Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — Moll tal-Veċċja - Arblu tad-dawl

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1465 dwar arblu tad-dawl fiż-żona tal-moll tal-Veċċja, tista' l-Ministru tgħid jekk l-Enemalta tkunx ikkonsultata dwar it-twaħħil ta' arbli bħal dawn? Tista' tgħid ukoll jekk l-Enemalta tistax tinforma lil terzi biex dan l-arblu jitneħħa ladarba x-xogħol li minħabba fih twaħħal l-arblu, issa tlesta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif spjegajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1465, l-arblu li qed issir referenza għalih ma twaħħalx minn Enemalta iżda minn terzi. Infurmata li t-tneħħija ta’ dan l-arblu mhux fil-kompitu tal-Enemalta u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar -Moll tal-Veċċja — Arblu tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-arblu tad-dawl (li r-ritratt tiegħu jinsab anness) li jinsab fin-nofs ta’ żona ffrekwentata mill-vetturi ħdejn il-moll tal-Veċċja, San Pawl il-Baħar, jitneħħa minn fejn qiegħed, minħabba l-periklu li qed joħloq għal dawk li jkunu fl-inħawi, peress li kif jien infurmata, dan l-arblu kien twaħħal għal użu temporanju sakemm saru xogħlijiet fuq binja privata fl-istess żona, liema xogħlijiet issa jidher li tlestew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ser ikun qed jikseb aktar informazzjoni dwar l-arblu msemmi u jekk ikun hemm il-ħtieġa jirreferi għand id-dipartimenti jew entitajiet oħra konċernati.

Persuni bi problemi ta’ saħħa mentali — Impjiegi permanenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni bi problemi ta’ saħħa mentali li ngħataw sapport sabiex ikunu jistgħu jsibu impjieg permanenti wara li jkunu temmew il-kura neċessarja?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif qed jinġabar.

Persuni bi problemi ta’ saħħa mentali – Impjiegi permanenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni bi problemi ta’ saħħa mentali li ngħataw sapport sabiex ikunu jistgħu jsibu impjieg permanenti wara li jkunu temmew il-kura neċessarja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li Jobsplus toffri bosta servizzi għal persuni vulnerabbli li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Madanakollu Jobsplus ma jkollhiex informazzjoni dwar il-kura li individwu jingħata jekk ikollu problemi ta’ saħħa mentali. Nistieden lill-Onor. membru li jekk taf persuna jew persuni li għandhom bżonn assistenza li sal-lum għadhom ma rċivewhiex, tirreferihom b'mod privat.

San Pawl il-Baħar — L-inħawi ta’ Dawret in-Nawfraġju - Dawl pubbliku

Question

Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex fl-inħawi ta' Dawret in-Nawfraġju, f’San Pawl il-Baħar, ikun hemm id-dawl pubbliku neċessarju biex dawn l-inħawi ma jibqgħux fid-dlam?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif spjegajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9464, il-qtugħ fis-sistema qed iseħħ minħabba li hemm storm water drainpipe u b’konsegwenza t’hekk l-ilma tax-xita mit-triq qed jinżel bi pressa fuq il-linji tad-dawl fejn qed jikkawża ‘short circuit’ fuq is-sistema ta’ street lighting. Dwar dan kien ġie infurmat il-Kunsill Lokali biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata. Infurmata li kull tiswija u manutenzjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Enemalta saret u d-dawl f’din iż-żona huwa mixgħul.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Kaħli - Infurzar dwar Storbju eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'infurzar sar minn xi entità jew awtorità li taqa’ taħtu fir-rigward ta' storbju eċċessiv fi Triq il-Kaħli, San Pawl il-Baħar, jew fl-akkwati tal-istess triq u jipprovdi dettalji dwar meta sar dan l-infurzar?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-infurzar fuq inkonvenjent ta’ storbju ma jaqax taħt dan il-Ministeru.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Kaħli - Infurzar dwar Storbju eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'infurzar sar minn xi entità jew awtorità li taqa’ taħtu fir-rigward ta' storbju eċċessiv fi Triq il-Kaħli, San Pawl il-Baħar jew fl-akkwati tal-istess triq matul l-aħħar sena? Jista’ wkoll jipprovdi dettalji dwar meta sar dan l-infurzar u x'azzjoni ttieħdet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li persuna liċenzjata minn stabbiliment tressqet il-Qorti peress li kif kien irrapurtat, il-pulizija wkoll semgħet storbju eċċessiv ta’ mużika meta waslet fuq il-post.

