Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Servizzi mogħtija

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema servizzi qed jingħataw mid-dipartimenti jew awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu minn xi uffiċċju li l-Gvern għandu f'San Pawl il-Baħar (lokalità kollha)? Fejn jinsabu dawn l-uffiċċji li minnhom qed jingħataw dawn is-servizzi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li s-servizzi tal-FSWS lill-komunitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, Qawra, Xemxija u Burmarrad jingħataw miċ-Ċentru tal-Komunità li jinsab f’ Blokk B 4, Triq il-Frejgatina San Pawl il-Baħar SPB 1273. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellanta li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) permezz tal-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità (ACTS) tipprovdi servizzi ta’ ħidma soċjali, commuity mentoring, servizzi ta’ psikoterapija, terapija tal-familja, u counselling, kif ukoll gwida fit-trobbija tal-ulied għall-individwi u familji. Fuq livell ta’ komunità, is-servizz jipprovdi community development worker biex issir ħidma mal-imsieħba soċjali u mal-komunitajiet fuq bażi kollettiva. Inżid ingħid li diversi servizzi oħra, speċjalment dawk offruti mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, fejn jirrigwardja applikazzjoni u jew mistoqsijiet dwar pensjonijiet u benefiċċji, qegħdin ukoll jintlaħqu f’diversi komunitajiet, inkluż il-komunita ta’ San Pawl il-Baħar, permezz tal-uffiċini li huma responsabbli minnhom is-Servizz.Gov.

Azjendi li jimpjegaw persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm azjendi li impjegaw persuni b'diżabilità għas-sena 2021, 2022 u 2023? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm azjendi li ddeċidew li minflok jimpjegaw persuni b'diżabilità, iħallsu l-ħlasijiet li tistabilixxi l-liġi f'dawn iċ-ċirkostanzi għal kull waħda minn dawn is-snin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li f’ Diċembru 2021 kien hemm 1,971 kumpanija jimpjegaw persuni b'dizabilità, f’ Diċembru 2022 kien hemm 2,213-il kumpanija u sal-aħħar ta’ Mejju 2023 kien hemm 2,304 kumpaniji. L-aħħar ċifri ppubblikati huma ta’ Mejju 2023. Biex jitnaqqas il-piz minn fuq l-kumpaniji, kkawzat mill-pandemija COVID-19, fl-2021 (sena ba¿i 2020), 2022 (sena bazi 2021) u 2023 (sena bazi 2022) Jobsplus ma’ ħarġitx talbiet biex tiġbor il-kontribuzzjonijiet mingħand dawk il-kumpaniji li ma kienux konformi ma’ din il-liġi. Fl-aħħar tal-2020 kien hemm 639-il kumpanija li ma kienux konformi mal-kwota t’impiegi ta’ persuni b’dizabilità, fl-2021 kien hemm 633, filwaqt li fl-2022 kien hemm 778. Fl-2024 Jobsplus ser toħroġ talbiet biex tiġbor il-kontribuzzjonijiet mingħand dawk il-kumpaniji li ma jkunux konformi ma’ din il-liġi sal-aħħar tal-2023.

Ħarsien tal-interessi tat-tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi ġodda kien hemm għal dak li jikkonċerna t-tisħiħ tal-ħidma koordinata bejn il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS), id-Dipartiment tas-Saħħa u l-iskejjel, biex jiġi assigurat li jkun hemm passi preventivi biex jiġu mħarsa l-interessi tat-tfal matul l-aħħar tnax il-xahar u x'titjib sar f'dan ir-rigward matul dan il-perjodu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, l-FSWS ilha tikkopera mal-entitajiet imsemmija għal bosta snin. Id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri ilu għal bosta snin jaħdem id f’id mal-pedjatri tal-emerġenza tat-tfal, speċjalment fejn jidħlu ka¿ijiet li t-tobba jidhrilhom li l-ġrieħi li jkollhom it-tfal ma jkunux ikkaw¿ati minn aċċidenti ġenwini i¿da b’mod mhux naturali ħalli dawn jiġu investigati. Hemm ukoll kuntatt dirett u kontinwu mal-iskejjel biex kull fejn jindika li ikun hemm abbu¿ jew traskuraġni fuq it-tfal din tkun investigata. Dan kien possibli li jsir bis-saħħa tal-klawsoli fuq mandatory reporting f’Kap 602 li daħlu fis-seħħ u li qed iwasslu biex id-Direttorat għall-ħarsien tal-Minuri jinvestiga mal-200 kas kull xahar. Din il-ħidma kollha ilha ssir u hija on-going.

