Legislature:
Category:
Reset
Active:

Reviżjoni tal-Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19190 u 19429 u jagħti tagħrif dwar kemm-il anzjan jew anzjana kellhom assessjar (reviżjoni) tal-pensjoni tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawk li kellhom dan l-assessjar, fil-fatt instab li qed jieħdu dak li huma intitolati għalih, u li allura mhux ser ikollhom żieda fil-pensjoni tagħhom? Kemm minn dawn il-persuni twieldu qabel is-sena 1962?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kien hemm 38,853 pensjonant/a li kellhom il-pensjoni riveduta. Minn dawn kien hemm 26,974 pensjonant/a li kellhom reviżjoni fil-pensjoni tagħhom li rriżultat f’żieda fil-pensjoni kontributorja, filwaqt li 11,879 pensjonant/a għalkemm saret ir-reviżjoni fil-pensjoni tagħhom, ma rriżultatx żieda. Dawn il-pensjonanti kollha twieldu qabel is-sena 1962 Irid jingħad li dawn huma reviżjonijiet li saru din is-sena biss u jkomplu jibnu fuq eluf kbar ta’ reviżjonijiet oħra li saru fl-aħħar snin. B’dan il-mod is-sistema tgħin biex ikunu identifikati dawk il-każi li potenzjalment jistgħu jidħlu għal żieda addizzjonali, għalkemm mhux dejjem jirriżulta hekk minħabba numru ta’ fatturi.

Ix-Xemxija — Karozzi tal-Linja - Special service provdut

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu 'l-ispecial service' li qed jiġi pprovdut permezz ta' karozzi tal-linja mix-Xemxija? Jista’ jgħid ukoll fiex jikkonsisti dan is-servizz u min qed iħallas għalih? Kemm ilu jingħata dan is-servizz u meta hu mistenni li jintemm?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz li qiegħed jingħata permezz ta’ karozzi tal-linja mix-Xemxija taħt it-titolu ta’ ‘Special Service’ huwa servizz temporanju li qiegħed jingħata bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa (u lura) bi frekwenza ta’ kull nofs siegħa. Dan is-servizz qiegħed isir sabiex sakemm ikun lest ix-xogħol infrastrutturali fit-triq li tgħaqqad ix-Xemxija m’ Għajn Tuffieħa jibqa’ jkun hemm konnettività bejn iż-żewġt inħawi. Dan is-servizz qiegħed jiġi mħallas mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u beda jingħata min-Novembru 2023.

Buġibba — Breakwater - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-breakwater ta' Buġibba? Meta hu mistenni li jitlesta dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jiġi jiswa? Jista’ jgħid ukoll min hu mistenni li jkun qed jagħti servizz minn dan l-istess breakwater?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-Buġibba breakwater bdew f’Ottubru 2022 u mistennija jkunu lesti għal April 2025. Il-proġett hu stmat li ser jiġi jiswa madwar 13.8 miljun Ewro Vat eskluż.

Permessi għal twaqqigħ u skavar fis-sajf

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19264 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ toroq għal kull lokalità fejn mhux permess isir twaqqigħ u skavar fix-xhur tas-sajf?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19265 li għamlet f’seduta 244.