Il-Qawra — Car park pubbliku taħt l-iskola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess dwar l-approvazzjoni tal-by-law fuq l-amministrazzjoni tal-car park pubbliku taħt l-Iskola Primarja tal-Qawra? Jista’ jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li din il-by-law għadha pendenti jew inkella mhux titħaddem?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-proċess tal-Bye-Law tal-parkeġġ pubbliku taħt l-iskola primarja tal-Qawra għadu ma ma ġiex konkluż minħabba tħejjijiet loġistiċi neċessarji qabel dan ikun jista’ jiġi jitħaddem. Sadanittant ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali li f’laqgħa tal-Kunsill kien ġie deċiż li l-parkeġġ jinfetaħ u fil-fatt qed jintuża bla ħlas.

Il-Qawra — Bus terminus - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ftehim għandu l-operatur tat-trasport pubbliku għal dak li jikkonċerna l-upkeep u l-manutenzjoni tal-bus terminus tal-Qawra? Jista’ jgħid ukoll min hu responsabbli biex jara li dan il-bus terminus ikun miżmum sew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont il-kuntratt li jirregola l-provvediment tas-servizz tat-trasport pubbliku li kien ġie ffirmat bejn l-Awtorità għat-Trasport f’Malta u l-Operatur tat-Trasport Pubbliku fl-2015 ir-responsabbiltà tal-upkeep u l-manutenzjoni tat-terminus tal-Qawra hija tal-Operatur tat-Trasport Pubbliku. Dan minbarra l-upkeep u l-manutenzjoni tal-canopy li tali responsabbiltà hija ta’ kuntrattur ieħor.

Residential Parking Scheme

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19911 dwar ir-Residential Parking Scheme, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċirkulari elettronika AKL 2023/075 maħruġa mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba u mgħoddija lili.

Residential Parking Scheme

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19911, dwar ir-Residential Parking Scheme, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tweġiba mill-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll xi żviluppi kien hemm dwar l-interess li wera l-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li l-kunsill esprima l-interess tiegħu għal skema ta' parkeġġ għar-residenti u beda l-proċess bis-sapport tal-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali. Informat għalhekk li għaddejin taħdidiet fir-rigward.

Permess biex ma jsirx twaqqigħ u skavar fix-xhur tas-sajf — Lista ta’ toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'differenza hemm bejn il-lista ta' toroq li fihom mhux permess isir twaqqigħ u skavar fix-xhur tas-sajf maħruġa għas-sajf 2023 u dik maħruġa għas-sajf 2024?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 10242 u 19265.

Kollaborazzjoni bejn il-Ministeru u r-Richmond Foundation

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ kollaborazzjoni hemm bejn il-Ministeru u r-Richmond Foundation sabiex din il-fondazzjoni tkun tista’ tagħti servizz lil persuni li jkollhom bżonnijiet marbuta mas-saħħa mentali?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru, flimkien mal-Aġenzija Sapport bdew diskussjonijiet biex ikun hemm kollaborazzjoni ma’ Richmond Foundation fi provediment ta’ servizz għal persuni b’nuqqas intellettwali li għaddejjin minn sfidi ta’ saħħa mentali. Filwaqt li ninfurmaha wkoll li fis-snin 2019 u 2023 Richmond Foundation ibbenefikat minn fondi tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) b’valur ta’ €20,000 għal kull proġett. Din l-iskema hija amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).

Sapport lil persuni bi problemi ta’ saħħa mentali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni bi problemi ta’ saħħa mentali li ngħataw sapport sabiex ikunu jistgħu jsibu impjieg permanenti wara li jkunu temmew il-kura neċessarja?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Saħħa mentali — Kollaborazzjoni bejn il-Ministeru u entitajiet differenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' kollaborazzjonijiet jew arranġamenti qegħdin isiru mill-Ministeru fir-rigward tal-ħarsien ta' persuni li għandhom diffikultajiet relatati mas-saħħa mentali u ma' liema entitajiet qegħdin isiru dawn il-kollaborazzjonijiet jew arranġamenti?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li persuni li għandhom sfidi ta’ saħħa mentali huma inklużi fid-definizzjoni ta’ ‘persuni b’diżabilità’ tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità. Għaldaqstant, it-taqsima tal-Investigazzjonijiet fi ħdan il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) tilqa’ lmenti magħmula minn persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali li jallegaw li ġew iddiskriminati minħabba l-kundizzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tinkludi wkoll informazzjoni dwar saħħa mentali u l-isfidi li jaffaċċjaw persuni li għandhom dawn il-kundizzjonijiet fit-taħriġ tagħha magħruf bħala Disability Equality Training, li ġie mwassal lil aktar minn 7,000 ruħ matul l-2023. Il-qasam tas-saħħa mentali ġie ttrattat ukoll fir-riċerka li l-Kummissjoni wettqet is-sena li għaddiet dwar id-Deistituzzjonalizzazzjoni. Il-Kummissjoni, permezz tal-Kummissarju tiddiskuti fuq bażi regolari, s-servizzi li jingħataw lil persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali mat-tmexxija tal-Isptar Monte Carmeli. Ta’ min wieħed ifakkar ukoll li l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali huwa membru fundatur tal-Malta Business Disability Forum li twaqqaf fuq inizjattiva tal-Kummissjoni u li fih ġie diskuss ukoll l-impjieg ta’ persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali. Dan is-suġġett sa jiġi ttrattat ukoll f’konferenza li l-Kummissjoni sa tkun qed ittella’ f’Ġunju b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Richmond, bil-għan li jiġu ssensibilizzati Managers tar-Riżorsi Umani u Senior Managers dwar l-inklużjoni ta’ persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. Il-Kummissjoni ħadmet ukoll ma’ żewġ NGOs oħra f’dan il-qasam. Mal-għaqda, BBrave, il-Kummissjoni ħadmet fuq riċerka fuq ir-riperkussjonijiet tal-ibbulijar fuq il-post tax-xogħol fuq is-saħħa mentali tal-individwu. Dan wassal biex ġew imfassla toolkit għal min iħaddem u politika (policy) dwar ir-Riżorsi Umani fuq il-post tax-xogħol kontra l-ibbulijar. Mal-għaqda Prisms Malta, qed taħdem fuq proġett jismu Point of Connection sabiex tiżdied l-inklużjoni ta’ żgħażagħ bl-awtiżmu fil-komunitajiet lokali, bil-għan li jitjiebu l-kwalità tal-ħajja u l-istat ta’ saħħa mentali tagħhom. Ninfurmaha wkoll li professjonisti minn Aġenzija Sapport jikkollaboraw ma’ professjonisti oħra varji minn entitajiet differenti skont il-bżonn tal-persuni b’diżabilità li jkunu qed jirċievu servizzi mill-Aġenzija u li jkollhom ukoll diffikultajiet relatati mas-saħħa mentali. Dawn l-entitajiet jinkludu ċ-ċentri tas-saħħa tal-kura primarja, iċ-ċentri tas-saħħa mentali tal-komunità, l-Isptar Monte Carmeli, l-Isptar Mater Dei, id-Downs Syndrome Clinic, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, is-CYPS, il-Young People Unit (YPU), il-Fondazzjoni Richmond, psikjatri, psikoloġisti, ħaddiema soċjali, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u skejjel inkluż Guardian Angel u Wardija Resource Centre. Dan minbarra li persuni b’diżabilità fi ħdan is-servizz tas-Supported Independent Living tal-Aġenzija qed jirċievu s-servizz ta’ psychiatric reviews fi klinika organizzata għalihom b’kollaborazzjoni mal-Isptar Monte Carmeli.