Ħarsien tal-interessi tat-tfal

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi żviluppi ġodda kien hemm għal dak li jikkonċerna t-tisħiħ tal-ħidma koordinata bejn il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS), id-Dipartiment tas-Saħħa u l-iskejjel biex jiġi assigurat li jkun hemm passi preventivi biex jiġu mħarsa l-interessi tat-tfal matul l-aħħar tnax il-xahar u x'titjib sar f'dan ir-rigward matul dan il-perjodu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika il-mistoqsija tagħha.

Ħarsien tal-interessi tat-tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi ġodda kien hemm għal dak li jikkonċerna t-tisħiħ tal-ħidma koordinata bejn il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS), id-Dipartiment tas-Saħħa u l-iskejjel biex jiġi assigurat li jkun hemm passi preventivi biex jiġu mħarsa l-interessi tat-tfal, matul l-aħħar tnax il-xahar u x'titjib sar f'dan ir-rigward matul dan il-perjodu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Uffiċċju tas-‘servizz.gov’

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’servizzi ser ikunu qed jingħataw mill-uffiċċju tas-‘servizz.gov’ li nfetaħ ħdejn il-knisja parrokjali ta’ San Pawl il-Baħar u liema minn dawn is servizzi kienu jingħataw mill-istess uffiċċju fil-Qawra? Jista’ jgħid ukoll jekk is-servizzi li kienu jingħataw mill-Qawra hux ser jibqgħu jingħataw minn hemm ukoll?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li ċ-ċentru reġjonali l-ġdid ġewwa San Pawl il-Baħar jipprovdi firxa estensiva ta’ servizzi governattivi, fosthom Sigurtà Soċjali, Taxxa, Anzjanità Attiva, u VAT Grants. Dawn is-servizzi jikkonsolidaw dawk li qabel kienu disponibbli fiċ-ċentru reġjonali tal-Qawra. Bħalissa l-Aġenzija servizz.gov qed twettaq eżerċizzju fost individwi li jżuru ċ-ċentru ta’ San Pawl il-Baħar biex tara mil-liema parti tal-lokalità jkunu ġejjin. Mat-tlestija ta’ dan l-eżerċizzju, l-Aġenzija tkun f’pożizzjoni aħjar biex tiddetermina l-bżonn jekk iċ-ċentru tal-Qawra għandux jerġa’ jiftaħ f’jiem speċifiċi fil-ġimgħa. L-Aġenzija servizz.gov tibqa’ kommessa li tissodisfa l-ħtiġijiet taċ-ċittadini billi tipprovdi servizzi governattivi effiċjenti u ċċentrati fuq iċ-ċittadin.

Naxxar – Bini ta’ skola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux mistenni li jinbeda xogħol ta’ bini ta' skola fil-limiti tan-Naxxar, mill-Gvern u jekk iva, meta hu mistenni li jinbeda dan ix-xogħol? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti u jagħti tagħrif dwar jekk hux ser ikun hemm faċilitajiet ta' parkeġġ għall-għalliema?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-applikazzjoni ta żvilupp diġa ġie sottomess lill-Awtorita tal-Ippjanar, il-proġett jinsab f’fażi ta’ konsultazzjoni.

Ċentri 3-16

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Ċentri 3-16 fl-iskejjel tal-Gvern u fejn jinsabu dawn iċ-ċentri? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm tfal li jattendu f'kull wieħed minn dawn iċ-ċentri, u kemm hu n-numru ta’ persuni li jkunu qed jieħdu ħsieb dawn it-tfal?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s’issa hawn total ta’ 35 ċentru 3-16 fejn jattendu 5,541 tifel/tifla. Hemm ukoll 1001 impjegat li jieħdu ħsieb lit-tfal.