Assistenza għal diżabilità severa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19191 u 19428 u jgħid kemm-il persuna kienet qiegħda tingħata assistenza finanzjarja għal diżabilità severa sal-aħħar tas-sena 2023? Kemm-il persuna qiegħda tingħata assistenza għal diżabilità severa preżentament? Kemm-il persuna ġiet infurmata li mhux ser tibqa' tingħata l-assistenza għal diżabilità severa matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna applikat għal assistenza għal diżabilità severa matul din is-sena u minn dawn kemm-il persuna ġiet infurmata li hi intitolata għal din l-assistenza u kemm-il persuna ġiet infurmata li mhix intitolata għal din l-assistenza?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija kif qed tkun preżentata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Triq li twassal mix-Xemxija sa Għajn Tuffieħa/Manikata u l-Imbordin u l-Miżieb — Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19269, tista' l-Ministru tgħid liema xogħol hu preżentement għaddej fit-triq li twassal mix-Xemxija sa Għajn Tuffieħa/Manikata, kif ukoll fit-triq li twassal sal-Imbordin u l-Miżieb? Tista' tgħid x'ġie deċiż fit-taħdidiet imsemmija fl-istess tweġiba? Tista' tgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol kollu, inkluż il-wiċċ bl-asfalt, jekk ix-xogħljiiet ikomplu matul l-istaġun tas-sajf?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-pjan preżenti huwa li x-xogħol ikompli għaddej anke matul l-istaġun tas-sajf. Rigward il-bypass ta’ Għajn Tuffieħa bħalissa għaddejjin testijiet finali fuq in-network tas-sistema biex sussegwentament jingħata l-asfalt min-naħa tal-awtorità responsabbli. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bix-xogħlijiet tagħha li jkopru l-proġett kemm tan-New Water kif ukoll tal-ilma tax-xorb fi Triq l-Imbordin. Dawn ippjanati li jitlestew lejn l-aħħar tat-tielet kwart tas-sena. Il-Korporazzjoni ħasbet biex fil-partijiet li jkunu lesti, fiż-żona mill-Miżieb sal-Imbordin, jingħata wiċċ tal-asfalt sabiex jiġi mminimizzat l-inkonvenjent, liema xogħlijiet ippjanti jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl u Triq il-Mosta - Rapporti dwar riħa ta’ drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma irċevietx rapporti dwar riħa ta' drenaġġ fi Triq San Pawl u Triq il-Mosta, f’San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sentejn? Jekk iva, tista’ tgħid għal kull każ meta sar, x'azzjoni ttieħdet u xi rriżulta mill-investigazzjonijiet li kienu saru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fl-aħħar sentejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċeviet 15-il ilment dwar irwejjaħ fit-toroq indikati. F’seba’ każi rriżulta li kienu ġejjin minn kaptelli ta’ sufuni privati (mhux min-netwerk tal-KSI) u min għamel l-ilment ġie infurmat dwar dan, waqt li f’sitt każi kienu ġejjin minn tappieri tal-Korporazzjoni fejn dawn ġew issiġillati. Kien hemm każ ta’ ilma qiegħed f’Kennedy Grove u l-entità responsabbli ħadet ħsieb li jsir it-tindif meħtieġ, u każ minħabba ħsara li seħħet waqt li kienu qed isiru xogħlijiet minn kuntrattur u din issewwiet minnu stess.

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl u Triq il-Mosta - Rapporti dwar riħa ta’ drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru tgħid jekk id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali rċeviex rapporti dwar riħa ta' drenaġġ fi Triq San Pawl u Triq il-Mosta, f’San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sentejn? Jekk iva, jista’ jgħid għal kull każ meta sar dan ir-rapport, x'azzjoni ttieħdet u xi rriżulta mill-investigazzjonijiet li kienu saru?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar sentejn sal-lum id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva u investiga 14-il ilment relatati ma’ riħa ta’ drenaġġ fit-toroq indikati u li qed jiġu indikati fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Residential Parking Scheme

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19262 dwar Resident Priority Parking, jista' l-Ministru jgħid ma' liema kunsilli lokali saret komunikazzjoni mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali dwar din l-iskema? Jista' jgħid ukoll liema kunsilli lokali wrew interess għal sistema ta’ Residential Parking Scheme?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li kienet bagħtet ċirkulari elettronika (AKL 2023/075) lill-Kunsilli Lokali kollha għal laqgħat marbuta ma’ din l-iskema li kellhom isiru f’Settembru 2023. Ninsab infurmat wkoll li 11-il Kunsilli Lokali wrew interess għal din l-iskema li huma: · L-Isla · Ir-Rabat Għawdex · Birkirkara · Il-Fgura · Il-Fontana · Ħal Għaxaq · Il-Gudja · Ħal Lija · L-Imsida · Il-Munxar · San Pawl il-Baħar

Reviżjoni tal-Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19190 u jagħti tagħrif dwar kemm-il anzjan jew anzjana kellhom assessjar (reviżjoni) tal-pensjoni tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawk li kellhom dan l-assessjar, fil-fatt instab li qed jieħdu dak li huma ntitolati għalih, u li allura mhux ser ikollhom żieda fil-pensjoni tagħhom? Kemm minn dawn il-persuni twieldu qabel is-sena 1962?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif qed jinġabar.

Hirschsprung's disease – Għajnuniet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema benefiċċji soċjali, sussidji eċċ jistgħu jibbenefikaw minnhom dawk il-persuni li għandhom il-kundizzjoni magħrufa bħala Hirschsprung's disease?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Parti II tal-Iskeda Ħamsa tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali tipprovdi eliġibilità tal-Għajnuna Medika bla Ħlas lill-persuni li għandhom il-kundizzjoni magħrufa bħala Hirschprung’s Disease.

