Jista' l-Ministru jgħid jekk Jobsplus tipprovdix definizzjoni tal-impjieg 'Assistent Personali' (għal persuna b'diżabilità) u jekk iva, x’inhi din id-definizzjoni?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-nomenklatura 'Assistent Personali' (għal persuna b'diżabilità) għadha mhijiex mal-lista ta’ titli ta’ xogħol eżistenti.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7622, jista' l-Ministru jaġġorna l-informazzjoni li ngħatat f'din it-tweġiba sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7622 u l-persuni impjegati f'Ottubru 2022, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni kienu qegħdin fiż-żmien tal-probation? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom baqgħu impjegati mal-istess kumpanija, entità eċċ. meta għadda ż-żmien ta' probation? Kemm minn dawn il-persuni baqgħu impjegati mal-istess kumpanija, entità eċċ. f'Ottubru 2023?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus ma jkollhiex informazzjoni dwar il-perjodu ta’ probation fuq il-post tax-xogħol.
Skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, minn 4,765 persuna li kienet impjegata f'Ottubru 2022, 4,077 kienu għadhom impjegati mal-istess kumpanija sal-aħħar ta’ Ġunju 2023.
L-aħħar ċifri ppubblikati huma ta’ Ġunju 2023.
Persuni b’diżabilità li qed jirreġistraw għax-xogħol
Question
B'referenza għall-informazzjoni li ngħatat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7621, jista' l-Ministru, għal kull perjodu msemmi fl-istess tweġiba, jgħid kemm kien in-numru ta' persuni b'diżabilità eliġibbli li jaħdmu iżda ddeċidew li ma jirreġistrawx biex jaħdmu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus m’għandhiex informazzjoni dwar persuni inattivi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jsiru xi xogħlijiet fuq it-Torri ta' Wignacourt hekk kif partijiet minnu jinsabu fi stat ħażin ħafna, tant li waqa' xi ġebel mill-istess torri u hemm ukoll barrikati (barriers) tal-Pulizija fuq il-post?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-Torri ta’ Wignacourt huwa taħt il-kustodja tal-għaqda non-governattiva Din l-Art Ħelwa, u huwa mistenni li tali kustodja tiġi mġedda fil-jiem li ġejjin.
Infurmat ukoll li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kkomunikat ma’ Din l-Art Ħelwa, fejn din l-istess għaqda kkonfermat li ma rċeviet l-ebda rapport ta’ ġebel jaqa’. Intant infurmat li l-għaqda kkonċernata kienet qed tagħmel manutenzjoni tas-sit.
Tista' l-Ministru tgħid jekk is-servizz ta' Assistenza Personali jingħatax lil persuni li għandhom diffikultajiet ta' saħħa mentali? Jekk le, tista' tgħid hemmx ħsieb li dan is-servizz jiġi estiż ukoll għal dawn il-persuni?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament is-servizz ta’ assistenza personali jingħata lil persuni b’diżabilità fiżika u/jew intelletwali. Dawn jista’ jkun li jkollhom ukoll diffikultajiet ta’ saħħa mentali.
Aġenzija Sapport — Assistenza Personali – Żmien ta’ stennija
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu ż-żmien medju ta' stennija minn meta tiġi sottomessa applikazzjoni għas-servizz ta' assistenza personali mal-Aġenzija Sapport għal meta l-persuna tingħata risposta dwar jekk hix ser tkun qed tingħata dan is-servizz?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ż-żmien medju ta' stennija minn meta tiġi sottomessa applikazzjoni għas-servizz ta' assistenza personali ma’ Aġenzija Sapport għal meta l-persuna tingħata risposta dwar jekk hix ser tkun qed tingħata dan is-servizz ivarja skont l-urġenza tal-każ. Jekk il-każ ikun urġenti u jirrikjedi fondi immedjati, iż-żmien medju ta' stennija huwa ta' 3 xhur. Ladarba l-Bord jara l-każ, dan jevalwa s-sitwazzjoni u l-applikant jiġi infurmat bid-deċiżjoni tal-Bord fi żmien 3 ġimgħat minn meta jkun iltaqa’ l-Bord. Jekk ikun ġie deċiż li l-applikant jingħata dan is-sussidju, l-applikant jista’ jibda jutilizza dawn il-fondi b’mod immedjat minn meta jkun avżat b’din id-deċiżjoni.
