Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-siti li huma amministrati minn Heritage Malta jew taħt il-kontroll tagħha, fil-konfini tan-Naxxar? Għal kull wieħed minn dawn is-siti, jista’ jgħid ukoll:
i. x’investiment sar matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena;
ii. liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku;
iii. kif wieħed jista’ jidħol f’kull wieħed minn dawn is-siti; u
iv. xi ħlas irid isir għal kull sit jekk hu l-każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-uniku sit li tamministra Heritage Malta fl-inħawi tan-Naxxar huwa l-katakombi tas-Salini. Dawn jinfetħu għall-pubbliku b’appuntament.
F’każ ta’ appuntament, il-prezz tad-dħul huwa:
€5 għall-adulti
€3.50 għall-istudenti u l-anzjani
€2.50 għat-tfal
Id-dħul ikun mingħajr ħlas f’każ ta’ attività organizzata għal dawk li għandhom il-passaport tat-tfal jew tal-anzjani ta’ Heritage Malta.
Matul dawn l-aħħar ħames snin, sar xogħol regolari ta’ tindif u manutenzjoni ġenerali. Tali xogħol ma jistax jiġi kwantifikat, peress li jsir fuq bażi regolari mill-istess impjegati tal-aġenzija.
Fl-2022, inħoloq tour virtwali ta’ 360°, li eventwalment se jitella’ fuq il-website sabiex is-sit ikun aċċessibbli wkoll b’mod virtwali. Dan it-tour virtwali ġie żviluppat internament mill-impjegati tal-aġenzija stess.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġi kkontrollat il-ħamiem selvaġġ li qed jitrabba f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, bil-konsegwenza ta’ ħmieġ kbir, u wkoll riskju għas-saħħa?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumitat ORNIS iddiskutiex il-problema tal-ħamiem selvaġġ? Jekk iva, meta u x’rakkomandazzjonijiet ħareġ bihom biex jiġi kkontrollat l-istess ħamiem selvaġġ, minħabba l-ħmieġ u l-periklu għas-saħħa li qed joħloq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull darba li tressqet talba quddiem il-kumitat ORNIS, dan iddiskutiha kif ukoll ta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ai termini tal-liġi.
Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva — Re-audit - Rapport
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25105 dwar rapport tar-re-audit li ntalab lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, dwar edukazzjoni inklużiva, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jiġi ppubblikat dan ir-rapport?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva — Re-audit – Rapport - Evalwazzjoni
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25105 dwar rapport tar-re-audit li ntalab lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, dwar edukazzjoni inklużiva, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li titlesta l-evalwazzjoni ta' dan ir-rapport? Jista’ jgħid ukoll min qed jagħmel din l-evalwazzjoni?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
San Pawl il-Baħar, Triq il-Mosta — Main tad-drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema kundizzjoni jinsab il-main tad-drenaġġ fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll minn liema materjal hu magħmul dan il-main?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-materjal tal-mejn tad-drenaġġ fit-triq indikata huwa primarjament ‘asbestos cement’ u l-kundizzjoni tiegħu hija stabbli. Kif diġà spjegajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25339, hemm il-ħsieb li dan jiġi rinovat meta jitlesta l-proġett tal-mina tad-drenaġġ u għaldaqstant waqt ix-xogħlijiet jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24777 u 25206 u jgħid jekk is-software Clicker għadux jintuża għat-tagħlim ġewwa pajjiżna? Jekk iva, fejn jintuża? Jekk le, għala twaqqaf?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
San Pawl il-Baħar — Triq l-Istamnar u Triq Andrew Cunningham - Trinek mikxufa
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’wassal biex trinek li saru mill-/għall-Enemalta, fi Triq l-Istamnar u Triq Andrew Cunningham, f’San Pawl il-Baħar, damu kważi sena mhux mgħottija bl-asfalt?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li t-trinek li saru fiż-żona indikata, b’rabta ma’ xogħlijiet biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, kollha ngħalqu malli tlestew ix-xogħlijiet fihom. Biex isir il-kisi tal-wiċċ bl-asfalt, waħda mill-kundizzjonijiet fuq il-permessi hija li l-kuntrattur ikun akkumpanjat minn uffiċjali tat-traffiku fejn kien hemm diffikultà biex dawn jiġu provduti lill-Enemalta. Għalkemm dawn it-toroq mhumiex toroq arterjali, fuq insistenza tal-Kunsill Lokali dan ix-xogħol ma tħalliex isir kemm-il darba għaliex ma kienx hemm uffiċjali disponibbli. Qegħdin isiru arranġamenti biex dan ix-xogħol ikun jista’ jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Ħsarat u interventi ta’ emerġenza — Tiswija bla dewmien
Question
Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex meta jsiru interventi ta’ emerġenza, kemm fuq il-cables tal-elettriku, kif ukoll fuq il-mains tal-ilma, il-ħsarat li jsiru fit-toroq jiġu msewwija malajr u mhux jitħallew xhur sħaħ mhux lesti bl-asfalt?
Response (DALLI, MIRIAM)
Meta jinqalgħu esiġenzi li jirrikjedu interventi ta’ emerġenza hemm proċess li jiġi segwit mill-entitajiet. Malli tiġi identifikata ħsara f’xi wieħed mis-servizzi, l-entità rispettiva tinnotifika lil Transport Malta dwar il-ħtieġa li jsiru xogħlijiet urġenti fi triq partikolari biex jinħareġ permess ta’ emerġenza biex dawn ikunu jistgħu jinbdew. Meta x-xogħlijiet ta’ tiswija jiġu konklużi l-kuntrattur imqabbad mill-enititá jagħlaq it-trinka bil-konkos skont ir-rekwiżiti tal-permess. Il-konkos, li normalment jieħu madwar 28 ġurnata biex jilħaq is-saħħa tiegħu, jiġi ttestjat fil-laboratorji. Ladarba r-riżultati jkunu skont ir-rekwiżiti tal-permess imbagħad ikun jista’ jibda l-proċess biex jingħata l-asfalt. Jekk it-triq fejn ikun sar ix-xogħol ma tkunx għadha taħt garanzija, Transport Malta toħroġ kundizzjonijiet biex l-entità tkun tista’ tkompli bix-xogħol tal-asfalt. Imma f’ċirkostanzi fejn it-triq tkun għadha taħt garanzija, hemmm l-obbligu li l-wiċċ tat-triq jerġa’ jsir mill-kuntrattur imqabbad minn Infrastructure Malta biex jiġu rispettati l-kundizzjonijiet tal-istess garanzija.
L-Imġarr, Malta — Siti amministrati minn Heritage Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-siti li huma amministrati minn Heritage Malta jew taħt il-kontroll tagħha fil-konfini tal-Imġarr, Malta? Għal kull wieħed minn dawn is-siti, jista’ jgħid ukoll:
i. x’investiment sar matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena;
ii. jekk hux aċċessibbli għall-pubbliku;
iii. kif wieħed jista’ jidħol iżuru; u
iv. xi ħlas irid isir jekk hu l-każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li s-siti li tamministra Heritage Malta fl-Imġarr huma Ta’ Ħaġrat u Skorba. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tax-xogħolijiet f’Ta’ Ħaġrat u Skorba f’dawn l-aħħar ħames snin. Dan ix-xogħol isir kollu internament permezz tal-impjegati tal-aġenzija u ma jistax jigi ikkwantifikat.
Iż-żewġ siti huma aċċessibbli għall-pubbliku kuljum minn Marzu sa Diċembru mid-9:00 sal-17:00 u mill-Erbgħa sat-Tnejn (magħluqin nhar ta’ Tlieta) mill-10:00 sas-18:00 f’Jannar u Frar. Biljetti jistgħu jinxtraw online jew inkella minn diversi stabbilimenti fl-Imġarr. Il-ħlas huwa ta’ €3.50 għall-adulti, €3 għal anzjani u studenti, u €2.50 għat-tfal għal kull sit, jew inkella €6 għall-adulti, €5 għall-anzjani u studenti u €4.50 għat-tfal għal Ta’ Ħaġrat u Skorba f’daqqa. Studenti u anzjani li għandhom il-passaport ta’ Heritage Malta, kif ukoll membri ta’ Heritage Malta jidħlu fis-siti bla ħlas.
Il-Mellieħa — Siti amministrati minn Heritage Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-siti li huma amministrati minn Heritage Malta jew taħt il-kontroll tagħha, fil-konfini tal-Mellieħa? Għal kull wieħed minn dawn is-siti, jista’ jgħid ukoll:
i. x’investiment sar matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena;
ii. liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku;
iii. kif wieħed jista’ jidħol f’kull wieħed minn dawn is-siti; u
iv. xi ħlas irid isir għal kull sit jekk hu l-każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta ma tamministrax siti li jinsabu fil-konfini tal-Mellieħa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-raba’ li kienet isservi għat-tkabbir tas-siġar tal-frott, biex imbagħad jinbiegħ lill-bdiewa, għadux jintuża għal dan il-għan? Jista’ jgħid ukoll kemm siġar inbiegħu jew ingħataw b’donazzjoni minn dan il-post matul l-2024?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Direttorat għall-Agrikoltura jimmaniġġja diversi għelieqi li wħud minnhom jintużaw sabiex jittieħdu l-brokki jew cuttings sabiex ikunu jistgħu jiġu mlaqqma fuq is-selvaġġ. Għelieqi oħra jintużaw sabiex jitkabbar is-selvaġġ.
Propju f’dawn l-aħħar snin, beda jsir investiment b’enfasi fuq l-importanza tal-produzzjoni tas-siġar Maltin sabiex il-bdiewa tagħna jkunu jistgħu jiġu fornuti b’dawn is-siġar.
Fl-2024, bejn bejgħ u donazzjonijiet, tqassmu 1,850 siġra tal-frott.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema każi ta’ żvilupp qed jintalab li l-iżviluppatur jipprovdi service culvert quddiem il-proprjetà tiegħu? F’liema lokalitajiet qed jintalbu tali culverts? Jista’ jgħid ukoll minn meta bdew jiġu imposti dawn il-culverts?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm inġabru flus mill-Eco Contribution minn meta ġiet introdotta? Jista’ jgħid ukoll:
i. kif inġabru dawn il-flus lokalità b’lokalità;
ii. kemm kien id-dħul matul is-sena 2024; u
iii. kif jiġu investiti dawn il-flus u fejn?
Response (BORG, IAN)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel l-ewwel żewġ mistoqsijiet lill-Ministeru kkonċernat, nirreferiha wkoll għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20649.
Jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar il-ftuħ ta’ ċentru, fejn ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar ikunu jistgħu jinqdew għall-bżonnijiet mediċi tagħhom u għal xi servizzi oħra bħal dawk li kienu jiġu pprovduti fil-berġa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li nħarġu sejħiet għall-post fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar sabiex jinstab sit adekwat biex jintuża bħala Klinika fil-Komunità, iżda ħadd ma applika. Il-Kunsill Lokali ġie wkoll avviċinat iżda sa issa ma nstab l-ebda post li jista’ jintuża bħala klinika.
