Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni bi problemi ta’ saħħa mentali — Impjiegi permanenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20173 u jgħid kemm kien hemm persuni bi problemi ta’ saħħa mentali li ngħataw sapport sabiex ikunu jistgħu jsibu impjieg permanenti wara li jkunu temmew il-kura neċessarja?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif qed jinġabar.

Awtorità tat-Turiżmu – Proġetti mwettqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti twettqu mill-Awtorità tat-Turiżmu jew xi entità oħra li taqa' taħtu mill-1 ta' Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll kemm ġie jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant minn Jannar 2023 s’issa, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu wettqet dawn il-proġetti: · Ir-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa · Ir-riġenerazzjoni tal-Għadira promenade · British Military Walk, fl-Imtarfa · Il-Mixja Storika ta’ Ħaż-Żebbuġ · Tisbiħ tal-Gallarija tal-Belvedere, San Pawl il-Baħar · Restawr tal-Fishermen’s Shed f’San Ġiljan. Apparti minn hekk, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi sar: · Ristrutturar u rinovazzjoni ta’ spazju mdaqqas f’sala ġdida bil-faċilitajiet għas-setturi kollha inkluż dak tal-MICE · Immodernizzar ta’ tagħmir ta’ sound and vision f’żewġ swali prinċipali · Sistema ta’ dwal ġodda sabiex jitjieb is-servizz tal-Grand Harbour Terrace · Rinnovar fuq sistema ta’ sigurta’ · Investiment fuq tagħmir elettroniku u software · Rinnovar tal-lifts · Rinnovar tas-sistemi tal-arju kundizzjonata · U proġetti varji oħra ta’ rinnovar ta’ tagħmir, u tisbiħ/modernizzar in ġenerali. Min-naħa tal-ITS, beda il-proġett tal-kampus il-ġdid u tlesta l-iskavar.

Toroq residenzjali — Distanza bejn bozza u oħra

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hi mistennija li tkun id-distanza bejn bozza u oħra fit-toroq residenzjali? Tista’ tgħid ukoll kif jiġi assigurat li din id-distanza tiġi miżmuma fejn hemm dwal pubbliċi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li biex tkun determinata d-distanza bejn bozza u oħra fit-toroq jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi. Dawn jinkludu t-tip ta’ triq (jekk hix arterjali, distributorja jew residenzjali), il-wisa’ tat-triq, l-iskop li għalih isir d-dawl (jekk hux minnhabba traffiku jew sigurtà għar-residenti), il-limitu tal-veloċità tas-sewqan (speed limit), jekk hemmx junctions u jekk tkunx żona pedonali (pedestrian area) fost oħrajn. Apparti minn hekk, l-għoli tal-bozza mill-art, it-tip ta’ bozza u l-optics tagħha ukoll jaffettwaw id-distanza li hemm bżonn bejn bozza u oħra. F’żoni residenzjali l-iskop prinċipali tad-dawl huwa biex joħloq sigurtà għar-residenti li jagħmlu użu mit-toroq, b’livell ta’ dawl komdu u bl-inqas light pollution possibbli.

Persuni b’diżabilità — Benefiċċju tal-assistenza personali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna b’diżabilità qed tirċievi l-benefiċċju tal-assistenza personali? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawk li applikaw qed jistennew biex jibdew jirċievu dan il-benefiċċju u x’inhu ż-żmien stipulat ta' stennija għal tweġiba lil dawk li jkunu applikaw biex jirċievu dan il-benefiċċju?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa hemm 391 persuna b’diżabilità li qed tibbenefika mis-servizz tal-Independent Community Living. Dan is-servizz huwa l-istess servizz li qed issir riforma nazzjonali dwaru u għalhekk l-informazzjoni li qed tingħata f’din it-tweġiba ma tirriflettix dak pjanat fl-implimentazzjoni tar-riforma, li ser tibda tiġi implimentata fil-ġimgħat li ġejjin. L-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-riforma ser tkun ikkomunikata mal-benefiċjarji u mal-pubbliku fiż-żmien li ġej. Bħalissa Aġenzija Sapport għandha madwar 120 każ li qiegħdin fil-proċess li jiġu assessjati.

Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar — Railings u slielem tal-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol kollu relatat mar-railings u slielem tal-baħar fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar (inkluż ix-Xemxija, il-Qawra u Buġibba) hux lest u jekk hux kollha tpoġġew ħdejn il-baħar/fil-baħar? Jista’ jaċċerta li r-railings u slielem qegħdin kollha fi stat tajjeb u li jsir ix-xogħol meħtieġ fl-iqsar żmien possibbli, b’mod partikolari fuq ir-railings u s-slielem fil-bajjiet ta’ Triq San Ġeraldu u Triq San Franġisk, Dawret il-Gżejjer, San Pawl il-Baħar, u l-aċċess lejn is-simenta fi Triq il-Knisja, San Pawl il-Baħar hekk peress li hemm minnhom li għandhom xi ħsarat (kif jidher fir-ritratti annessi) u b’hekk qed ikun diffiċli biex isir użu minnhom, speċjalment mill-anzjani?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-slielem tal-baħar fiż-żoni imsemmija twaħħlu kollha u jinsabu kollha fil-post. Bħala railings, il-maġġoranza tagħhom jinsabu f’posthom ukoll. Fadal ammont żgħir li se jitwaħħlu fil-ġranet li ġejjin. Ninfurmaha wkoll li hemm ċertu railings li jitħallew f’posthom anke fix-xitwa sabiex min jgħum is-sena kollha jkollu aċċess għall-baħar. Dawn ir-railings qed issirilhom il-manutenzjoni li hemm bżonn u jinżebgħu, jew jinbiddlu skont il-ħtieġa.

San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra — Nuqqas ta’ pressa tal-ilma/pressa baxxa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li għaliha qed jiġi rrapportat nuqqas ta’ pressa tal-ilma/pressa baxxa f'San Pawl il-Baħar, inkluż f'Buġibba u l-Qawra u kemm-il rapport wasal għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rigward dan, matul l-aħħar sitt xhur u f’liema toroq? Tista’ tgħid ukoll x’azzjoni ttieħdet f’kull każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fl-aħħar sitt xhur fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra daħlu 41 rapport minn 28 triq differenti. Dawn kienu jvarjaw minn problemi tekniċi żgħar li jiġu solvuti mill-ewwel min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u oħrajn li kienu ta’ natura privata. Il-Korporazzjoni għadha kemm lestiet proġett ta’ bdil ta’ mejnijiet kbar li jwasslu l-ilma mill-ġibjun tan-Naxxar sal-Qawra u Buġibba biex tassigura li l-pressa tkun adekwata. Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex jekk hi konxja ta’ xi residenzi partikolari li qegħdin jesperjenzaw nuqqas ta’ pressa tinfurmahom jagħmlu rapport biex il-Korporazzjoni tkun tista’ twettaq l-investigazzjoni tagħha. Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jistgħu jċemplu fuq 8007 6400 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku www.wsc.com.mt

San Pawl il-Baħar — Trejqet il-Veċċja – Tneħħija ta’ vettura

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-mutur, li m’għandux number plates imwaħħlin, jitneħħa minn Trejqet il-Veċċja, f’San Pawl il-Baħar (ritratt anness)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi abbażi ta’ providementi ta’ Regolamenti nazzjonali, il-vettura li rreferiet għaliha l-Onor. Interpellant, tkun tista’ tiġi mneħħija wara sebghat ijiem mid-data ta’ meta l-Pulizija jew awtorita kompetenti oħra twaħħal fuq il-vetturi avviż biex din titneħħa mis-sid. Wara kollegament mill-pulizija tad-Distrett ma’ Transport Malta, fil-25 ta’ Ġunju 2024 twaħħal dan l-avviż fuq il-vettura in-kwistjoni, u jekk din ma titneħħiex wara l-perjodu indikat, din tiġi mneħħija skond il-proċeduri stabiliti fl-istess regolamenti.