Servizz ta’ Assistenza Personali – Lista ta’ stennija
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna applikat għas-servizz ta' assistent personali u għadha qiegħda tistenna risposta dwar jekk hux ser tkun qiegħda tingħata sussidju mill-Gvern għas-servizz ta' assistent personali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm 373 persuna li ġew approvati u allura qed igawdu diġà minn dan is-servizz. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellanta li fid-data tat-tweġiba kien hemm 160 persuna b’diżabilità li applikat għas-servizz ta' assistent personali u li qed tistenna risposta mill-Bord dwar jekk hux ser tkun qiegħda tingħata sussidju għas-servizz ta' assistent personali.
Servizz ta’ Assistenza Personali – Użu tas-sussuidju
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna, għalkemm ġiet infurmata li ser tkun qiegħda tingħata sussidju għas-servizz ta' assistent personali, għadha mhix tagħmel użu minn dawn il-fondi li ġew allokati għaliha?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fid-data tat-tweġiba hemm 48 persuna li għalkemm ingħataw l-approvazzjoni għas-sussidju għas-servizz ta’ assistent personali, dawn għadhom mhux qed jagħmlu użu minn dawn il-fondi allokati lilhom għar-raġuni li għadhom qed ifittxu biex jagħżlu assistent personali tal-għażla tagħhom sabiex jagħtihom is-sigħat ta’ servizz neċessarji għalihom.
Dawn l-48 persuna huma maqsuma:
- 34 mill-iskema Direct Payment
- 9 mill-iskema tal-Independent Community Living
- 5 persuni mill-iskema tal-Assistent Personali
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il appell irċieva l-ICL Appeals Board matul din is-sena u minn dawn kemm-il persuna ngħatat risposta għall-appell tagħha u kemm-il persuna għadha qiegħda tistenna risposta? Tista' tgħid ukoll kemm hemm każijiet pendenti quddiem l-ICL Appeals Board?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni li jiffurmaw l-ICL Board? Tista’ tgħid kemm minn dawn il-membri huma persuni b'diżabilità u kemm minnhom qed jtibbenefikaw mis-servizz ta' assistent personali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ICL Board hu magħmul minn 8 membri, kif ġej:
Isem
Rwol
Matthew Chetcuti
Chairperson
George Borg
Membru
Carmen Burmingham
Membru
Catherine Falzon
Membru
Charlene Fabri
Membru
Elinore Falzon
Membru
Elvira Psaila
Membru
Natasha Janika Laudi
Segretarja
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li għall-fini ta’ protezzjoni tad-data mhux etikament ġust li persuni li jbatu b’diżabilità jiġu mmarkati. Barra minn hekk ma hemm l-ebda membru tal-Bord li jagħmel użu mis-servizz ta’ assistent personali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm u liema huma l-kunsilli lokali u reġjuni li għandhom Aġent Segretarju Eżekuttiv? Jista' jgħid ukoll kemm hemm u liema huma l-kunsilli lokali u reġjuni li għandhom Deputat Segretarju Eżekuttiv? F'kull każ kemm ilhom f'din is-sitwazzjoni l-kunsilli lokali/reġjuni affettwati u meta hu mistenni li jimtlew il-vakanzi f'dawn il-lokalitajiet/reġjuni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li fil-preżent hemm ħames (5) Kunilli Lokali li għandhom ingaġġati magħhom ‘Aġent Segretarju Eżekuttiv’ u dawn huma: il-Fontana, l-Għasri, il-Kalkara, San Ġiljan u Ta’ Xbiex.
