Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Union of Teachers (MUT) ħarġitx direttivi fir-rigward tal-Iskola Guardian Angel matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024? Jekk iva, liema huma, għaliex inħarġu, meta nħarġu u meta twaqqfu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20462 u jgħid kemm hemm fondi tal-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS) għand l-Awtorità tal-Ippjanar preżentement, maqsuma lokalità lokalità? Jista' jgħid ukoll kemm hemm fondi taħt skemi oħra għand l-Awtorità tal-Ippjanar preżentement, u taħt liema skema, maqsuma lokalità lokalità?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara d-demerger tal-MEPA fl-2016, il-mod kif jiġu mmaniġjati l-fondi tal-Awtorità, in-nomenklatura, kif ukoll l-iskop tal-fondi preċedenti ġie mibdul, u dan ġie rifless ukoll fiċ-Ċirkulari PA1/17.
Ir-rendikont li qed jintalab fuq il-fondi l-oħra tal-Awtorità jinsab fuq it-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
(
Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL 4246 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 261 ta' nhar l-Erbgħa, 9 ta' Ottubru 2024)
Attachments:PQ 20762 Circular 1_17 - FAR & LC Funding.pdf04246.pdf
Siti li huma amministrati, jew użati mill-Malta Public Transport — Spezzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20643 u jgħid x'tip ta’ enforcement tagħmel Transport Malta biex jiġi assigurat li siti li huma amministrati, jew użati mill-Malta Public Transport, jinżammu fi stat tajjeb? Jista’ jgħid ukoll kull kemm żmien isiru spezzjonijiet fuq dawn is-siti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċjali tat-Trasport Pubbliku fi ħdan l-Awtorità għat-Trasport f’Malta jwettqu spezzjonijiet fuq infrastruttura li tikkonċerna t-trasport pubbliku. Din l-infrastruttura tinkludi Bus Termini bħal dak tal-Belt Valletta u Buġibba, kif ukoll bus stop poles.
Bħala medja mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar ta' Ġunju saru madwar 120 spezzjoni kull xahar fuq infrastruttura min dawn l-Uffiċjali.
Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika — Skemi ta’ fondi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 20186 u 20476 u jgħid liema skemi ta' fondi nħarġu minn xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu u għalqu l-applikazzjonijiet għalihom u għadhom qegħdin jiġu aġġudikati? Jista’ jgħid ukoll min applika għal kull waħda minn dawn l-iskemi?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemm l-ebda skema ta’ fondi.
Skola Guardian Angel — Fact Finding Board - Rakomandazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema mir-rakomandazzjonijiet li ngħataw fir-rapport tal-Fact Finding Board dwar l-Iskola Guardian Angel ġew attwati, kif ġew attawati u meta ġew attwati?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Billi issa għaddew bosta xhur minn meta tħabbar li kellha tinfetaħ berġa fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm dwar il-Berġa ta’ San Pawl il-Baħar li issa ilha magħluqa għal żmien twil?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19043.
Jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar iċ-Ċentru tas-Saħħa li kien ippjanat fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta? Jista’ jgħid meta ttieħdu xi deċiżżjonijiet li jirriflettu tibdil dwar dan iċ-ċentru u x’kienu r-raġunijiet għal dawn id-deciżjonijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej xogħol estensiv fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat li ser ikun mgħammar b’aktar servizzi biex jaqdi aktar lin-nies.
Minn barra hekk nikkonferma li qed jiġu diskussi u evalwati riformi fil-livell ta’ Kura Primarja sabiex in-numru ta’ Ċentri tas-Saħħa li joffru servizzi 24/7 f’Malta, jiżdiedu minn 3 għal 5 u b’hekk inkomplu noffru servizz b’saħħtu madwar il-pajjiż kollu. Dan kollu fl-isfond ta’ pjanar għal aktar ko-operazzjoni mal-privat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ każi emerġenti.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li l-Gvern ħa f’idejh l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn kif diġà ħabbart, hemm proġett għal dan l-isptar biex ikun rinovat, jitkabbar u jiġi mgħammar bl-aktar apparat sofistikat sabiex joffri l-aqwa servizzi tas-saħħa.