ETC — Ħaddiema b’diffikultajiet relatati mas-saħħa mentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Employment and Training Corporation (ETC) għandhiex statistika ta' kemm-il persuna kellha tieqaf mill-impjieg tagħha matul l-aħħar sena minħabba li kellha diffikultajiet relatati mas-saħħa mentali? Jekk iva, jista' jqiegħed din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni reġgħu daħlu lura fid-dinja tax-xogħol?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li r-raġuni ta' 'saħħa mentali' mhix inkluża fil-formola tat-terminu tal-impjieg provduta lil Jobsplus, iżda tiprovdi raġuni ta' 'saħħa'.

San Pawl il-Baħar — Żona tal-Għażżenin - Aċċess għall-Bajja

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19192 fir-rigward tal-aċċess għall-bajja fiż-żona tal-Għażżenin, San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jwieġeb fir-rigward tat-taraġ li mit-triq iwassal għall-bajja ż-żgħira li hemm ħdejn il-bini li jużaw il-Young Sailors Club, ħdejn l-iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser issir spezzjoni mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fuq it-taraġ indikat u li jinsab fil-Bajja Tax-Xama’, San Pawl il-Baħar, sabiex jiġu identifikati x-xogħlijiet meħtieġa.

San Pawl il-Baħar — Ilmenti dwar storbju eċċessiv billejl

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19261 dwar ilmenti fuq storbju eċċessiv u/jew xogħol li kien qiegħed isir billejl fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti l-ilment li sar u liema kien il-post indikat fl-ilment?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-ilmenti kienu dwar storbju minn xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir bil-lejl fi proprjetà fi Triq San Pawl, f'San Pawl il-Baħar. Il-bqija tal-informazzjoni ngħatat fir-risposta oriġinali.

Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar — Permessi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19259 dwar permessi maħruġa mill-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi maħruġa għal xogħol fis-7 ta’ Mejju 2024 bejn il-23.00 u l-05.00 u għal xogħol fit-8 ta’ Mejju 2024 bejn il-23.00 u l-05.00?

Response (BONNICI, OWEN)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi maħruġa għal xogħol fis-7 ta’ Mejju 2024 (bejn il-23.00 u l-05.00) u għal xogħol fit-8 ta’ Mejju 2024 (bejn il-23.00 u l-05.00) kif ippreżentati mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

BCA — Ħruġ ta’ permessi/ konċessjonijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19258 dwar permessi/konċessjonijiet maħruġa mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi/konċessjonijiet maħruġa għal xogħol fis-7 ta’ Mejju 2024 bejn il-23.00 u l-05.00 u għal xogħol fit-8 ta’ Mejju 2024 bejn il-23.00 u l-05.00? Jista' jgħid ukoll liema kienu l-awtoritajiet konċernati oħra msemmija fl-istess tweġiba li diġà kienu ħarġu permessi għall-istess xogħol fl-istess ġranet u ħin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-permess maħruġ mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni għal xogħol fis-7 ta’ Mejju 2024 bejn il-23.00 u l-05.00 u għal xogħol fit-8 ta’ Mejju 2024 bejn il-23.00 u l-05.00. Il-permess ingħata wara li ma kienx hemm oġġezzjoni mill-awtoritajiet konċernati l-oħra li kienu Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn iż-żewġ awtoritajiet taw il-permess tagħhom ukoll biex abbażi tagħhom inħareġ dak tal-Awtorita’ tal-Bini u l-Kostruzzjoni.