneħħa.

San Pawl il-Baħar — Drenaġġ ħiereġ fiż-żona tal-iskola primarja

Question

Peress li fiż-żona tal-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar jirriżulta li hemm drenaġġ/ilma kkontaminat (maħmuġ) ħiereġ u ilu ħiereġ għal numru ta’ ġranet, tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex dan id-drenaġġ ma jibqax ħiereġ minħabba l-perikli li qed joħloq? Jekk sal-ġurnata li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari tkun ittieħdet azzjoni, tista’ l-Ministru tgħid x’azzjoni tkun ittieħdet u meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12556.

San Pawl il-Baħar — Drenaġġ ħiereġ fiż-żona tal-iskola primarja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk waslux rapporti għand id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, inkluż l-uffiċini tiegħu, dwar drenaġġ/ilma kkontaminat (maħmuġ) ħiereġ fiż-żona ta’ l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, hekk kif jidher li dan id-drenaġġ ilu ħiereġ għal numru ta’ ġranet? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ttieħdet? Jekk le, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan id-drenaġġ ma jibqax ħiereġ minħabba l-perikli li qed joħloq?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva lment rigward dan il-każ fit-12 t’Ottubru 2023. Saret spezzjoni mill-uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali fit-Triq L-Iskola u ġie kkonfermat li kien hemm żbroff ta’ drenaġġ li kien ħiereġ mill-kaxxa tal-ispezzjoni (intercepting chamber) li tappartjeni lil-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar. Is-sadd li kien hemm tneħħa u lment ingħalaq. Reġa' kien hemm żbroff u wara li għaddew is-CCTV cameras nstab li hemm ħsara fil-katusi tad-drenaġġ tal-istess skola. Il-precincts officer tal-iskola nfurmana li diġà nġabru l-quotations u li x-xogħol ta’ tiswija ser isir.

Qawra – Ċentru tas-Saħħa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11908 dwar iċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Qawra, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-Traffic Impact Assessment li skont l-istess tweġiba, sar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-Rapport finali tat-Traffic Impact Assessment bħalissa qed jiġi vvalutat mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Qawra – Ċentru tas-Saħħa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11908 dwar iċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Qawra, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti informazzjoni dwar l-Environmental Impact Assessment fuq dan il-proġett?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-diskussjonijiet mal-Awtorità tal-Ambjent dwar l-aspetti ambjentali għadhom għaddejjin.

Ix-Xemxija — Rapporti ta’ xogħol ta’ skavar fis-sit tal-Eks Mistra Village

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11824, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar ir-rapporti kollha dwar is-sit tal-Eks Mistra Village, fix-Xemxija, li waslu għand l-Awtorità tal-Ippjanar u għand l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) matul l-2023, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, (mhux dwar skavar biss)? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn ir-rapporti jinkludux ir-rapporti li saru permezz tat-telefon?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rapporti msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11824 huma marbuta mal-Awtorità tal-Ippjanar, filwaqt li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) irċeviet 60 rapport.

Edukazzjoni — Għalliema ngaġġati u għalliema li rriżenjaw

Question

Fid-dawl li bejn Jannar u Settembru tal-2023 irreżenjaw 60 għalliem u ġew impjegati 200 għalliem, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi kwalifiki għandhom dawk li ġew impjegati? Jista’ jgħid kemm għalliema spiċċaw mix-xogħol tagħhom minħabba li waslu fl-età tal-pensjoni fl-istess perjodu, u jekk dan l-ammont hux inkluż fl-ammont tas-60 għalliema li rriżenjaw? Jista’ jgħid jekk dawk li rreżenjaw sabux xogħol ieħor jew waqfux jaħdmu? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif ukoll dwar kemm kien hemm għalliema li ggradwaw fl-2021, fl-2022 u fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-200 għalliem ġdid, 151 minnhom għandhom kwalifika f’livell 7 bħal-MTL filwaqt li l-49 l-oħra huma supply teachers li għandhom kwalifiki “non-teaching” li jaslu sa MQF 7. Mis-60 għalliem li rriżenjaw, 20 minnhom irtiraw, 17 minnhom qed jaħdmu ma' skejjel tal-knisja, tal-privat jew indipendenti, 13 sabu xogħol ieħor barra mis-servizz pubbliku, 4 marru jaħdmu barra minn Malta filwaqt li għalkemm mis-6 li fadal hemm min ma speċifikax raġuni għalfejn irriżenja, infurmat li hemm min waqaf ħabba raġunijiet ta’ saħħa. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellanta li mis-sena 2021 s’issa gradwaw total ta’ 590 student bi grad t’għalliem.