Carers grant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jintużaw sabiex ġenitur jikkwalifika għal carers grant (ġenituri li ma jaħdmux biex jieħdu ħsieb lil uliedhom minħabba d-diżabilità severa tagħhom)? Jista’ jgħid ukoll kemm-il ġenitur ikkwalifika għal din il-grant fis-sena 2021, 2022 u 2023 u kemm kienet in-nefqa għal kull sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġenituri li ma jkunux jaħdmu minħabba li jkunu jieħdu ħsieb wild li jkun qiegħed jirċievi l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, jkunu ntitolati għal Carers Grant li ġiet introdotta għall-ewwel darba fis-sena 2021 u titħallas fl-ekwivalenti ta’ nofs il-Paga Minima Nazzjonali. It-tabella li ssegwi tirreferi għan-numru ta’ benefiċċjarji u n-nefqa għas-snin 2021, 2022 u 2023. Għotja għall-Carers Benefiċċjarji Nefqa 2021 421 €129,600.00 2022 442 €231,800.00 2023 449 €1,435,307.50

Servizz tal-assistenti personali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna bbenefikat mis-servizz tal-assistent personali matul is-sena 2023? Billi f'paġna 30 tad-Diskors tal-Baġit 2024 qed jingħad li matul l-2024 se jkun hemm investiment ta’ €5.2 miljun għal assistenti personali, tista' tgħid ukoll kif se jkunu qed jintefqu dawn il-flus, kif ukoll kemm se jkun hemm persuni li mistennija jibbenefikaw minn dawn in-nefqiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bejn Jannar 2023 u d-data tat-tweġiba kien hemm 391 persuna b’diżabilità li bbenefikat mis-servizz tal-assistent personali. Il-baġit allokat għal assistenti personali fl-2024 mistenni li jkompli jilħaq il-bżonnijiet ta’ dawn il-persuni waqt li jintlaħqu madwar 50 persuna addizzjonali.

Tax credit għal terapija ta' tfal b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il ġenitur ibbenefika mit-tax credit għal terapija ta' tfal b'diżabilità matul is-sena 2023?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-iskema ta' kreditu ta' taxxa toffri dan il-kreditu fuq it-taxxa mħallsa għad-dħul għas-sena li qegħdin fiha, jiġifieri għall-2023. Filfatt, l-applikazzjonijiet sabiex wieħed jibbenefika mill-iskema msemmija jistgħu jintlaqgħu sal-15 ta' Jannar 2024 u jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku tas-CRPD fuq www.crpd.org.mt/therapy-tax-credit/

Naxxar — Disability hub

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett tad-disability hub fin-Naxxar? Mill-fondi allokati għas-sena 2023, tista’ l-Ministru tgħid kemm fondi intużaw u fiex intużaw, għal dan il-hub? Tista’ tgħid ukoll kemm huma l-fondi allokati għal dan il-hub għas-sena 2024?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġà ġie spjegajt aktar kmieni f’mistoqsijiet parlamentari preċedenti, minħabba li minn meta kien ser jibda l-proġett kien hemm kumplikazzjonijiet li nqalgħu minħabba skoperti ta’ fdalijiet li huma protetti mis-Supretendenza għall-Patrimonju Nazzjonali, kif ukoll tilwim legali li jinvolvi wkoll każ il-Qorti, għadda ħafna ż-żmien minn fuq id-dati tal-implimentazzjoni tal-proġett. Bil-pandemija tal-Covid 19 u anke bit-tisħiħ t’Artiklu 19 tal-konvenzjoni għad-drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità tan-Nazzjonijiet Uniti, il-proġett kif kien ippjanat ma kienx ser ikun jirrispetta l-bżonnijiet u n-neċessitajiet tal-komunitajiet tagħna. Kien għalhekk li l-Ministeru ser ikun qed jerġa’ jiddiskuti mal-istakeholders biex naraw id-dimensjoni ġdida ta’ dan il-proġett biex jindirizza r-realtajiet u l-esiġenzi tal-kommunitajiet tagħna bil-foka dejjem tibqa’ l-aħjar interess ta’ persuni b’diżabilità.

Trasport għal persuni bi ħtiġijiet speċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk matul din is-sena kienx hemm żieda fin-numru ta' persuni li għandhom ħtiġijiet speċifiċi biex jaslu fl-iskejjel jew fuq il-postijiet tax-xogħol u dan minħabba xi kundizzjoni partikolari, li bdew jingħataw l-għajnuna ta' trasport ħalli jkunu jistgħu jaslu fejn għandhom jaslu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li t-trasport għall-iskejjel jingħata b’xejn lil kulħadd, filwaqt li l-Aġenzija Sapport permezz tal-Empowerment Scheme tissussidja t-trasport għal numru ta’ persuni b’diżabilità biex imorru x-xogħol kif ukoll skola terzjarja jew l-Università. Fl-aħħar sena kien hemm żieda għal dawn it-talbiet mis-sena ta’ qabel.

Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif qed jiġi assigurat li l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità qed titwettaq bl-aħjar mod f'Malta? Tista' tgħid ukoll kemm żdiedu l-persuni li jaħdmu fil-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u d-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità? Tista’ tgħid kemm hi mistennija li tkun in-nefqa f'dan ir-rigward matul is-sena 2024?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Minn mindu ġiet ratifikata l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità fl-2012, Malta kienet impenjata sabiex timplimenta l-prinċipju ewlieni wara l-Konvenzjoni – “Xejn Dwarna, Mingħajrna”. Barra r-riformi neċessarji li kien hemm bżonn li jsiru kemm mill-aspett legali u policies tal-Gvern, dan il-Ministeru waqqaf il-kumitat tal-ENGAGE. Dan il-kumitat huwa l-forum għall-Parteċipazzjoni tas-Soċjetà Ċivili Maltija fis-settur tad-Diżabilità, fi ħdan id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI). Fuq dan il-kumitat hemm il-maġġoranza sħiħa ta’ persuni b’diżabilità, il-familji u l-alleati tagħhom, kif ukoll akkademiċi, rappreżentanti tal-NGOs, u s-CRPD, ir-Regolatur Nazzjonali tad-Diżabilità. F’konformità mal-obbligi tal-Konvenzjoni, dan il-Ministeru waqqaf ukoll struttura Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni. Din l-istruttura qegħda tiżgura l-koordinament tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali flimkien mal-Ministeri konċernati. Min-naħa l-oħra ġie imsaħħaħ ir-rwol tas-CRPD, bħala r-Regolatur Nazzjonali tad-Diżabilità, permezz ta’ emendi fil-liġi Maltija. Skont l-Att Dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità) (Kap 413), il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità hija l-mekkaniżmu indipendenti sabiex tipproteġi, tissorvelja u tippromwovi l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni timpjega żewġ Managers u EU Projects Manager li jaħdmu sabiex jissorveljaw l-artikli tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni torganizza konferenzi u tattendi oħrajn, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, sabiex tikseb aktar għarfien kemm fuq is-sitwazzjoni preżenti f’Malta, kif ukoll dwar l-aħjar prattiċi fis-settur. It-Taqsimiet tal-Investigazzjonijiet u tal-Compliance jaħdmu wkoll sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità skont ma tipprovdi l-Konvenzjoni, b’tal-ewwel tinvestiga l-ilmenti mill-pubbliku u t-tieni billi tassigura li l-permessi tal-ippjanar jingħataw biss lil dawk il-proġetti li huma aċċessibbli. Minbarra l-baġit għas-salarju tal-ħaddiema tagħha, matul l-2024 il-Kummissjoni ser tinvesti madwar €20,000 f’awditjar ta’ servizzi għat-tfal u x-xelters għall-vittmi ta’ vjolenza domestika sabiex dawn isiru aktar aċċessibbli għal kulħadd. F’Jannar 2022, il-Kummissjoni impjegat EU Funds Manager, li kien l-uniku reklutaġġ li sar minbarra s-sostituzzjonijiet ta’ staff li ma baqax jaħdem mal-Kummissjoni. Sal-2022, kien hemm tliet persuni li jaħdmu fi ħdan id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità. Kien hemm żieda ta’ żewġ impjegati fl-2023, fosthom li għal l-ewwel darba ġie maħtur Direttur responsabbli minn dan id-Direttorat. In-nefqa għas-sena 2024 għal dan id-Direttorat mistennija tkun ta’ €10,125,000.

Proġett Narċis

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' persuni li qed jingħataw support permezz tal-proġett Narċis u x'tip ta' għajnuna qed jingħataw il-persuni li għandhom dritt għal din l-għajnuna? Tista' tgħid ukoll jekk hux qed issir koordinazzjoni ma' ministeri oħra sabiex dan is-support ikun tal-aqwa livell u jekk iva, ma’ liema ministeri qed issir u fiex tikkonsisti din il-koordinazzjoni?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat. Tajjeb li nsemmi li l-Aġenzija Sapport li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur tagħti servizz lil persuni b’diżabilità li jgħixu jew qegħdin jingħataw servizzi ta’ respite f’Narċis permezz ta’ ftehim iffirmat bejn iż-żewġ partijiet.

