Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – Taħriġ tas-sewqan speċjalizzat għal persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta (TM) għamlitx xi sejħa biex instructors tas-sewqan jingħataw taħriġ speċjalizzat biex ikunu jistgħu jgħallmu lil persuni b'diżabilità biex ikunu jistgħu jġibu l-liċenzja tas-sewqan? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa, kemm kien hemm instructors li fil-fatt applikaw għal dan it-taħriġ, u kemm minnhom temmew it-taħriġ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Edukazzjoni — Programm fuq saħħa sesswali speċjalizzat għal persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru waqqafx xi programm edukattiv speċifiku biex persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jingħataw informazzjoni u tagħrif dwar is-sesswalità u s-saħħa sesswali? Jekk iva, meta beda jitħaddem dan il-programm, u kemm kien hemm persuni li għamlu użu minnu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kurrikulu Minimu Nazzjonali (NMC) tal-1990 kien l-ewwel qafas legali li jħaddan aspetti differenti tal-iżvilupp uman u d-diversità ta’ kull student. L-NMC poġġa enfasi fuq esperjenzi ta’ tagħlim li jippermettu lill-istudenti jiżviluppaw ħiliet li jgħinuhom jiddibattu fuq s-sesswalita u r-relazzjonijiet b’mod matur u jikkultivaw attitudni imparzjali u mingħajr ġudizzju lejn is-sess u s-sesswalità. u "aġixxi b'mod responsabbli u pożittiv f'dan ir-rigward" (NMC, 1990, p.36). Il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali għal Kulħadd tal-2012 u l-Linji Gwida tal-2013 dwar l-Edukazzjoni dwar is-Sesswalità u r-Relazzjonijiet fl-Iskejjel Maltin komplew fuq dan il-kunċett ta’ inklussività. L-Edukazzjoni fuq is-sesswalita u r-relazzjonijiet hija obbligatorja taħt l-Att dwar l-Edukazzjoni Bażika u titwassal f’diversi suġġetti prinċipalment fix-Xjenza, Bijoloġija, u fis-suġġett tal-PSCD (Żvilupp Personali, Soċjali u tal-Karriera). Is-suġġetti differenti jittrattaw is-suġġett minn perspettiva differenti iżda l-PSCD huwa l-uniku suġġett li jittratta is-suġġett tas-sesswalita u r-relazzjonijiet fi snin kollha li s-suġġett jiġi mgħallem, jiġifieri mill-Year 4 sa Year 11. Dan iseħħ biex l-istudenti jkollhom l-informazzjoni t-tajba u b’hekk ikun ippreparati b’mod adegwat għall-bidliet fiżiċi, emozzjonali u fiżjoloġiċi li se jkunu qed iseħħu. Is-sillabu tal-PSCD jiġi aġġornat kontinwament biex ikun żgurat li jirrifletti l-bżonnijiet tal-istudenti. Matul is-snin diversi riżorsi differenti ngħataw lil-għalliema bħal pereżempju kits tal-eżami tas-sider u testikolari u kits tal-kontraċettivi biex it-tagħlim ikunu iktar effettivi.

Pensjonijiet ta’ persuni b'diżabilità – Tibdil fil-liġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx jew hux mistenni li jsir fil-futur qarib tibdil fil-liġijiet dwar il-pensjoni ta' persuni b'diżabilità, biex dawk il-persuni b'diżabilità severa (li sal-lum jistgħu jaħdmu u fl-istess ħin jingħataw il-benefiċċji) li jilħqu l-età pensjonabbli fil-fatt ikomplu jirċievu l-istess benefiċċji, minkejja li jkunu qed jieħdu l-pensjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ħarsien tal-interessi tat-tfal

