Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar – Bidliet fil-policies

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14228 u jgħid kemm saru bidliet fil-policies applikati mill-Awtorità tal-Ippjanar mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll liema kienu dawn il-bidliet, u f'kull każ, x'wassal għal dawn il-bidliet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz ta’ Assistenza Personali – Użu tas-sussidju

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13960 tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna preżentement qiegħda tibbenefika minn sussidju għal Direct Payment, għal Independent Community Living, u għal Assistenti Personali, maqsuma separatament? Għal kull kategorija tista’ tispeċifika l-etajiet ta’ dawk li qegħdin jibbenefikaw minn tali sussidju?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lil-Onor. Interpellanta li kull kategorija ta’ sussidju, fid-data tat-tweġiba, qed jagħmlu użu minnha kif ġej: Ammont ta’ benefiċjarji Età Direct Payment 189 104 bejn 0 u 17-il sena 49 bejn 18 u 35 sena 36 minn 36 sena ’l fuq Independent Community Living 95 47 bejn 0 u 17-il sena 28 bejn 18 u 35 sena 20 minn 36 sena ’l fuq Personal Assistant 99 24 bejn 0 u 17-il sena 23 bejn 18 u 35 sena 52 minn 36 sena ’l fuq Total 383

Qawra – Ċentru tas-Saħħa — Pjanti

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti oriġinali li kienu sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ ċentru tas-saħħa fil-Qawra? Jista' jqiegħed ukoll kopja tal-pjanti mibdula li ġew sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-istess ċentru tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Naxxar — Triq il-Fortizza tal-Mosta - Rotot tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma r-rotot tal-linja li jgħaddu minn Triq il-Fortizza tal-Mosta, Naxxar? Jista’ jgħid ukoll jekk hux possibbli li tiżdied il-frekwenza ta’ dawn l-istess rotot u jara li jkun hemm bus shelters f’din it-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm rotot tas-servizz tat-trasport li jghaddu mill-vicinanzi u cioe minn Triq Murray u Triq San Pawl fin-Naxxar. Hemm tlett rotot li jgħaddu mill-imsemmija toroq kif isegwi: · Rotta 49 li topera bejn l-Għadira u il Belt Valletta · Rotta 260 li topera bejn il- Għargħur u il Belt Valletta via l-Isptar Mater Dei · Rotta 103 li topera bejn Pembroke u il-Mosta Dawn ir-rotot joperaw bi frekwenza ta’ kull siegħa. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li ittieħdet nota tas-suġġeriment li tiżdied il-frekwenza fuq dawn ir-rotot. Fir-rigward tal-bus shelters, nirreferi lill-Onor. Interpellant ghar-risposti li inghataw ghal diversi Mistoqsijiet Parlamentari. Ghaldaqstant nitlob lill-onor interpellant sabiex jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-ministeru kkoncernat

Trasport pubbliku — Rotta għar-residenti tal-Wardija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11821, jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar ir-rotta għall-vjaġġi tal-karozzi tal-linja sabiex jingħata servizz lir-residenti tal-Wardija f'diversi ħinijiet matul il-ġurnata?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din ir-rotta kienet tneħħiet minħabba li ma kenitx vijabbli peress li d-domanda kienet waħda baxxa ħafna. Filwaqt li għal darba oħra qegħda tittieħed nota ta’ dan is-suġġeriment, ninsab infurmat li għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni f’dan ir-rigward.

San Pawl il-Baħar – Triq ix-Xagħra tal-Bandieri — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien ix-xogħol li sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, f’San Pawl il-Baħar? Fid-dawl li r-residenti ta’ din it-triq ilhom iktar minn sena jbatu inkonvenjenzi u diffikultajiet kbar biex jaslu fir-residenzi tagħhom, tista’ l-Ministru tassigura li x-xogħol li fadal isir jitlesta fl-iqsar żmien possibbli? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol kollu hawnhekk?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma lestiet ix-xogħlijiet li għamlet fit-triq indikata biex ittejjeb l-infrastruttura tad-drenaġġ u huwa ppjanat li l-għoti tal-asfalt jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

San Pawl il-Baħar – Triq San Publiju – Proġett

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14113 dwar proġett fi Triq San Publju, f’San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’irriżulta mill-ispezzjonijiet li saru mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – Triq San Publiju – Proġett

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14113 dwar proġett fi Triq San Publju, f’San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’kienet ir-raġuni li qabel kienu ntalbu permessi DNO għall-istess xogħol?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

San Pawl il-Baħar – Triq San Publiju – Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti għall-proġett fi Triq San Publju, f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll kemm hi l-istima ta’ dan il-proġett?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta tal-proġett, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istima skont it-tender hija ta’ €111,380.