Intant infurmat li hemm tmien (8) Kunsilli Lokali li fil-preżent għandhom ‘Deputat Segretarju Eżekuttiv’ ingaġġat magħhom u dawn huma: Il-Gżira, Ħal Luqa, il-Qrendi, Santa Luċija, Santa Venera, Tas-Sliema, Ħal Tarxien u x-Xewkija.
Finalment, filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t'hawn taħt, ninsab infurmat illi bħalissa għaddej proċess tal-għażla għall-kariga ta’ Segetarju Eżekuttiv mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u dan mistenni jissokta fil-ġranet illi ġejjin.
Kunsill Lokali
Data ta’ Bid
u ta’ Kariga tal-Aġent/Deputat Segretarju Eżekuttiv
Il-Fontana
It-Tnejn, 8 ta’ Mejju 2023
L-Ghasri
Il-Ġimgħa, 14 ta’ April 2023
Il-Kalkara
It-Tnejn, 31 ta’ Lulju 2023
San Ġilian
It-Tlieta, 25 ta’ Jannar 2022
Ta' Xbiex
L-Erbgħa, 2 ta’ Awwissu 2023
Il-Gżira
It-Tlieta, 15 ta’ Ottubru 2019
Ħal Luqa
Is-Sibt, 7 ta’ Mejju 2022
Il-Qrendi
L-Erbgħa, 7 ta’ Lulju 2021
Santa Luċija
It-Tnejn, 20 ta’ Novembru 2023
Santa Venera
It-Tnejn, 2 ta’ Lulju 2018
Tas-Sliema
Il-Ġimgħa, 10 ta’ Novembru 2023
Ħal Tarxien
Il-Ħamis, 1 ta’ Ġunju 2023
Ix-Xewkija
It-Tnejn, 9 ta’ Ottubru 2023
Applikazzjonijiet għal bini ta’ faċilitajiet reliġjużi
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet għal bini ta' faċilitajiet reliġjużi, jew faċilitajiet ta' talb li jinsabu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar bhalissa? X'tip ta' faċilità qiegħda tintalab minn kull applikazzjoni? F'liema lokalitajiet saru dawn l-applikazzjonijiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13597, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ applikazzjoniiet għal żvilupp li għadhom mhux deċiżi mill-Awtorità tal-Ippjanar, fejn il-proposta tal-iżvilupp provduta mill-perit fl-applikazzjoni tinkludi l-kliem: ‘worship', ‘prayer', ‘church', ‘chapel', 'mosque', 'talb', 'knisja', 'kappella', 'moskea’. Dan ifisser li jista’ jkun hemm applikazzjonijiet oħra quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal faċilitajiet reliġjużi li mhux inklużi fil-lista minħabba d-deskrizzjoni tal-iżvilupp li tkun intużat fl-istess applikazzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi għal restawr ta' postijiet storiċi qed jiġu evalwati preżentement? Kemm kien hemm kunsilli lokali li applikaw għal tali skemi?
Response (BONNICI, OWEN)
Informat illi l-iskema li biha d-diversi Kunsilli Lokali jipproponu fejn jixtiequ li d-Direttorat tar-Restawr u Preservazzjoni jagħmel restawr fil-lokalità tagħhom għas-sena li ġejja se tkun qed tiġi ċċirkolata mal-Kunsill Lokali fil-ġranet li ġejjin, bl-evalwazzjoni mistennija li ssir fi Frar tal-2024.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' postijiet li fihom kien isir id-dqiq (flour mills) madwar Malta u Għawdex, bħalma kien hemm fix-Xemxija (niżla lejn il-Mistra), l/o San Pawl il-Baħar, u l-Palma, l/o Mġarr? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-imtieħen għadhom taħt il-management tal-Gvern, kemm minnhom għaddew għand il-privat u kemm minnhom għaddew għand xi għaqda volontarja?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’Malta u Għawdex insibu numru ta’ mtieħen li fihom kien isir id-dqiq (underground flour mills), inkluż:
- Xemxija (1)
- Mġarr (2) – Ta’ Mrejnu u San Martin
- Mellieħa (1)
- San Ġwann (1)
- Siġġiewi (Buskett) – (1 – double mill)
- Xlendi (Munxar) – (1)
- Xagħra (1) - Ta’ Kola
Infurmat illi s-Sovrintendenza m’għandhiex informazzjoni rigward min hu/huma s-sidien ta’ dawn l-imtieħen. Intant infurmat li Heritage Malta hi responsabbli mill-Mitħna ta’ Kola.