Ministeru għas-Saħħa — Pest Control Unit

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Ministeru tiegħu permezz tal-Pest Control Unit għadux jieħu miżuri biex jiġi kkontrollat in-numru ta' ġrieden li hawn kemm fl-ibliet u l-irħula, kif ukoll fil-kampanja? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' miżuri qed jieħu l-Ministeru biex dawn il-ġrieden jonqsu, b'mod partikolari minħabba l-ħsarat li qed jagħmlu lill-prodotti agrikoli kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ iġjene fl-ibliet u fl-irħula?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ħaddiema mill-Pest Control Unit iwettqu diversi trattamenti għal kontra l-ġrieden permezz ta’ programm annwali ta’ tqegħid ta’ velenu fil-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex u wara ħmistax-il ġurnata jsir follow-up. Fl-għelieqi fejn ikun hemm prodotti agrikoli ma jsirux trattamenti għal kontra l-ġrieden peress li dawn huma meqjusa bħala proprjetà privata.

San Pawl il-Baħar — Torrijiet (multistorey high-rise buildings)

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11966 u jgħid f'liema partijiet ta' San Pawl il-Baħar hu permissibli li jinbnew torrijiet (multistorey high-rise buildings)? Jista' jgħid ukoll f'liema nħawi tal-istess lokalità hu permissibbli li jiġi adottat il-Floor Area Ratio (FAR)? Fejn hemm bħalissa applikazzjonijiet pendenti biex jinbnew tali torrijiet f'San Pawl il-Baħar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif mgħoddi lili, San Pawl il-Baħar mhux meqjus bħala lokalità strateġika fejn jiġi kkunsidrat bini ta’ highrise sakemm ma tinvolvix bini ta’ hotel ta’ kwalità għolja u ssegwi l-policies relattivi. Fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, jista’ jiġi addottat il-Floor Area Ratio limitatament għall-medium rise sakemm il-proposta ssegwi l-policies inkwistjoni. Kull applikazzjoni li tinvolvi Floor Area Ratio, tista’ tkun suġġetta għall-“Urban design study/character appraisal”, “Visual Impact Assessment” u “Design Statement”. Ma hemm ebda applikazzjoni għall-bini ta’ torrijiet f’din il-lokalità.

San Pawl il-Baħar — preżenza tal-Pulizija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10959, jista’ l-Ministru jgħid xi preżenza tal-Forzi Armati ta' Malta u tal-LESA kien hemm fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar matul dan is-sajf u x'tip ta' interventi kienu mitluba jwettqu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11825.

Xemxija — tiġieġ u sriedaq li nstabu mejta

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11082 dwar tiġieġ u sriedak li nstabu mejta fix-Xemxija, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-investigazzjoni li saret?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

SKEMA 19 – Applikazzjonijiet għall-fidi ta’ ċnus

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11905 u jagħti tagħrif dwar kemm daħlu applikazzjonijiet għall-fidi ta' ċnus skont SKEMA 19? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew proċessati u kemm hemm minnhom li għadhom qed jiġu proċessati u x’qed iżomm milli l-każijiet pendenti jitlestew?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li: · Sal-aħħar ta’ Settembru 2023 daħlu 1665 applikazzjoni taħt l-Iskema 19. · Minn dawn l-1665 applikazzjoni, l-Uffiċċju Konġunt għadda lill-Awtorità tal-Artijiet 737 applikazzjoni (wara li jkun tlesta l-vetting inizjali). Mis-737 applikazzjoni, l-Awtorità tal-Artijiet tikkonferma li: 337 ġew konklużi; 137 qed jinħadmu – minnhom waslu għall-pubblikazzjoni tal-kuntratt u hemm minnhom qed nistennew xi dokumenti mingħand l-applikanti; 263 fil-waiting list sabiex jinħadmu.

Qtil tal-majjal, ċanga u annimali oħra fil-biċċerija tal-Gvern u/jew privati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11906 u jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla tal-majjal, ċanga u annimali oħra fil-biċċerija tal-Gvern, bejn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, xahar b'xahar? Jista’ jagħti tagħrif ukoll dwar jekk hemmx biċċeriji tal-privat awtorizzati biex jagħmlu l-qatla?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għall-informazzjoni mitluba li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-annimali inkwistjoni jistgħu jinqatlu biss minn biċċeriji awtorizzati. Fil-gżejjer Maltin hawn żewġ Biċċeriji awtorizzati li huma l-Biċċerija Pubblika ta’ Malta u dik ta’ Għawdex. Hemm 3 biċċeriji privati għall-fniek u tlieta oħra għat-tiġieġ.

Qawra – ċentru tas-saħħa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11908 jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar jekk hux qed isir tibdil fil-pjanti taċ-ċentru tas-saħħa ppjanat għall-Qawra minn kif sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar? Jekk iva, fiex jikkonsisti dan it-tibdil propost?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma sar l-ebda tibdil fil-pjanti taċ-ċentru tas-saħħa ppjanat għall-Qawra minn kif sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar.