Legislature:
Category:
Reset
Active:

Assistenza għal diżabilità severa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19191 u jgħid kemm-il persuna kienet qiegħda tingħata assistenza finanzjarja għal diżabilità severa sal-aħħar tas-sena 2023? Kemm-il persuna qiegħda tingħata assistenza għal diżabilità severa preżentament? Kemm-il persuna ġiet infurmata li mhux ser tibqa' tingħata l-assistenza għal diżabilità severa matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna applikat għal assistenza għal diżabilità severa matul din is-sena u minn dawn kemm-il persuna ġiet infurmata li hi intitolata għal din l-assistenza u kemm-il persuna ġiet infurmata li mhix intitolata għal din l-assistenza?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif qed jinġabar.

BCA – ħruġ ta’ permessi/concessions

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ħarġitx permessi/concessions biex isir xogħol ta' twaqqigħ, skavar, bini eċċ., billejl matul is-sena 2024 fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva, jista' jgħid meta ħarġu l-permessi/concessions, fejn inħarġu l-permessi/concessions, f'liema ġranet u ħinijiet inħareġ kull wieħed minn dawn il-permessi/concessions, għal liema xogħol inħareġ il-permess u x'kienet ir-raġuni li dan ix-xogħol sar billejl u mhux filgħodu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtoritá tal-Bini u l-Kostruzzjoni ħarġet permess/konċessjoni, sabiex isir xogħol ta’ tindif ta’ materjal li rriżulta mit-twaqqiegħ ta’ bini fi Triq il-Kbira, San Pawl il-Baħar. Dan il-permess/konċessjoni ingħata għal żewġt iljieli ta’ bejn is-7 u t-8 ta’ Mejju 2024 bejn il-11:00 u l-05:00, u dan wara li kkunsidrat li diġa kienu nħarġu permessi għall-istess xogħol fl-istess ġranet u ħin minn awtoritajiet konċernati oħra. L-Awtorità tat struzzjonijiet lill-applikant sabiex, minn jumejn qabel jitwaħħlu avviżi fil-viċinanza sabiex ikunu nfurmati l-ġirien.

San Pawl il-Baħar – Kunsill Lokali – ħruġ ta’ permessi billejl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar ħariġx permessi għal billejl matul is-sena 2024? Jekk iva, jista' jgħid meta nħarġu l-permessi, fejn inħarġu l-permessi, f'liema ġranet u ħinijiet inħareġ kull wieħed minn dawn il-permessi, għal xiex inħareġ il-permess (tip ta' makkinarju, għeluq ta' triq eċċ.) u x'kienet ir-raġuni li l-permess ħareġ għal billejl?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba u mgħoddija lili.

San Pawl il-Baħar – Transport Malta – ħruġ ta’ permessi billejl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ħarġitx permessi, inkluż għal għeluq ta' toroq billejl, matul is-sena 2024 fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva, jista' jgħid meta nħarġu l-permessi, fejn inħarġu l-permessi, f'liema ġranet u ħinijiet inħareġ kull wieħed minn dawn il-permessi, għal liema xogħol inħareġ il-permess u x'kienet ir-raġuni li dan ix-xogħol sar billejl u mhux filgħodu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ permessi li ħarġu sad-data ta’ llum għal xogħolijiet f’toroq fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Rigward ġranet u ħinijiet li jkun qed isir ix-xogħol, dawn jiġu determinati għal kull każ separat u skont il-ħtiġijiet partikolari sabiex ikun hemm l-inqas inkonvenjent possibbli meta wieħed jikkunsidra ċ-ċirkostanzi kollha inkluż dawk tal-immaniġġjar tat-traffiku.