Tista' l-Ministru tgħid kemm intefqu fondi għall-Independent Community Living mis-sena 2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm-il persuna bbenefikat minn dawn il-fondi għal kull sena?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-minimu u l-massimu ta' fondi li qiegħed jingħata lil persuna b'diżabilità li qiegħda tibbenefika għas-servizz tal-Assistenza Personali mingħand l-Aġenzija Sapport? Tista' tgħid kemm hu l-minimu u l-massimu ta' sigħat li persuna b'diżabilità qiegħda tikkwalifika għalihom għas-servizz tal-Assistenza Personali mingħand l-Aġenzija Sapport?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-minimu ta’ fondi mogħtija lil persuna b’diżabilità li tibbenifika fil-preżent mis-servizz tal-Assistenza Personali mmexxi mill-Aġenzija Sapport hu ta’ €936 fis-sena waqt li l-ogħla somma li qed tingħata hi dik ta’ €131,500 fis-sena.
Il-minimu ta’ sigħat ta’ servizz ta’ assistenza personali fil-preżent hu ta’ sagħtejn fil-ġimgħa waqt li l-massimu li qed jingħata hu dak ta’ 24 siegħa kuljum għal 7 ijiem (servizz 24/7).
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru, maqsum skola skola, ta' studenti li qed jattendu Klabb 3-16?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t'hawn taħt:
Lokalità
Total ta' studenti
Attard
211
Birkirkara
230
Birżebbuġa
105
Fgura
243
Għargħur
45
Gudja
53
Gżira
109
Ħamrun
170
Luqa
114
Marsascala - St Anne
179
Marsascala - St. Joachim
198
Mellieħa
203
Mġarr
125
Mosta Annex
77
Mosta
189
Mqabba
79
Naxxar
219
Paola
129
Pembroke
164
Qawra
425
Qormi San Bastjan
150
Rabat B
109
San Ġiljan
110
San Ġwann
204
Siġġiewi
161
Sliema
190
St. Pauls Bay
188
St. Venera
194
Tarxien
76
Żabbar A
163
Żabbar B
101
Żebbuġ - Malta
161
Żejtun
178
Żurrieq
197
Victoria - Gozo
92
San Pawl il-Baħar — Persuni Arrestati minħabba ġlied
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew arrestati minħabba ġlied li nqala’ fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar matul din is-sena, maqsuma xahar b'xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawk arrestati kienu Maltin u kemm kienu barranin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi kien hemm 22 persuna arrestati li minnhom 7 persuni kienu Maltin u 15-il persuna kienu barranin.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — akkomodazzjoni turistika - Applikazzjonijiet approvati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet għal lukandi, guest houses, jew faċilitajiet turistiċi simili, fl-inħawi tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, li ġew approvati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' sodod li mistenni li jipprovdu dawn il-faċilitajiet?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ lukandi, guest houses jew faċilitajiet turistiċi simili li ġew approvati matul din is-sena fl-inħawi tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar huma s-segwenti:
Mellieħa
Naxxar
San Pawl il-Baħar
Lukandi
0
0
0
Guest Houses
1
(24 sodda)
0
0
Hostels
0
0
0