Knejjes — Skemi għal dawl mal-faċċata jew zuntier

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul l-aħħar sena nħarġux skemi għal dawl mal-faċċata jew zuntier tal-knejjes fil-lokalitajiet ta' Malta u Għawdex? Jekk iva, jista’ jgħid min applika għal dawn l-iskemi u min ikkwalifika?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemm l-ebda skema fuq dawl mal-faċċata jew zuntier tal-knejjes fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex.

Knejjes — Skemi għal dawl mal-faċċata jew zuntier

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jinħarġu skemi għal dawl mal-faċċata jew zuntier tal-knejjes fil-lokalitajiet ta' Malta u Għawdex? Jekk iva, jista’ jgħid min se jkun jista' japplika għal dawn l-iskemi u meta hu mistenni li jinħarġu dawn l-iskemi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20184.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika — Skemi ta’ fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema skemi ta' fondi nħarġu minn xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu u għalqu l-applikazzjonijiet għalihom u għadhom qegħdin jiġu aġġudikati? Jista’ jgħid ukoll min applika għal kull waħda minn dawn l-iskemi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — Proġetti mill-Awtorità tat-Turiżmu għall-2024

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti hu maħsub li jitwettqu mill-Awtorità tat-Turiżmu jew xi entità oħra li taqa' taħtu matul is-sena 2024 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra wettqet il-proġett tant mistenni tal-Għadira, matul is-sena 2024 se twettaq ukoll dan il-proġett: · Provvista u installazzjoni ta’ dawl estern u pavimentazzjoni taz-zuntier b’ġebel naturali għall-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar. Apparti minn hekk, it-TZRA se tkun qed toffri s-servizzi tagħha hekk kif ġej: · Installazzjoni ta’ poġġamani fil-Bajja tas-Salina, fil-Marfa, u fil-Bajja tar-Ramla għal skopijiet ta’ aċċessibbiltà · Baħar iċ-Ċagħaq – titjib fid-daħla prinċipali. · Kontinwazzjoni tal-ħajt ta’ konfini tal-promenade u railings fiż-żona taċ-Ċirkewwa/Marfa. · Bini mill-ġdid taż-żona ta’ aċċess għall-bajja fiż-żona ta’ Bognor, Buġibba. · Tiswija, blasting u ggalvanizzar tar-railings eżistenti f’żoni speċifiċi f’San Pawl il-Baħar, miż-żona Tal-Għażżelin u ż-żona ta’ Dawret il-Gżejjer. · Assistenza biex jiġu installati u żarmati strutturi relatati mal-għawm fosthom slielem, passaġġi, kmamar tat-tibdil, doċoċ, u torrijiet tal-għassa li jiffurmaw parti mill-Blue Flag beaches. · Assistenza lill-Kunsilli Lokali fil-manutenzjoni ta’ żoni speċifiċi permezz ta’ tiswijiet u manutenzjoni ta’ spazji miftuħa, ħitan ta’ konfini, u bankijiet fi Ġnien Naxxar (L-Imħalla), Park tal-Familja u Ġnien Ingraw fil-Mellieħa. · Assistenza bħala parti mill-Kampanja Nazzjonali ta’ Tindif.

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — Proġetti mill-Awtorità tat-Turiżmu għall-2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti hu maħsub li jitwettqu mill-Awtorità tat-Turiżmu jew xi entità oħra li taqa' taħtu matul is-sena 2025 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena 2025 l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkun qed taħdem fuq il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Buġibba. Apparti minn hekk, it-TZRA se tkun qed: · Tkompli bil-proġetti mibdija fl-2024, ċioe’ dawk indikati fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 20187. · Tibdel il-puġġamani tal-promenade f’żoni speċifiċi f’San Pawl il-Baħar f’Dawret il-Qawra. · Wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, se tkun qed tibdel il-bankijiet tal-promenade ta’ San Pawl il-Baħar · Tagħti assistenza biex jiġu installati u żarmati strutturi relatati mal-għawm fosthom slielem, passaġġi, kmamar tat-tibdil, doċoċ, u torrijiet tal-għassa li jiffurmaw parti mill-Blue Flag beaches. · Tagħti assistenza lill-Kunsilli Lokali fil-manutenzjoni ta’ żoni speċifiċi permezz ta’ tiswijiet u manutenzjoni ta’ spazji miftuħa, ħitan tal-konfini, u bankijiet. · Tkompli tagħti assistenza bħala parti mill-Kampanja Nazzjonali ta’ Tindif.

Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar — Proġetti mill-Awtorità tat-Turiżmu għall-2026, 2027, 2028, u 2029

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti hu maħsub li jitwettqu mill-Awtorità tat-Turiżmu jew xi entità li taqa' taħtu matul is-snin 2026, 2027, 2028, u 2029 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa għad m’hemm l-ebda proġett speċifiku li se jitwettaq mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fil-lokalitajiet u s-snin imsemmija.

L-Iskola Nazzjonali tal-Isport — Kriterja meħtieġa għad-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji meħtieġa biex persuna tidħol fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport? Jista' jipprovdi d-dettalji kollha relatati mal-proċess biex student jintgħażel biex jidħol f'din l-istess skola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kunsilli Lokali jew Kumitati Reġjonali — Skemi ta' fondi addizzjonali miftuħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema skemi ta' fondi addizzjonali lill-Kunsilli Lokali jew Kumitati Reġjonali huma miftuħa bħalissa? Jista’ jgħid ukoll min jista' japplika għal kull waħda minn dawn l-iskemi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm miftuħa l-iskema (SPI/SCI/04/2024) - Fond ta’ Manutenzjoni u Sostenn ta’ Proġetti Infrastrutturali Maġġuri li ġew imwettqa mill-Gvern Ċentrali. Għal dan il-fond huma eleġibbli li japplikaw dawk il-Kunsilli Lokali li fil-lokalità tagħhom ġie mwettaq proġett mill-Gvern Ċentrali mis-sena 2013 'l hawn.

Kunsilli Lokali jew Kumitati Reġjonali — Skemi ta' fondi addizzjonali magħluqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema skemi ta' fondi addizzjonali lill-Kunsilli Lokali jew Kumitati Reġjonali għalqu l-applikazzjonijiet għalihom u għadhom qegħdin jiġu aġġudikati? Jista’ jgħid ukoll liema kunsilli lokali jew kumitati reġjonali applikaw għal kull waħda minn dawn l-iskemi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm erba’ skemi ta' fondi addizzjonali lill-Kunsilli Lokali / Kumitati Reġjonali li għalqu l-applikazzjonijiet għalihom u għadhom qegħdin jiġu aġġudikati, dawn huma: · SPI/SCI/02/2024 - Finanzjament – Komunitajiet aktar b’saħħithom u inklussivi · SPI/SCI/03/2024 - Inizjattiva Finanzjarja - Lokalitajiet aktar Nodfa · SPI/SCI/05/2024 - Skema għall-Attivitajiet Kulturali Annwali u Natalizji 2024/2025 (aġġudikata u qed nistennew l-approvazzjonijiet neċessarji) · SPI/SCI/06/2024 - Community Inclusive Employment Scheme (CIES) Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella miġbura u mgħoddija lili li turi l-Kunsilli Lokali / Kumitati Reġjonali li applikaw għal kull waħda minn dawn l-iskemi.