Tista’ l-Ministru tgħid x’titjib u x’manutenzjoni jsir b’mod regolari fil-Park tas-Salina u f’Kennedy Grove? Tista’ tgħid ukoll jekk fuq il-post ikunx hemm persuni responsabbli għall-manutenzjoni tal-istess post?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-Park tas-Salina u Kennedy Grove regolarment isiru xogħlijiet li jinkludu żbir tas-siġar, il-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ, tindif tal-funtani u l-kaskata tal-ilma, manutenzjoni tal-bollards tad-dawl u tat-tagħmir tal-logħob, ġbir ta’ skart mill-park, xogħol ta’ manutenzjoni u żebgħa fuq l-injam, bankijiet u fuq il-passaġġ tal-injam. Hemm disa’ uffiċjali u maniġer li huma assenjati fuq iż-żamma u l-manutenzjoni ta’ dan il-park.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-main tal-ilma tax-xorb fit-Telgħa tax-Xemxija hux mistenni li jinbidel minħabba l-ħsarat li dan hu mifhum li fih u jekk iva, meta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-kundizzjoni tal-mejn hija tali li ma tiġġustifikax li tinqala’ triq prinċipali, bħalma hija t-Telgħa tax-Xemxija, biex jinbidel. F’każ li jkun hemm ħtieġa li t-triq tinqala’, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tikkunsidra li jsir dan it-tibdil bħalma hija l-prassi meta jinqalgħu toroq riżultat ta’ xogħlijiet u interventi minn terzi.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Mosta - Xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex b’mod regolari, l-Ħadd filgħodu qed ikun hemm bowser bil-ħaddiema miegħu li jkunu qed jaħdmu fuq is-sistema tad-drenaġġ fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar? Tista' tgħid x'inhi r-raġuni għaliex spiss qed ikun hemm riħa qawwija tad-drenaġġ fl-inħawi u xi pjanijiet hemm biex din ir-riħa tiġi eliminata kompletament? Tista' tgħid ukoll meta sar l-aħħar cctv study tas-sistema tad-drenaġġ fl-istess inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-imsemmi bowser ikun preżenti fuq is-sit perjodikament għal manutenzjoni preventiva. Waqt dawn l-interventi mhux eskluż li jirriżultaw xi rwejjaħ għal ħin temporanju. Interventi korrettivi f'każ ta' mblokk tal-mejn ukoll jistgħu jirriżultaw f'irwejjaħ waqt l-istess interventi.
Spezzjoni b'CCTV fuq il-mejn prinċipali bħalissa mhux fattibli minħabba l-influss qawwi ta’ drenaġġ li jgħaddi minnu. Hemm il-ħsieb li dan jiġi rinovat meta jitlesta l-proġett tal-mina tad-drenaġġ, biex parti sostanzjali tal-influss ta’ drenaġġ li bħalissa qed jgħaddi mill-mejn konċernat, jiġi ddevjat għal ġol-mina. Dan il-proġett jifforma parti minn pjan ħolistiku ta' tisħieħ tan-netwerk prinċipali tad-drenaġġ fit-Tramuntanta ta' Malta.
Jista’ l Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni/familji li:
i. qed jirċievu għajnuna biex iħallsu parti mill-kont tal-konsum tal-elettriku u tal-ilma;
ii. qed jingħataw għajnuna biex iħallsu parti mill-kirja tas servizz tad-dawl u tal-ilma; jew
iii. qed jingħataw għajnuna miż-żewġ skemi flimkien?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija kif inhi spjegata hawn taħt:
i. In-numru ta’ familji li qed jirċievu għajnuna biex iħallsu parti mill-kont tal-konsum tal-elettriku u tal-ilma huwa dak ta’ 13,094
ii. Familji li qed jingħataw għajnuna biex iħallsu parti mill-kirja tas servizz tad-dawl u tal-ilma huwa ta’ 10,120
iii. Familji li qed jingħataw għajnuna miż-żewġ skemi flimkien huwa ta’ 10,120
Barra minn hekk 92 Organiżazzjoni Karittativa wkoll jibbenefikaw mill-Benefiċċju tal-Enerġija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ bdiewa li huma rreġistrati li għandhom raba’ saqwi f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll kemm żdied ir-raba’ rreġistrat bħala saqwi wara li beda jintuża n-new water?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.