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi żviluppi ġodda kien hemm matul l-aħħar tnax il-xahar f’dak li jikkonċerna t-tisħiħ tal-ħidma koordinata bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Socjali (FSWS), id-Dipartiment tas-Saħħa u l-iskejjel sabiex jiġi assigurat li jkun hemm passi preventivi biex jiġu mħarsa l-interessi tat-tfal? X'titjib sar f'dan ir-rigward matul dan il-perjodu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Strateġiji Nazzjonali — persuni b’diżabilità jew bl-awtiżmu

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi żviluppi kien hemm matul din is-sena għal dak li jirrigwarda avvanz biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u l-Istrategija Nazzjonali għall Persuni bl-Awtiżmu? Tista' tgħid ukoll x’miżuri oħra huma mistennija li jkomplu jittieħdu fil-futur immedjat sabiex dawn l-għanijiet ikomplu jintlaħqu fl-iqsar żmien possibbli?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward taż-żewġ Strateġiji, l-Ministeru flimkien mal-istakeholders konċernati jfasslu l-pjanijiet fuq bażi annwali sabiex jiġu identifikati dawk l-azzjonijiet li jkunu ser jitwettqu matul is-sena, u fuq bażi regolari jsir eżerċizzju ta’ monitoraġġ sabiex jitkejjel il-progress li jkun sar. Intant, bħala parti mill-monitoraġġ taż-żewġ strateġiji, twaqqfu wkoll strutturi apposta fi ħdan il-Ministeru fosthom il-Mekkaniżmu Nazzjonali ta’ Kordinazzjoni għall-Konvenzjoni UNCPRD, l-ENGAGE, u l-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu. Dan l-istess eżerċizzju qed jiġi preparat għas-sena li ġejja sabiex jitwettaq pjan ta’ dak li hu previst li jsir. Intant, id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità ħadem ukoll fuq diversi liġijiet li huma relatati mas-settur tad-diżabilità fosthom: · Ir-Ratifika tal-Konvenzjoni ta’ The Hague dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti; · L-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti f’Sitwazzjonijiet ta’ Vulnerabilità (PASVA) · L-Att dwar l-Awtonomija Personali · Avviż legali dwar l-Assistenza Personali · Avviż legali dwar ir-Rati fir-rigward ta’ Persuni li jgħixu f’Residenzi tad-Diżabilità · Direttiva tal-UE dwar il-European Disability Card u l-Blue Badge · Leġiżlazzjoni sabiex tiġi pprojbita l-Isterilizzazzjoni Furzata Għaddejjin ukoll b’konsultazzjoni biex jiġu żviluppati l-elementi ta’ data fi rigward ta’ diżabilità. Matul is-sena saru diskussjonijiet ma’ diversi setturi fis-Servizz Pubbliku b’mod speċjali dwar l-aċċessibilità f’postijiet pubbliċi, bajjiet, attivitajiet kulturali u ta’ divertiment, kif ukoll servizzi għal tfal b’diżabilità sabiex jiffaċilitaw il-vjaġġ edukattiv tagħhom. Dawn id-diskussjonijiet huma kontinwi matul is-sena kollha.

Għaqdiet Volontarji — Reġistrazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għaqdiet volontarji ma baqgħux irreġistrati bħala tali minn meta ġiet imwieġba l-mistoqsija parlamentari 8697 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema kienu dawn l-għaqdiet? F'liema setturi kienu rreġistrati dawn l-għaqdiet, skont l-oqsma li jaħdmu fihom? X'kienet ir-raġuni li ma baqgħux irreġistrati?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma kien hemm ebda kanċellazzjonijiet mill-aħħar tweġiba. Il-lista ta' VOs li tneħħew mir-Reġistru tinsab hawn isfel: · VO 1033 European Judo Union · VO 1685 Isle of the Left · VO 1880 Fondazzjoni Beraħ · VO 2299 Friends of the Sacret Heart of Jesus Church · VO 1769 Dorothean Ex-Alumnae Association · VO 1852 3/11 Regt RMA Asssociation · VO 1718 Malta Association of Homeopaths Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellanta li fit-tweġiba ma ngħatat l-ebda raġuni għall-għeluq tal-VOs peress li dawn ma jipprovdux raġunijiet meta jispiċċaw volontarjament.