Kunsilli Lokali jew Kumitati Reġjonali — Skemi ta' fondi addizzjonali mhux imwettqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema skemi ta' fondi addizzjonali lill-Kunsilli Lokali jew Kumitati Reġjonali ġew aġġudikati iżda għadhom ma twettqux jew ma tlestewx? Jista’ jgħid ukoll liema kunsilli lokali jew kumitati reġjonali kkwalifikaw għal kull waħda minn dawn l-iskemi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm tnax -il skema ta' fondi addizzjonali lill-Kunsilli Lokali / Kumitati Reġjonali li ġew aġġudikati iżda għadhom ma twettqux / ma tlestewx, dawn huma: • SPI/SCI/03/2020 - Finanzjament ta' Proġetti Kapitali - Aċċessibilità u Mobilità • SPI/SCI/06/2020 - Finanzjament għall-Krejazzjoni ta' Spazji Miftuħa fiċ-Ċentru tal-Ibliet u l-Irħula f'Malta u Għawdex • SPI/SCI/02/2021 - Finanzjament għal żvilupp u titjib fil-kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u Għawdex • SPI/SCI/07/2021 - Fond ta’ Manutenzjoni u Sostenn ta' Proġetti Infrastrutturali Maġġuri li ġew imwettqa mill-Gvern Ċentrali • SPI/SCI/08/2021 - Finanzjament ta' Proġetti Kapitali - Aċċessibilità u Mobilità • SPI/SCI/01/2022 - Finanzjament għal-żvilupp u titjib fil-kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u Għawdex • SPI/SCI/05/2022 - Finanzjament għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq funtani fil-lokalitajiet f’Malta u Għawdex • SPI/SCI/06/2022 - Fond ta’ Manutenzjoni u Sostenn ta' Proġetti Infrastrutturali Maġġuri li ġew imwettqa mill-Gvern Ċentrali • SPI/SCI/09/2022 - Finanzjament ta’ Proġetti Kapitali – Komunitajiet isbaħ u aktar b’saħħithom • SPI/SCI/10/2022 - Espressjoni ta’ Interess - ¯vilupp u titjib ta’ latrini pubbliċi awtomatiċi madwar Malta u Għawdex • SPI/SCI/04/2023 - Skema Finanzjarja – Komunitajiet Aktar Siguri u Organizzati • SPI/SCI/05/2023 - Fond ta Manutenzjoni u Sostenn ta' Proġetti Infrastrutturali Maġġuri li ġew imwettqa mill-Gvern Ċentrali Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella miġbura u mgħoddija lili li turi l-Kunsilli Lokali / Kumitati Reġjonali li applikaw għal kull waħda minn dawn l-iskemi.