San Pawl il-Baħar – Pulizija – ilmenti dwar storbju eċċessiv billejl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija rċevietx ilmenti minħabba storbju eċċessiv u/jew xogħol li kien qed isir billejl fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar fil-lejl ta' bejn is-7 u t-8 ta' Mejju 2024 u fil-lejl ta' bejn it-8 u d-9 ta' Mejju 2024? Jekk iva, jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn l-ilmenti u x'azzjoni ttieħdet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fit-8 ta’ Mejju 2024, l-pulizija tal-Qawra rċeviet ilmenti dwar storbju eċċessiv u/jew xogħol li kien qed isir bil-lejl fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar. Il-Pulizija proċediet fuq il-post indikat madankollu waqt li kienu hemm ma kien hemm ebda tip ta’ inkonvenjent relatat mal-ilmenti li rċeviet, u jidher illi l-allegat inkonvenjent seta’ sar il-lejl ta’ qabel. Peress illi l-persuni li għamlu l-ilment ma kienux magħrufa ma setgħux isiru aktar verifiki jew tittieħed azzjoni oħra. Madankollu il-persuna responsabbli mix-xogħol fis-sit in-kwistjoni ġiet mitkellma u produċiet il-permessi maħruġa kemm mill-Kunsill Lokali u l-BCA li jkopru l-ħinijiet biex isir ix-xogħol, anke barra is-siegħat permissibli.

Transport Malta – Resident Priority Parking

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema lokalitajiet għandhom applikazzjoni pendenti ma' Transport Malta għal Resident Priority Parking? Għal kull lokalità, jista’ jgħid liema toroq ġew inklużi fl-applikazzjoni u x'qed jiġi propost għal kull lokalità?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għaddejja b’diskussjonijiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li minn naħa tagħha qiegħda tieħu ħsieb tikkomunika ma’ dawn il-Kunsilli Lokali li juru nteress għal sistema ta’ Residential Parking Scheme.

San Pawl il-Baħar – Trasport pubbliku – Rotot

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma r-rotot tal-linja li jservu ċ-ċentru ta' San Pawl il-Baħar (u allura jgħaddu minn Triq San Pawl u Triq Parades) minn/lejn Mater Dei? Jista' jgħid ukoll x'inhi l-frekwenza ta' dawn ir-rotot?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mit-toroq imsemmija r-rotta 250 tgħaddi konnessjoni diretta lejn/minn l-Isptar Mater Dei. Din topera bi frekwenza ta’ kull siegħa.

Serq irrappurtat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18824 jgħid kemm-il serqa ġiet irrappurtata matul is-sena 2024 separatament għal kull lokalità f'Malta u f’Għawdex? Jista' jaqsam din l-informazzjoni skont is-serq minn fejn sar, pereżempju minn residenza, karozza, fuq persuni, eċċ.?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ serq irrapportat f’dawn il-gżejjer fis-sena 2024 sax-xahar ta’ Marzu, separatament għal kull lokalità, kien kif jidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din tinkludi s-serq skont il-kategoriji kif mitlub mill-Onor. Interpellanta.

Reviżjoni tal-Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il anzjan jew anzjana kellhom assessjar (reviżjoni) tal-pensjoni tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawk li kellhom dan l-assessjar, fil-fatt instab li qed jieħdu dak li huma ntitolati għalih, u li allura mhux ser ikollhom żieda fil-pensjoni tagħhom? Kemm minn dawn il-persuni twieldu qabel is-sena 1962?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

Assistenza għal diżabilità severa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet qiegħda tingħata assistenza finanzjarja għal diżabilità severa sal-aħħar tas-sena 2023? Kemm-il persuna qiegħda tingħata assistenza għal diżabilità severa preżentament? Kemm-il persuna ġiet infurmata li mhux ser tibqa' tingħata l-assistenza għal diżabilità severa matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna applikat għal assistenza għal diżabilità severa matul din is-sena u minn dawn kemm-il persuna ġiet infurmata li hi intitolata għal din l-assistenza u kemm-il persuna ġiet infurmata li mhix intitolata għal din l-assistenza?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

San Pawl il-Baħar – Żona Tal-Għażżenin – Aċċess għall-Bajja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19009, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika u li issa ġiet referuta lilu, u ċjoè: Jista' l-Ministru jara li jkun hemm aċċess sigur lejn il-bajja fiż-żona magħrufa Tal-Għażżenin, San Pawl il-Baħar, hekk kif, fost affarijiet oħra, it-taraġ jenħtieġlu manutenzjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tidentifika għal liema taraġ qed tirreferi.