San Pawl il-Baħar – Triq San Publiju – Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jkompli dan il-proġett fi Triq San Publju, f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-ebda xogħlijiet ma jistgħu jsiru sakemm jinħarġu istruzzjonijiet ulterjuri min-naħa tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali. Il-perjodu ta’ żmien għat-tlestija tal-proġett huwa stmat li jdum 33 ġimgħa. Dan ma jqisx il-perjodu ta’ żmien tal-waqfien imsemmi.

Liċenzjar ta’ kuntratturi — Applikazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14019 dwar applikazzjonijiet marbutin mal-liċenzjar tal-kuntratturi, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm kuntratturi li applikaw għal iktar minn liċenzja waħda? Jekk iva, jista’ jgħid kemm kien l-ammont u għal liema liċenzji applikaw?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat, li kif jidher hawn taħt, kien hemm kuntratturi li applikaw għal iktar minn liċenzja waħda. L-ammont ta’ kuntratturi li applikaw għal aktar minn liċenzja waħda huma hekk kif ġej: Skavar u Twaqqigħ: 680 Skavar u Kostruzzjoni: 566 Twaqqigħ u Kostruzzjoni: 967 Skavar, Twaqqigħ u Kostruzzjoni: 523

ICL Board — Membri

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-persentaġġ (mill-membri kollha) ta’ persuni b’diżabilità li jiffurmaw l-ICL Board u dan mingħajr ma tidentifika min huma dawn il-membri iżda tagħti biss l-informazzjoni bħala numru?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li wieħed minn tmien membri li jiffurmaw parti mill-ICL Board għandhom diżabilità.

ICLA Board — Membri

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-persentaġġ (mill-membri kollha) ta’ persuni b’diżabilità li jiffurmaw l-ICLA Board u dan mingħajr ma tidentifika min huma dawn il-membri iżda tagħti biss l-informazzjoni bħala numru?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tnejn minn ħames membri li jiffurmaw parti mill-ICLA Board għandhom diżabilità.

Skemi għal restawr ta’ postijiet storiċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13598, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskema li biha l-kunsilli lokali jipproponu fejn jixtiequ li d-Direttorat tar-Restawr u Preservazzjoni jagħmel restawr fil-lokalità tagħhom ħarġitx u jekk iż-żmien li fih setgħu jsiru l-proposti għalaqx? Jista’ jgħid ukoll min seta’ japplika għal din l-iskema u jekk din l-iskema tinvolvix spejjeż għal min japplika?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li l-iskema li biha l-kunsilli lokali jipproponu fejn jixtiequ li d-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni jagħmel restawr fil-lokalità tagħhom se tinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin, hekk kif għadha kif bdiet is-sena 2024. Intant infurmat ukoll li mal-iskema jinħarġu l-kundizzjonijiet ta’ eliġibilità li jiggwidaw lill-Kunsilli Lokali dwar min jista’ japplika u x’tip ta’ proġetti jikkwalifikaw għall-konsiderazzjoni tal-Bord ta’ Evalwazzjoni li jitwaqqaf biex jagħżel il-proġetti li jkunu se jitwettqu taħt din l-iskema. Finalment infurmat li m’hemmx spejjeż għall-Kunsilli li japplikaw, għajr il-ħlas tal-miżata tal-Awtorità kkonċernata għall-applikazzjoni tal-permessi tal-proġetti li jkunu se jitwettqu.

Skema 'Komunitajiet iktar siguri u organizzati' — Kunsilli li applikaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-kunsilli lokali li applikaw għall-iskema 'Komunitajiet iktar siguri u organizzati' u li l-applikazzjoni tagħhom ma ġietx aċċettata? Jista’ jgħid ukoll min seta’ japplika għal din l-iskema, liema kien il-perjodu li fih setgħu jiġu sottomessi dawn l-applikazzjonijiet u liema hu l-perjodu li fih irid jiġi attwat il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li l-uniku Kunsill Lokali li applika għal-Iskema 'Komunitajiet iktar siguri u organizzati’ u li l-applikazzjoni tiegħu ġiet meqjusa ‘mhux eliġibbli’ kien il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa. Infurmat ukoll li għal din l-Iskema setgħu japplikaw il-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex. Intant infurmat li l-perjodu li fih setgħu jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet kien bejn l-20 ta’ Marzu 2023 sat-28 ta’ Lulju 2023, filwaqt li l-perjodu li fih irid jiġi attwat il-proġett hu sal-15 ta’ Novembru 2024.