Guardianship Board

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'funzjoni qed jaqdi l-Guardianship Board fil-preżent? Tista’ tgħid ukoll kemm kien hemm persuni li ngħataw support matul l-aħħar 12-il xahar permezz ta' deċiżjonijiet li ttieħdu mill-istess Guardianship Board?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-Bord dwar il-Kustodja (Guardianship Board) jaqdi l-funzjoni tiegħu skont il-liġi fejn huwa jikkunsidra talbiet għal kustodja ta’ persuni li minħabba diżabilità jew xi kundizzjoni oħra ma jkunux f’pożizzjoni li jamministraw il-beni tagħhom mobbli jew immobbli, dawk finanzjarji u/jew jieħdu deċiżjonijiet relatati mas-saħħa tagħhom b’mod indipendenti u fl-aħjar interess tagħhom. Fis-sena 2023, sal-aħħar ta’ Ottubru dan il-Bord diġà rċieva tlett mija u sebgħa u erbgħin (347) applikazzjoni. Minn dawn l-applikazzjoni diġà ġew deċiżi mitejn u ħames (205) każi. Barra min hekk il-Bord jirċievi u jerġa’ jikkunsidra talbiet għat-tiġdid ta’ Ordnijiet ta’ Kustodja maħruġa fis-snin ta’ qabel wara li l-Kustodju jippreżenta rapport annwali tal-amministrazzjoni tiegħu. Għaldaqstant bħalissa fl-attiv hemm b’kollox disa’ mija u tlieta u tletin (933) Ordni ta’ Kustodja. Ma’ dawn wieħed irid iżid dawk it-talbiet li l-Bord jirċievi b’mod regolari mingħand kustodji sabiex ikunu jistgħu jaraw kif l-aħjar jimxu f’ċirkostanzi differenti li jiltaqgħu magħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala kustodji.

Skema SensAbility

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif qed tiffunzjona l-iskema SensAbility li tgħin tfal bl-awtiżmu? Tista' tgħid ukoll kemm kien hemm każijiet fejn intalbet għajnuna sabiex ikunu jistgħu jsiru multi-sensory rooms fid-djar matul l-aħħar 12-il xahar, tgħid kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu u kemm kienet l-ispiża għal dan il-għan?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Transport Malta – Taħriġ tas-sewqan speċjalizzat għal persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk Transport Malta għamlitx xi sejħa biex instructors tas-sewqan jingħataw taħriġ speċjalizzat biex ikunu jistgħu jgħallmu lill-persuni b'diżabilità, biex ikunu jistgħu jġibu l-liċenzja tas-sewqan? Jekk iva, tista’ tgħid meta ħarġet is-sejħa, kemm kien hemm instructors li fil-fatt applikaw għal dan it-taħriġ, u kemm minnhom temmew it-taħriġ?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-ewwel parti tal-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat. Però intant ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport permezz tas-Sonia Tanti Independent Living Center għamlet taħriġ lil seba’ Occupational Therapists u żewg driving instructors ġewwa Birmingham l-Ingilterra. It-taħriġ qed jingħata fuq vann li nġieb Malta mill-Aġenzija Sapport fuq id-drive from wheelchair vehicle.

Malta Standards Authority – Kuntratti ma NGOs u kumpanijji privati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn NGO's li jagħtu servizz lil persuni b'diżabilità? Tista' tgħid x'tip ta' kuntratti għandha l-Awtorità Maltija dwar l-Istandards ma' dawn l-NGO's? Tista' tgħid jekk il-Ministeru għandux ukoll kuntratti ma' service providers privati u jekk iva, ma' liema service providers privati huma dawn il-kuntratti u jekk tali kuntratti humiex differenti minn dawk li hemm mal-NGO's?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellanta li b’kollox hemm 58 għaqda li hija reġistrata mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għal-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO), b'natura u ħidma li torbot ma' dak li għandu x'jaqsam is-settur tad-diżabilità. Ninfurmaha ukoll li l-Agenzija Sapport għandna żewġ kuntratti ma’ service providers. Wieħed mal-kumpanija HILA Homes fejn jingħata servizz ta' respite u kuntratt ieħor mal-Koperattiva SPERO li joffru servizz lil persuni b'nuqqas ta' dawl. Fir-rigward tal-NGOs hemm żewġ kuntratti ma' żewġ għaqdiet (Dar il-Kaptan u Dar Arka) li joffru servizz ta' respite. L-Awtorità Maltija dwar l-Istandards ma tidħolx f’kuntratti simili fis-settur tad-diżabilità.