Familjari ta’ persuni li jkollhom kundizzjonijiet diffiċli u rari ta’ saħħa — Għajnuna finanzjarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm wara li ngħatat it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16058 dwar il-kundizzjoni ta' Muscular Dystrophy sabiex din il-kundizzjoni tiġi inkluża f'Schedule V biex ikunu eleġibbli għall-mediċini li huma approvati fil-formolarju? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk il-mediċini li ser ikunu/qegħdin fil-formolarju?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li sar ix-xogħol preparatorju sabiex il-kundizzjoni ta’ ‘Muscular Dystrophy’ tiġi nkluża fit-Taqsima II tal-Ħames Skeda tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Il-pass li jmiss hu li titressaq għall-attenzjoni tal-Kabinett.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-fondi li għandha l-Aġenzija Komunità Malta preżentement? Kemm intefqu fondi ta’ din l-organizzazzjoni matul l-aħħar tnax-il xahar? Liema proġetti tal-privat/entitajiet mhux governattivi jistgħu japplikaw għal dawn il-fondi? Jista’ jgħid ukoll liema entitajiet simili fil-fatt ingħataw fondi li għadhom ma ntefqux u kemm kienu l-fondi hekk allokati matul l-aħħar sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Komunità Malta tiddisponi mill-fondi tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 595.38 Ordni dwar it-Twaqqif ta’ Aġenzija Komunità Malta.
L-entitajiet li bbenefikaw fil-perjodu mitlub mill-Onor. Interpellant huma kif jidhru hawn taħt:
• € 100,000 lill-Korp tal-Pulizija biex ġie ffinanzjat ix-xiri ta' vetturi tal-elettriku għall-użu ta’ Community Policing u
• € 230,000 lill-Korp tal-Pulizija biex tkopri l-ispejjeż tal-każini tal-banda u għaqdiet pirotekniċi fil-ġarr tan-nar bħala għajnuna bil-għan li nassistu lill-volontiera li jagħmlu tant xogħol biex iżommu ħajja l-festa Maltija li hi anke Wirt Dinji tal-UNESCO.
Intlaħaq ukoll ftehim mal-Arts Council Malta dwar l-inizjattiva tal-kunsill biex jgħinu l-entitajiet li joperaw fil-qasam kulturali biex l-aġenzija tagħti s-somma ta’ €450,000 mqassma fuq diversi proġetti.
B’rabta ma’ inizjattivi soċjali/filantropiċi fuq livell nazzjonali l-aġenzija tat ukoll dawn l-ammonti:
1. €10,000 lil Puttinu Cares f’inizjattiva tagħhom ta’ ġbir ta’ fondi
2. €5,000 li Caritas wkoll f’inizjattiva ġbir ta’ fondi
3. €2,725 f’ġugarelli għal-inizjattiva ‘Rigal b’imħabba’
4. €6,000 biex inxtraw ‘Fire blankets’ li tqassmu waqt EXPO 2024 bil-għan li tinħoloq iktar kuxjenza dwar il-prevenzjoni minn nirien fi djar
5. €1,000 f’ikel għal-annimali li tqassam f’santwarji tal-annimali bħala parti mill-inizjattiva rigal b’imħabba
San Pawl il-Baħar — Permessi għal crusher waqt xogħlijiet ta' tqattigħ jew skavar
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar matul l-aħħar ħames snin fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar li jippermettu li jkun hemm crusher fuq is-sit waqt li jkun għaddej xogħol ta' tqattigħ jew skavar? Jista' jgħid ukoll x'inhuma r-raġunijiet għal dan?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-unika permess għall-żvilupp fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar li hemm marbut miegħu ‘Construction Management Plan’ li jinkludi fih ‘Mobile Crushing Unit’ huwa dak bir-referenza PA6747/18 (Redevelopment of Mistra Village). Dan il-‘Mobile Crushing Unit’ - li huwa ta’ natura temporanja - hu marbut ma’ żvilupp approvat, fejn il-perit responsabbli jagħmel talba biex dan il-makkinarju jkun jista jitpoġġa fuq is-sit għal magħtul il-fażi ta’ skavar. B’hekk ikunu jistgħu jiġu evitati traġitti żejda bl-inġenji tal-kostruzzjoni fit-toroq. Dan id-dokument jiġi riferut lill-Awtorita’ tal-Ippjanar wara li l-perit responsabbli jkun ottjena l-awtorizzazzjonijiet neċessarji minn għand l-ERA u l-BCA.
San Pawl il-Baħar — Permessi għal crusher waqt xogħlijiet ta' tqattigħ jew skavar
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ħarġitx xi permess biex jitpoġġa crusher fuq is-sit waqt li għaddej tqattigħ jew skavar fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva, għal liema siti ngħata dan il-permess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nifhem li l-Onor. Interpellant qiegħda tirriferi għall-iżvilupp fis-sit tal-Mistra Village fix-Xemxija, b’rabta mal-permess tal-ippjanar PA6747/18. Ninsab infurmata li l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA) irċiviet talba mill-Perit responsabbli mill-proġett għal clearance biex jitpoġġa mobile crusher temporanjament fuq is-sit waqt li għaddej tqattigħ jew skavar. L-ERA ma oġġezzjonatx għal din it-talba sakemm jibqa’ jiġi żgurat li l-miżuri ta' mitigazzjoni deskritti fil-permess jiġu osservati.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bajjiet li fihom seta’ jsir għawm mill-klieb matul is-sena 2023 u f'liema perjodu kien permissibli li dan isir?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni kif deskritta sussegwentement.
Malta
· Bajja viċin is-
Sailing Club
, Birżebbuġa
· Il-Bajja tar-Rinella, Kalkara
· L-Ilsien (Żonqor Point), Wied il-Għajn
· Il-Bajja ta’ San Tumas, Wied il-Għajn
· Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk
· Daħlet ix-Xmajjar, Mellieħa
· Ramlet it-Torri, Mellieħa
· Bajja tal-Imġiebaħ Selmun, Mellieħa
· Ir-Ramla ta’ Wied Musa, Ċirkewwa, Mellieħa
· Ramlet il-Qortin, Mellieħa
· Baħar iċ-Ċagħaq (wara Splash and Fun), Naxxar
· Tigne’ Point, Sliema
Għawdex
· Il-Bajja ta’ Gorgun, Mġarr, Għawdex
· Ras il-Ħobż, Mġarr ix-Xini, Sannat, Għawdex
· Il-Bajja tad-Dwejra. San Lawrenz, Għawdex
· Il-Bajja tal-Qbajjar, Żebbuġ, Għawdex
Dawn il-bajjiet huma awtorizzati biex fihom jistgħu jgħumu l-klieb biss u mhux speċi ta’ annimali oħra. L-użu ta’ dawn il-bajjiet hu permissibbli s-sena kollha mingħajr restrizzjonijiet għal xi perijodu definit.
Persuni bi problemi ta’ saħħa mentali — Impjiegi permanenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 20173 u 20301 u jgħid kemm kien hemm persuni bi problemi ta’ saħħa mentali li ngħataw sapport sabiex ikunu jistgħu jsibu impjieg permanenti wara li jkunu temmew il-kura neċessarja?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wieħed ma jistax jorbot is-saħħa mentali tal-individwu direttament mat-tfittxija għall-impjieg biss. Fil-fatt, il-professjonisti tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) jaħdmu ma’ professjonisti oħra f’timijiet multi-dixxiplinarji biex jagħtu għajnuna ħolistika lil persuni li jeħtieġu għajnuna għal kundizzjoni ta’ saħħa mentali.
