Il-Qawra - Skola Primarja - Tneħħija ta’ faċilitajiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi faċilitajiet li kienu jiffurmaw parti mill-iskola primarja tal-Qawra kellhomx jitneħħew biex ikunu jistgħu jiżdiedu l-klassijiet f’dik l-iskola? Jekk iva, liema kienu dawn il-faċilitajiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li sabiex l-iskola tkun tista’ tilqa’ għan-numru ta’ studenti, matul is-snin saru diversi aġġustamenti fl-użu tal-faċilitajiet eżistenti.
Il-Ministeru jkompli jissorvelja l-ħtiġijiet tal-infrastruttura edukattiva madwar il-pajjiż. Kwalunkwe intervent jew investiment futur jiġi evalwat skont il-ħtiġijiet edukattivi, id-domanda u l-prijoritajiet stabbiliti fiż-żmien rispettiv
In-Naxxar - Splużjoni tal-Kamra tan-Nar - Rapporti ta’ ħsarat
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1179, jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet kien hemm binjiet li ġarrbu xi tip ta’ ħsarat – inkluż fi twieqi u bibien - b’riżultat tal-isplużjoni tal-kamra tan-nar fil-limiti tan-Naxxar li seħħet iktar kmieni din is-sena? Jista’ jgħid ukoll jekk dawk li ġarrbu ħsarat humiex ser jingħataw xi tip ta’ kumpens mill-Gvern, u jekk iva, x’tip ta’ kumpens ser jingħata u meta?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kellha diversi rapporti minn bnadi fil-limiti tan-Naxxar.
Billi dwar dan il-każ hemm pendenti inkjesta maġisterjali ikun għaqli li għalissa nkunu kawti fir-rapporti tagħna.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1795 u jgħid x’inhu l-ammont ta’ fondi miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-applikazzjonijiet li ġew approvati fil-passat? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-fondi għal kull lokalità f’Malta u f’Għawdex u kemm kienu f’Diċembru 2024 u f’Diċembru 2025? Jista’ jieħu l-passi neċessarji biex jinbidlu l-kriterji li fuqhom il-kunsilli lokali jistgħu jaċċessaw dawn il-fondi biex bihom ikunu jistgħu jwettqu bosta xogħlijiet li sal-lum mhux permess li jwettqu skont il-kriterji ta’ użu ta’ dawn il-fondi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Persuni b’diżabilità – Permessi għal parkeġġi riservati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għal parkeġġ riservat għal persuni b’diżabilità fis-sena 2025 u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru
1467
f’Seduta 15.
Persuni b’diżabilità – Permessi għal parkeġġi riservati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għal parkeġġ riservat għal persuni b’diżabilità fis-sena 2026 u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant li qed ngħaddi l-informazzjoni mitluba dwar permessi maħruġa għal perkeġġi riservati għall persuni b’diżabilita’ xahar b’xahar mill-1 ta’ Jannar sa l-20 t’Ottubru 2026.
PQ 3028 Persuni B'Disabilita' - Permessi Ghal Parkeggi Riservati
Minn Jannar 2026 sa Ottubru 2026
Personalizzati
Komuni
Jannar
51
15
Frar
38
15
Marzu
37
7
April
32
14
Mejju
59
24
Gunju
43
0
Lulju
37
0
Awwissu
45
6
Settembru
15
12
Ottubru
18
0
Total
375
93
Awtorità tal-Ippjanar – San Pawl il-Baħar – Applikazzjonijiet pendenti għall-iżvilupp
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal żvilupp fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll kif inhuma maqsuma dawn l-applikazzjonijiet skont it-tip ta’ żvilupp li qed jiġi propost?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3027, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-238 applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, skont dak rikjest.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru rċeviex rapporti dwar ħsarat li sofrew in-naħħala minħabba l-preżenza tal-bagħal taż-żunżan (hornets)? Jekk iva, kemm irċieva rapporti ta’ danni l-Ministeru minħabba l-preżenza tal-hornets? Jista’ jgħid ukoll x’passi ttieħdu jew hemm il-ħsieb li jittieħdu, biex jiġi evitat li dan is-settur isofri konsegwenzi aktar gravi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Ministeru huwa konxju bis-sħiħ tal-isfidi li qed joħloq il-bagħal taż-żunżan fuq is-settur tan-naħal u ilu jsegwi s-sitwazzjoni mill-qrib permezz ta’ kuntatt regolari mar-rappreżentanti tal-apikultura kif ukoll mal-Kunsill Konsultattiv għall-Agrikoltura (ACC). F’ dan il-kuntest nagħmel referenza għar-risposta li ngħatat lill-Mistoqsija Parlamentari PQ 2618, li tirreferi għal-miżuri li ttieħdu sal-lum il-ġurnata.