San Pawl il-Baħar — Uffiċċju tas-‘servizz.gov’

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13349, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk iċ-ċentru tal-Qawra hux qed jinfetaħ? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma l-ġranet u l-ħinijiet li fih qed jinfetaħ dan iċ-ċentru?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ċ-Ċentru l-ġdid ta’ San Pawl il-Baħar ntlaqa’ tajjeb ħafna minn dawk li jużaw is-servizz u minn analiżi li għamel is-Servizz Pubbliku jirriżulta li 70% tal-individwi li jagħmlu użu minnu qed isibu dan iċ-Ċentru eqreb minn dak tal-Qawra. Għalhekk kont infurmat li l-Aġenzija servizz.gov hija inklinata li fl-immedjat tiffoka l-ħidma u s-servizzi tagħha miċ-Ċentru ta’ San Pawl il-Baħar. Fl-istess ħin l-Aġenzija tibqa’ flessibbli u impenjata li twieġeb minnufih jekk tinqala’ l-ħtieġa li jerġa’ jiftaħ iċ-Ċentru tal-Qawra fi ġranet speċifiċi abbażi ta’ ċirkostanzi u domanda li jkunu qed jevolvu.

Jobsplus — Definizzjoni ta' Assistent Personal

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13804 dwar definizzjoni ta’ assistent personali, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar id-definizzjoni tal-impjieg 'Assistent Personali' (għal persuna b'diżabilità) minn Jobsplus hekk kif il-perjodu ta’ feedback għal konsultazzjoni dwar assisent personali għalaq u l-Gvern qiegħed jagħti sussidju għal assistent personali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skont informazzjoni li għandha Jobsplus, l-Aġenzija Sapport qed tmexxi riforma fir-rigward ta’ Assistent Personali (għal persuna b'diżabilità), id-definizzjoni ta’ dan l-irwol ser jiġu indirizzati permezz ta’ din ir-riforma.

Housing Development Fund

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu mwaqqaf il-Housing Development Fund, kemm hemm fondi f’dan il-fond u x'tip ta' investiment sar minn mindu twaqqaf? Kemm kien l-investiment li sar f'kull każ u fejn jinstabu l-postijiet li fihom saru l-investimenti? Jista’ jgħid ukoll f'liema lokalitajiet hu mistenni li jkun hemm investimenti matul is-sena 2024?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Housing Development Fund twaqqaf fis-sena 2022. Sar investiment ta’ €1.5 miljun fi proġetti fil-Birgu, Birkirkara, Bormla, San Ġwann, fil-Belt Valletta, Imtarfa, Ħal Qormi, Fgura, Żebbuġ, Ħ’Attard u f’numru ta’ Djar Residenzjali tat-tfal fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' ​Ħarsien Soċjali (FSWS). Fis-sena 2024, ser jiġu mnedija proġetti ġodda fil-Kalkara, Mosta, Santa Luċija, San Ġiljan, Ħaż-Żebbuġ u Bormla.

Konvenji għall-bejgħ/xiri ta' proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' konvenji għall-bejgħ/xiri ta' proprjetà li ġew iffirmati matul is-sena 2023, maqsuma xahar b'xahar? Jista’ jgħid ukoll kif jitqabbel dan in-numru man-numru tas-snin 2021 u 2022 u kemm minn dawn il-konvenji fil-fatt kienu tiġdid/estensjoni ta’ konvenji li kienu diġà ffirmati qabel?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar in-numru ta' konvenji għall-bejgħ/xiri ta' proprjetà li ġew iffirmati matul is-sena 2023, maqsuma xahar b'xahar qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Qed tingħata l-istess informazzjoni għas-snin 2021 u 2022. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li fuq dawn l-istess konvenji kien hemm dan in-numru ta’ tiġdid/estensjoni: Sena Ammont 2021 19,846 2022 11,375 2023 3,736

Persuni mhux Maltin reġistrati li qed jaħdmu Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni mhux Maltin, li kienu reġistrati bħala li qed jaħdmu hawn Malta matul is-sena 2023, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiżi kienu ġejjin dawn il-ħaddiema u jaqsam din l-informazzjoni pajjiż pajjiż, kemm għal dawk li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja, kif ukoll in-numru li ġejjin minn pajjiżi terzi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.