Fil-fatt, matul l-2023, il-professjonisti tal-FSWS ħadmu ma’ 1,219-il persuna li semmew is-saħħa mentali bħala l-problema primarja tagħhom. Dawn in-nies ingħataw għajnuna mill-professjonisti li jaħdmu mal-FSWS, fiċ-ċentri tas-saħħa fejn l-FSWS għandha preżenza ta’ ħaddiema soċjali. Tali għajnuna ngħatat ukoll lil 853 persuna oħra li l-problema primarja tagħhom ma kinitx is-saħħa mentali iżda li seta’ kellhom sfidi ta’ saħħa mentali fl-imgħoddi u li b’xi mod ħalliet effett fuqhom. Ovvjament, jekk kien hemm persuni fost dawn l-individwi li, fost l-oħrajn, riedu għajnuna biex isibu u jibqgħu fl-impjieg dawn ingħataw għajnuna għal din l-materja wkoll.
Tista' l-Ministru tipprovdi site plan li tindika fejn twettqu x-xogħlijiet mill-Enemalta fi Triq Burmarrad (it-triq li tagħti minn Triq il-Witja/Triq Toni Camilleri għal Triq is-Salina)? Tista' tgħid ukoll jekk ix-xogħol mill-Enemalta tlestiex? Jekk iva, meta tlesta u jekk le, meta hu mistenni li jitlesta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 17689, ninfurmaha li x-xogħlijiet mill-Enemalta tlestew f’Marzu li għadda.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Xogħlijiet fi Triq Burmarrad
Question
Tista' l-Ministru tipprovdi site plan li tindika fejn twettqu x-xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fi Triq Burmarrad (it-triq li tagħti minn Triq il-Witja/Triq Toni Camilleri għal Triq is-Salina)? Tista' tgħid ukoll jekk ix-xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tlestiex? Jekk iva, meta tlesta u jekk le, meta hu mistenni li jitlesta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19040, ninfurmaha li x-xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tlestew f’Ġunju li għadda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-manutenzjoni u t-tbattil tal-kontenituri taż-żibel (inkluż dustbins) li jinsabu fit-toroq arterjali u distributorji jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontenituri tal-iskart li jinsabu fit-toroq arterjali u distributorji huma fir-responsabbiltà tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi partikolari ttieħdu biex jiġi kkontrollat il-ħamiem fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti dettalji dwar dawn l-inizjattivi u x'kien ir-riżultat? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx ħsieb li jittieħdu inizjattivi għall-kontroll tal-ħamiem?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fis-snin li għaddew kien hemm inizjattiva li permezz tagħha l-ħamiem selvaġġ jingħata għalf li fuq perjodu fit-tul irendihom sterili, ir-riżultat, madankollu ma setax jitkejjel. Jista’ jkun hemm kunsilli differenti li addottaw u li qed jevalwaw metodi differenti għall-kontroll tal-ħamiem.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li titwaqqaf it-Transport Safety Commission, biex twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa dwar is-sigurtà fit-trasport u t-traffiku f'Malta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ħa l-inizjattiva u ħabbar l-intenzjoni biex titwaqqaf it-Transport Safety Invesitgation Commission, għax jemmen u jirrikonoxxi l-importanza u l-potenzjal tal-investigazzjonijiet tas-sigurta’ fit-trasport. Il-pjan allura huwa li l-Gvern ikompli jieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji biex l-investigazzjonijiet tas-sigurta’, kif ukoll dawk ġudizjarji, jkunu jistgħu jaħdmu speratament imma b’mod parallell, mingħajr ma l-ebda investigazzjoni xxekkel lil oħra. Huwa mistenni li fl-istanza li t-teknikalitajiet legali kollha jiġu ndirizzati u riżolti mal-partijiet kollha kkonċernati, l-Gvern ikun jista’ jidħol fil-fażi li jmiss biex titwaqqaf il-Kummissjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm familji jew persuni waħedhom (single) ġew allokati residenza mill-Awtorità tad-Djar matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 (sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari) separatament għal kull sena? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna ġiet akkomodata hekk kull sena?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.