Fil-preżent il-Ministeru mhux biss qed jimmonitorja l-iżviluppi, iżda qed jaħdem b’mod attiv u koordinat mal-partijiet kollha involuti sabiex jiġu implimentati miżuri konkreti li jtaffu l-impatti ta’ dan il-pesti fuq il-kolonji tan-naħal u jsaħħu r-reżiljenza tas-settur fit-tul.
Il-Ministeru se jimplimenta pjan komprensiv ta’ azzjoni li jinkludi miżuri konkreti, prattiċi u mmirati, fosthom interventi għall-kontroll u l-immaniġġjar tal-problema, appoġġ lin-naħħala affettwati sabiex titjieb il-kapaċità tas-settur li jirreaġixxi għal din l-isfida b’mod sostenibbli, kif ukoll programm ta’ tnissil tan-naħla Maltinja. Fil-futur qarib, il-Gvern ser ikun qed iħabbar dawn il-miżuri, li ġew żviluppati f’konsultazzjoni mas-settur u li ġew imfassla biex jindirizzaw il-problema b’azzjoni konkreta u effettiva, filwaqt li jipproteġu l-għajxien tal-apikolturi u s-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-għasel f’Malta u Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex is-Selmun Palace Hotel ma tibqax abbandunata? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ security hemm ipprovduta, preżentement, f’din l-istess lukanda?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet tal-Gvern biex isir ir-restawr tal-Palazz ta’ Selmun? Jista’ jgħid ukoll x’sar s’issa biex jiġi assigurat li t-tenders neċessarji jiġu ppubblikati/aġġudikati?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ speed cameras li għandna madwar Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-ispeed limit li japplika għaż-żona partikolari, f’kull każ, separatament? Jista’ jgħid ukoll meta l-aħħar li ġew kalibrati l-istess cameras u x’kien l-ogħla speed li ntlaħaq matul din is-sena għal kull speed camera?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Malta u Għawdex hemm total ta’ 24-l speed camera. Il-limiti tal-veloċità applikabbli fil-postijiet rispettivi huma kif ġej.
Lokalità
Triq / Post
Numru ta’ cameras
Limitu tal-veloċità
Ħ’Attard
Triq Antonio Manoel De Vilhena
1
60 km/h
Ħ’Attard
Triq in-Nutar Zarb
1
50 km/h
Birkirkara
Triq Dun Karm
2
60 km/h
Il-Gudja
Triq Ħal Far
1
60 km/h
In-Naxxar
Triq il-Kosta, ħdejn Triq Porzjunkola, fid-direzzjoni lejn it-Tramuntana
1
70 km/h
In-Naxxar
Triq il-Kosta, ħdejn l-Għallis, fiż-żewġ direzzjonijiet
2
70 km/h
In-Naxxar
Triq il-Kosta, ħdejn Triq Ramla, fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar
1
60 km/h
In-Naxxar
Triq il-Kosta, ħdejn Triq Ridott, fid-direzzjoni lejn it-Tramuntana
1
60 km/h
Ħal Qormi
Triq l-Imdina
2
60 km/h
Ħal Qormi
Vjal ir-Royal Malta Artillery (Mrieħel Bypass)
2
80 km/h
San Ġiljan
Triq Mikiel Anton Vassalli
2
60 km/h
San Pawl il-Baħar
Dawret San Pawl
2
80 km/h
San Pawl il-Baħar
Triq Burmarrad
1
60 km/h
Is-Siġġiewi
Triq Mons. Mikiel Azzopardi
1
60 km/h
Ħaż-Żebbuġ
Triq l-Imdina
2
70 km/h
Iż-Żejtun
Triq tal-Barrani
2
60 km/h
Total
24
Tista' l-Ministru tgħid fiex tikkonsisti l-iskema ta' tħawwil ta' siġar li għandha Project Green? Tista’ tgħid ukoll kemm persuni bbenefikaw minn din l-iskema, kemm siġar fil-fatt tqassmu permezz ta' din l-iskema u x'tip ta' siġar tqassmu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li permezz tal-Iskema ta’ Tħawwil ta’ Siġar applikanti eliġibbli jistgħu jingħataw siġar mingħajr ħlas biex jitħawwlu fl-artijiet tagħhom, bil-għan li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà ambjentali fit-tul, ir-reżiljenza għall-klima u t-tħaddir tal-gżejjer Maltin. Permezz ta’ din l-iskema, applikanti li jgħaddu mill-proċess ta’ verifika jingħataw vouchers diġitali biex jiġbru s-siġar mingħand fornituri approvati.