Ix-Xemxija — Rapporti fuq is-sit fejn kien hemm Mistra Village

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12378 dwar rapporti fuq is-sit fejn kien il-Mistra Village, ix-Xemxija, jista' l-Ministru jgħid dwar xiex kienu s-60 rapport li waslu għand l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u kif dawn ir-rapporti ġew ikkomunikati lill-istess Awtorità (email, ittra, telefon eċċ)? Jista’ jgħid ukoll x'passi ttieħdu fuq kull wieħed minn dawn l-ilmenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ 60 rapport li waslu għand l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u kif dawn ir-rapporti ġew ikkomunikati lill-istess Awtorità. Ninfurmak li d-dipartiment tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità ħa ħsieb li jagħmel spezzjoni immedjata fuq is-sit għal kull rapport li l-Awtorità irċeviet, tant li saru 40 spezzjoni lkoll relatati mar-rapporti imsemmija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-Awtorità imponiet erba’ penali u waqqfet ix-xogħlijiet fuq is-sit imsemmi tliet darbiet.

Ix-Xemxija — Rapporti fuq is-sit fejn kien hemm Mistra Village

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12378 dwar rapporti fuq is-sit tal-eks Mistra Village, Xemxija, jista' l-Ministru jgħid dwar xiex kienu r-rapporti li waslu għand l-Awtorità tal-Ippjanar u kif dawn ir-rapporti ġew ikkomunikati lill-istess Awtorità (email, ittra, telefon eċċ.)? Jista’ jgħid ukoll x'passi ttieħdu fuq kull wieħed minn dawn l-ilmenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12802.

Servizz.gov – Uffiċċju f’San Pawl il-Baħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru ser ikunu qed jingħataw mill-uffiċċji tas-‘servizz.gov’ li nfetaħ ħdejn il-knisja parrokkjali ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid liema minn dawn is servizzi kienu jingħataw mill-uffiċċju tal-Qawra? Jista’ jgħid ukoll jekk is-servizzi li kienu jingħataw mill-Qawra hux ser jibqgħu jingħataw minn hemm ukoll?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa – Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa matul ix-xahar ta’ Ottubru 2023? Jista’ jgħid ukoll jekk il-pulizija talbux li jittieħdu xi miżuri partikulari ta’ sigurtà minħabba dawn l-inċidenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi minn verifiki li saru dwar in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa matul ix-xahar ta’ Ottubru 2023, inċidenti li seħħew fit-Triq Għajn Tuffieħa u li huma reġistrati mal-LESA kienu erbgħa (4), b'żewġ (2) inċidenti oħra seħħew mar-roundabout tax-Xemxija, qabel tibda t-triq imsemmija. Ma kienx hemm aktar inċidenti tat-traffiku rrappurtati fl-istess triq fis-sistema tal-Pulizija. Dwar miżuri oħra nitolbok tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa – Miżuri biex jitnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku

Question

Tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex fil-postijiet li fihom qed isir xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa jittieħdu aktar miżuri ta’ sigurtà sabiex jitnaqqas il-periklu fit-triq u jiġi evitat li jseħħ xi inċident tat-traffiku, kif diġà ġara?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tista’ tassigura li qegħdin jittieħdu u jiġu mħarsa l-miżuri kollha ta’ saħħa u sigurtà fiż-żona indikata. Il-Korporazzjoni żżomm is-saħħa u s-sigurtà fil-prioritajiet li tħaddan u għaldaqstant kontinwament tara li dawn il-livelli jibqgħu jiġu milħuqa u miżmuma.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – uffiċini distrettwali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11084, jista' l-Ministru jipprovdi t-tagħrif mitlub fl-istess mistoqsija u jgħid ukoll jekk iċ-ċaqliq ta’ servizz mill-Qawra għal San Pawl il-Baħar huwiex parti mill-uffiċċji tal-istess Ministeru?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11084.