Ħrieqi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħrieqi (nappies) disponibbli f'kull size għall-klijenti li jagħmlu użu mis-servizz tal-inkontinenza? Jekk le, jista' jgħid x'inhi r-raġuni għal dan u kif se jiġu moqdija dawk li jagħmlu użu mill-ħrieqi minħabba li ma jkunx hemm stock tagħhom? Jista’ jgħid ukoll għaliex preżentement hemm nuqqas ta’ ħrieqi (nappies) (jew sizes ta’ ħrieqi (nappies))?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tinsab infurmata li l-kuntrattur li jissuplixxi prodotti ta’ kontinenza, qed jiltaqa’ ma’ diffikultajiet biex iġib provvista adekwata ta’ ħrieqi u qed jaħdem biex din is-sitwazzjoni tiġi għan-normal mill-aktar fis. Min-naħa ta’ SVP m’hemmx nuqqas ta’ ħrieqi.

Selmun Palace Hotel — Proċess ta’ trasferiment lill-Awtorità tal-Artijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' trasferiment tal-proprjetà ta' Selmun Palace Hotel lill-Awtorità tal-Artijiet?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16786.

Selmun Palace Hotel — Tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tender għall-manutenzjoni estensiva ta’ Selmun Palace Hotel fil-Mellieħa nħariġx? Jekk iva, jista' jagħti dettalji dwar dan it-tender u jekk dan ġiex aġġudikat? Jekk le, jista’ jgħid meta hu mistenni li jinħareġ dan it-tender?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16786.

San Pawl il-Baħar — Klinika

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet is-sejħa għall-offerti għall-kiri ta' sit għall-klinika fil-komunità f’San Pawl il-Baħar? Jista' jgħid meta nħarġet is-sejħa għall-offerti hekk kif din is-sejħa nħarġet iktar minn darba? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx mitfugħa offerti għas-sejħa tal-offerti li nħarġet l-aħħar? Jekk iva, kemm-il offerta ġiet mitfugħa u liema ġiet aċċettata u x’kienet ir-raġuni għaliex l-oħrajn ma ġewx aċċettati? Jekk le, x’azzjoni ser tkun qiegħda tittieħed biex jinstab post għall-użu ta’ klinika fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi f’Jannar 2024 sar Market Research fejn ġew involuti numru ta’ Real Estate Agents fejn ġew mogħtija l-informazzjoni meħtieġa skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerti ppubblikati. Infurmat ukoll li ddaħlu żewġ offerti, u qed tiġi esplorata waħda minnhom peress li l-oħra ma kienitx skont l-ispeċifikazzjonijiet mibgħuta. Dawn huma d-dati meta s-sena l-oħra nħarġu s-sejħiet tal-offerti: 11 ta’ Awwissu 2023; 5 ta’ Settembru 2023; u 11 ta’ Ottubru 2023. L-ebda offerta ma ġiet mitfugħa.

San Pawl il-Baħar — Triq San Publiju - Tender

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14512 dwar il-proġett fi Triq San Publju, San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tat-tender li nħareġ għal dan il-progett?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija pubblika. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL 3740 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 242 ta' nhar it-Tlieta, 14 ta' Mejju 2024)

San Pawl il-Baħar — Triq San Publiju - Permessi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15615 dwar il-proġett fi Triq San Publju, San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li qed isir hux kopert b'DNO jew xi permess ieħor mill-Awtorità tal-Ippjanar? Jekk iva, jista' jgħid liema huma dawn id-DNOs jew permessi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15615.

San Pawl il-Baħar — Triq San Publiju - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14668 dwar spezzjonijiet mis-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali fuq xogħol li kien qed isir f’sit fi Triq San Publju, San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm rigward dan is-sit?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-Sovrintendenza kienet f’komunikazzjoni mal-Perit tal-każ, fejn tat istruzzjonijiet sabiex jiġi kkonsolidat il-feature li nstab kif ukoll talbet li jiġi propost kif dan il-feature se jiġi integrat. Is-Sovrintendenza ġiet mgħarrfa li l-feature mhux possibbli li jibqa mikxuf u għaldaqstant ser jitgħatta b’geotextile u jerġa jiġi mirdum. Is-Sovrintendenza ħarġet il-clearances neċessarji.

Skejjel – Studenti b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel li fihom jistgħu jattendu żgħażagħ b’diżabilità li għandhom 16-il sena jew aktar?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żgħażagħ imsemmija jistgħu jattendu f’entitajiet edukattivi varji fosthom ir-Resource Centre tal-Wardija Dun Manwel Attard, Youth.inc, MCAST Awards Programme, GEM 16+, fost oħrajn.