Hirschsprung's disease

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġewwa Malta u Għawdex għandha l-kundizzjoni magħrufa bħala Hirschsprung's disease? Jista' jinforma liema trattament jingħata ġewwa l-Isptar Mater Dei u x’mediċini permezz tal-POYC jingħataw għal din il-kundizzjoni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bejn l-2000 u l-2021, ġew irreġistrati li twieldu 34 tarbija li kienu dijanjostikati b’Hirschprung’s condition ftit wara it-twelid. Din hija rata ta’ 3.77 / 10,000 twelid. Ninsab infurmat li ssir dijanjosi, li tinkludi bijopsija tar-rektum, studji ta' kuntrast u fejn ikun meħtieġ interventi operattivi b'istoloġija ta' backup (stoma, proċeduri ta' pullthrough, injezzjonijiet ta' Botox, ACE). Dawn ikunu segwitu fil-klinika ta' rutina biex tiġi mmaniġġjata l-kontinenza. Il-mediċini li jingħataw mill-POYC għal din il-kundizzjoni qed jitpoġġew il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – Trasport pubbliku – Rotta 250

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19070 dwar rotot tat-trasport pubbliku minn/lejn Mater Dei, jista’ l-Ministru jara li l-frekwenza tar-rotta 250 tiżdied, b'mod partikolari fix-xhur tas-sajf meta l-popolazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar tiżdied sostanzjalment?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta' dan is-suġġeriment għal aktar konsiderazzjoni.

Serq irrappurat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19186 dwar serq irrappurtat, jista’ l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni għall-istess xhur iżda għas-sena 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ serq irrapportat f’dawn il-gżejjer fis sena 2023, separatament għal kull lokalità, kien kif jidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din tinkludi is-serq skont il-kategoriji kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

Persuni b'diżabilità — Reserved parkings ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il reserved parking ġdid inħareġ għal persuni b'diżabilità kull xahar minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni lokalità lokalità? Jista' jgħid ukoll jekk dawn humiex communal reserved parking bays jew personalised parking bays u liema minn dawn ir-reserved parkings huma biss għall-perijodu speċifikat, pereżempju għas-sajf?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabilità fl-2023 bejn Jannar u Diċembru u fl-2024 minn Jannar sal-aħħar ta’ Mejju.

Permessi għal twaqqigħ u skavar fis-sajf 2024

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema ħa jkun il-perjodu meta mhux ser ikun permessibbli li jsir twaqqigħ u skavar matul is-sajf 2024?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif stabbilit fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 623.08, xogħlijiet ta’ twaqqigħ jew skavar m’għandhomx ikunu permissibbli f’żoni turistiċi fil-perjodu ta’ bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta’ toroq li fihom ma jistax isir twaqqigħ u skavar fis-sajf 2024.

Clean Malta – impjegati li jagħtu servizz lil kunsilli lokail

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni impjegati ma’ Clean Malta, jew ma’ kuntratturi li jagħtu servizz lil Clean Malta u li qegħdin jagħtu servizz lil kull kunsill lokali, separatament għal kull kunsill lokali?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Interpellant lid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni se twessa’ l-operat tagħha b’aktar investiment fir-riżorsi umani u makkinarju biex jitnaddfu toroq residenzjali f’għadd ta’ lokalitajiet. Fil-jiem li għaddew ġie ffirmat ftehim ma’ 12-il Kunsill Lokali għall-ħames snin li ġejjin.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl — testijiet/interventi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’testijiet/interventi wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fuq is-sistema tad-drenaġġ fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar mill-kantuniera ta’ Triq it-Torri sal-kantuniera ta’ Triq tal-Katidral? Xi ħsarat irriżultaw li jeżistu fil-main tad-drenaġġ f’din il-parti tat-triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li malli l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċeviet rapport dwar infiltrazzjoni ta’ drenaġġ fi Triq San Pawl, fiż-żona bejn Triq il-Paċi u Triq il-Parroċċa, flimkien mad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali għamlet test permezz ta’ tfigħ ta’ kulur. Minn dan it-test irriżulta li ma kien hemm l-ebda leakage min-network tal-Korporazzjoni, iżda dan kien ġej minn residenza privata. Il-Korporazzjoni xorta waħda wettqet tindif preventiv fis-sistema tad-drenaġġ tagħha.

Swimming zones

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'differenzi ser ikun hemm fis-swimming zones din is-sena meta imqabbla maż-żoni li kien hemm is-sena l-oħra? Jista’ jgħid x'wassal għal dan it-tibdil?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għas-snin 2023 u 2024.

WSC — Triq li twassal mix-Xemxija sa Għajn Tuffieħa/Manikata u l-Imbordin u l-Miżieb - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'inhu x-xogħol li għadu għaddej mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fit-triq li twassal mix-Xemxija sa Għajn Tuffieħa/Manikata, kif ukoll fit-triq li twassal sal-Imbordin u l-Miżieb? Tista’ tgħid meta hu mistenni li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18243, ninsab infurmata li bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinsab f’taħdidiet mal-awtoritajiet konċernati bil-għan li jitfassal pjan ħalli x-xogħlijiet ikunu jistgħu jissuktaw matul l-istaġun turistiku tas-sajf.