Skemi għal Mezzi ta' sigurtà fil-lokalitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul l-aħħar sena, inħarġux skemi għal mezzi ta' sigurtà fil-lokalitajiet ta' Malta u Għawdex? Jekk iva, min applika għal dawn l-iskemi u min ikkwalifika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li permezz tal-Aġenzija LESA, ġew fis-seħħ żewġ skemi sabiex isiru proġetti fil-lokalitajiet fosthom għas-sigurtà. Kull lokalità tista tibbenifika sa massimu ta’ tmenin elf ewro, fejn kull skema tkopri perjodu ta’ tlett snin. Permezz ta’ dawn l-iskemi ġie assigurat fond ta’ mhux inqas minn sitt (6) miljun ewro, li ġew imqassma kif ġejjin: Skema 1 – 2021-2023 Fond allokat - ta’ mhux inqas minn 3 miljuni maqsuma fuq 3 snin,kif ukoll ingħataw total ta’ 60 Proġett, lis-segwenti Kunsilli: Il-Belt Valletta (Città Umilissima), Il-Birgu (Città Vittoriosa), L-Isla (Città Senglea), Bormla (Città Cospicua), Ħal Qormi (Città Pinto), Ħaż-Żabbar (Città Hompesch), Is-Siġġiewi (Città Ferdinand), Iż-Żejtun (Città Beland), Ħ'Attard, Birkirkara, Ħad-Dingli, Il-Fgura, Il-Furjana, Fontana, Il-Gudja, Għajnsielem, L-Għarb, L-Għasri, Ħal Għaxaq, Il-Ħamrun, Il-Kalkara, Ta' Kerċem, Ħal-Lija, Ħal-Luqa, Il-Marsa, Marsaskala, Marsaxlokk, Il-Mellieħa, Il-Mosta, L-Imqabba, L-Imsida, Il-Munxar, In-Nadur, In-Naxxar, Paola, Pembroke, Il-Qrendi, Ir-Rabat (Malta),Ħal Safi, San Ġiljan, San Ġwann, San Lawrenz, Ta' Sannat, Santa Luċija, Tas-Sliema, Is-Swieqi, Ta' Xbiex, Ħal Tarxien, Ix-Xagħra, Ix-Xewkija, Ix-Xgħajra, Iż-Żebbuġ (Għawdex), Iż-Żurrieq, L-Imtarfa, Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, Reġjun Għawdex, Reġjun Nofsinhar, Reġjun Xlokk / Port, Reġjun Ċentru /Lvant, Reġjun Punent Skema 2 – 2024-2026 Fond allokat – ta’ mhux inqas minn 3 miljuni maqsuma fuq 3 snin, kif ukoll fl-ewwel sena tagħha, (2024), ingħataw 32 proġett ieħor, lis segwenti Kunsilli: Il-Belt Valletta (Città Umilissima), Il-Birgu (Città Vittoriosa), L-Isla (Città Senglea), Bormla (Città Cospicua), Ħal Qormi (Città Pinto), Ħaż-Żabbar (Città Hompesch), Ħ'Attard, Ħal Balzan, Birkirkara, Birżebbuġa, Il-Furjana, Għajnsielem, Il-Kalkara, Ta' Kerċem, Ħal Kirkop, Ħal Lija, Ħal Luqa, Marsaxlokk, Il-Mellieħa, Il-Mosta, Paola, Il-Qala, Il-Qrendi, Ħal Safi, Santa Luċija, Santa Venera, Ħal Tarxien, Ix-Xagħra, Ix-Xewkija, Iż-Żebbuġ (Għawdex), Iż-Żurrieq, Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali Il-Kunsilli li għażlu li minn dawn il-fondi jkunu f’diversi proġetti speċifikament ta’ sigurtà, hekk kif sottomessi mill-Kunsilli Lokali, li huma s-segwenti: Sena Lokalità Ammont 2021 Ħamrun € 12,000 2021 Imsida € 16,000 2021 Mellieħa € 16,500 2021 Xagħjra € 4,600 2022 Marsaxlokk € 19,000 2023 Reġjun Punent € 80,000 2023 Pembroke € 8,000 2023 Valletta € 45,000 2024 Isla € 13,500 2024 Floriana € 22,000 2024 Mellieħa € 15,600 Fl-istess waqt, saru numru sostanzjali ta’ proġetti ta’ tisbiħ li jlaħħqu nofs miljun ewro, li permezz tagħhom jkun hemm żieda ta’ dwal, sabiex ikompli inaqqsu l-abbuż f’ċertu żoni, fosthom: Lokalità Ammont Valletta €80,000 Żabbar €70,000 Bormla €40,000 San Ġwann €70,000 Rabat €48,000 San Ġiljan €62,000 Għarb €40,000 Mosta €80,000 Dan il-fond ser jibqa’ miftuħ fis-snin li ġejjin, fejn il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu japplikaw bil-proġetti tagħhom.

Skemi għal Mezzi ta' sigurtà fil-lokalitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jinħarġu skemi għal mezzi ta' sigurtà fil-lokalitajiet ta' Malta u Għawdex? Jekk iva, jista’ jgħid min se jkun jista' japplika għal dawn l-iskemi u meta hu mistenni li jinħarġu dawn l-iskemi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20182.

Iċ-Ċirkewwa – Impjant tar-Reverse Osmosis

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14018, dwar l-impjant tar-reverse osmosis taċ-Ċirkewwa, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif rigward żviluppi fuq dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet b’rabta mal-proġett tal-mejnijiet sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tad-distribuzzjoni prinċipali tal-ilma bejn l-impjanti tar-reverse osmosis taċ-Ċirkewwa, ta’ Ħondoq ir-Rummien u l-ġibjuni f’Ta’ Qali, se jkunu mqassmin f’erba’ lottijiet. Fil-każ ta’ tnejn minnhom diġà ġew ippubblikati s-sejħiet għall-offerti, waqt li tat-tnejn l-oħra jinsabu fil-fażi ta’ pjanar.