Infurmata li s’issa nħarġu 8,390 voucher, ekwivalenti għal 47,303 siġra, lil 688 benefiċjarju. Il-proċess tal-ġbir tas-siġar mill-benefiċjarji għadu għaddej skont il-validità tal-vouchers u d-disponibbiltà mingħand il-fornituri approvati.
Is-siġar jitqassmu minn lista ta’ speċi produttivi u mhux produttivi li tinkludi fost oħrajn il-Balluta x-Xewwikija, l-Għargħar, is-Siġra ta’ Ġuda, iċ-Ċipress, iż-Żebbuġ Selvaġġ, it-Tin, il-Ħarrub, iż-Żebbuġ, ir-Rummien u t-Tut.
Limiti tal-Mellieħa – Impjant taċ-Ċumnija – New water
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm bdiewa li qed jingħataw new water mill-impjant Taċ-Ċumnija, fil-limiti tal-Mellieħa? Tista’ tgħid ukoll f'liema lokalitajiet jinsabu l-bdiewa li qed jirċievu dan l-ilma, u kemm f'kull lokalità? Tista’ tgħid ukoll x'inhi r-raġuni li għaliha l-bdiewa li qed jirċievu dan l-ilma qed jingħataw ilma għal ħinijiet qosra ħafna? Tista' tgħid ukoll jekk l-impjant hux qed jitħaddem il-ħin kollu, inkella għal ħinijiet iqsar? Jekk għal ħinijiet iqsar, tista’ tgħid x'inhi r-raġuni għal dan?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sistema tan-New Water fit-Tramuntana tal-pajjiż qed tforni madwar 700 bidwi u tinkorpora fiha 200 dispenser. In-network jestendi f’diversi żoni fosthom iċ-Ċumnija, l-Aħrax, il-Miżieb, il-Manikata, Binġemma, l-Imġarr, tas-Santi, Għajn Tuffieħa u ż-żona ta’ Popeye Village.
L-ammont li jiġi prodott kuljum mill-polishing plant, li jopera b’mod kontinwu ħlief għal waqfien f’istanti fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma jkollhiex kontroll fuqhom, jiġi mqassam skont il-volumi li ġew kalkolati mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel (MAFF) ibbażati fuq il-crop plan. Ta’ min jenfasizza hawnhekk li l-allokazzjoni tal-ilma mill-MAFF issir bil-metru kubu u mhux bil-ħin.
Matul is-sena li għaddiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma produċiet ammont rekord ta’ 1.6 miljun metru kubu ta’ New Water.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sponsorships ingħataw/ser jingħataw mill-Aġenzija Żgħażagħ matul l-2026? Jista’ jgħid ukoll lil liema organizzazzjonijiet tat/ser tagħti sponsorships din l-istess aġenzija u kemm hu l-valur f'kull każ? Jista’ jgħid ukoll kif tali organizzazzjonijiet jistgħu japplikaw għall-isponsorships, liema huma l-organizzazzjonijiet li fil-fatt gawdew/ser igawdu minn dawn l-isponsorships fil-perjodu ndikat, u kemm kienu l-fondi li ngħataw/ser jingħataw f'kull każ?
Response (FARRUGIA, OMAR)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul din is-sena, inkluż sal-ġurnata li fiha qed tiġi imwieġba din id-domanda parlamentari, il-Ministeru għaż-Żgħażagħ, Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali u Aġenzija Żgħażagħ ma taw l-ebda sponsorship lil organizzazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sponsorships ingħataw mill-Aġenzija Żgħażagħ matul l-2025? Jista’ jgħid ukoll lil liema organizzazzjonijiet tat sponsorships din l-istess aġenzija u kemm hu l-valur f'kull każ? Jista’ jgħid ukoll kif tali organizzazzjonijiet jistgħu japplikaw għall-isponsorships, liema huma l-organizzazzjonijiet li fil-fatt gawdew minn dawn l-isponsorships fil-perjodu ndikat, u kemm kienu l-fondi li ngħataw f'kull każ?
Response (FARRUGIA, OMAR)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul is-sena 2025, il-Ministeru għaż-Żgħażagħ, Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali u Aġenzija Żgħażagħ ma taw l-ebda sponsorship lil organizzazzjonijiet.