Miżuri ta’ Pest Control

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta’ koordinazzjoni saret jew qiegħda ssir mal-Ministeru għas-Saħħa, biex tiġi kkontrollata l-preżenza tal-ġrieden fl-għelieqi? X'miżuri partikolari ttieħdu biex il-ħsara lill-prodotti agrikoli titnaqqas kemm jista’ jkun?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12793. Id-Direttorat tal-Agrikoltura għaddej bi sforz kontinwu sabiex jiġi assigurat li l-kontroll tal-ġrieden ikun wieħed effettiv.

Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Qawra, Naxxar — Trasport għall-iskejjel primarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-iskejjel primarji tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, il-Qawra u n-Naxxar, li jitwasslu l-iskola permezz ta’ trasport ipprovdut mill-Ministeru u kemm jintużaw vetturi għal dan it-trasport?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għas-Saħħa — Pest Control Unit

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12386, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar jekk il-bdiewa nfushom jistgħux jitolbu u jikkordinaw mal-Pest Control Unit biex isiru trattamenti kontra l-ġrieden u b'hekk tiġi evitata l-problema tal-proprjetà privata, kif indikat fit-tweġiba?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull meta jkollna lmenti minn bdiewa fir-rigward ta' infestazzjoni tal-ġrieden fl-art privata tagħhom, nagħmlu pest control fiż-żoni pubbliċi ta' madwar l-art.

Ix-Xemxija u San Pawl il-Baħar — Triq Katerina Vitale, Triq il-Fuħħar, Triq Piscopo Macedonia u Triq Raddet ir-Roti - Applikazzjoni għal PC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hux qed tikkunsidra applikazzjonijiet għal PC fl-inħawi ta' Triq Katerina Vitale, Triq il-Fuħħar, Triq Piscopo Macedonia u Triq Raddet ir-Roti, fl-inħawi tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar u jekk hemm tali applikazzjoni, meta daħlet għand l-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandha l-ebda applikazzjonijiet għal Planning Control fl-inħawi ta' Triq Katerina Vitale, Triq il-Fuħħar, Triq Piscopo Macedonia u Triq Raddet ir-Roti, fl-inħawi tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar.

Għaqdiet Volontarji — Reġistrazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew irreġistrati għaqdiet volontarji ġodda minn meta ġiet imwieġba l-mistoqsija parlamentari 8696 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema kienu dawn l-għaqdiet? F'liema setturi ġew irreġistrati dawn l-għaqdiet, skont l-oqsma li jaħdmu fihom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qiegħda npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

BICC — Skill Cards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu skill cards mill-Building Industry Consultative Council (BICC), mill-ġurnata li bdew jinħarġu dawn il-cards sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsumin sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll għal liema skills inħarġu dawn il-cards, u kemm inħarġu skill cards separatament għal kull kategorija?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Kunsill Konsultattiv dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex il-Kunsill Konsultattiv dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCCC) effettivament jibda jopera? Dan ser ikun qed ifisser li l-Building Industry Consultative Council (BICC) ma jibqax jopera? Jista’ jgħid ukoll minn fejn ser ikun qed jopera l-BCCC u jagħti tagħrif dwar min qed/ser ikun qed imexxih?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Avviż Legali li jwaqqaf dan il-Kunsill ġie ppubblikat nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Ottubru 2023 u tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn, 30 t’Ottubru 2023. Fi żmien qarib se tkun ippubblikata l-lista tal-membri tal-BCCC. Il-BCCC se jkun qed jissostitwixxi l-BICC.

Ix-Xemxija — Rapporti ta’ xogħol ta’ skavar fis-sit tal-Eks Mistra Village

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12244 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11824 dwar is-sit tal-eks Mistra Village fix-Xemxija, jista’ l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ir-rapporti u meta waslu? Jista’ jgħid ukoll x'passi ttieħdu minn dawn l-awtoritajiet wara li daħlu dawn ir-rapporti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12378 li ngħatat fis-seduta 160.