Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għaliha persuni li jippruvaw jużaw is-servizz tal-gwardjani lokali (wardens), għal xi xogħol ta’ traffic management, partikolarment fuq siti ta’ kostruzzjoni, qed isibu diffikultà kbira biex jibbukkjaw tali servizz? Jista' jgħid ukoll xi pjan hemm biex din il-problema ma tibqax tippersisti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Aġenzija toffri s-servizz ta' traffic management lil dawk li għandhom bżonn, mhux biss fuq siti ta' kostruzzjoni. Dan is-servizz jiġi pprovdut minn tim dedikat speċifikament għal dan il-għan. Is-servizz huwa disponibbli permezz ta’ booking, skont id-disponibilità. L-Aġenzija qiegħda tkompli ssaħħaħ dan it-tim, fost oħrajn, permezz ta’ sejħiet pubbliċi għall-ingaġġ ta’ aktar ħaddiema.
Infurmat ukoll li dan is-servizz huwa wkoll ipprovdut mill-Pulizija u minn Transport Malta, u għalhekk, f'każ li persuna ma tinqediex fil-ġurnata li tixtieq permezz tal-Uffiċjal tal-Komunità, il-klijent jista’ jitlob dan is-servizz mill-entitajiet l-oħra msemmija.
San Pawl il-Baħar — Kindergarten u Primarja - Studenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ tfal li bħalissa qed jattendu fl-iskejjel tal-Gvern fil-livell primarju u kindergarten f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ tfal li bdew jattendu f’dawn l-iskejjel, fl-aħħar intake ta’ din is-sena?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ tfal li qed jattendu bħalissa fl-iskola Primarja u Kindergarten f’San Pawl il-Baħar hu ta’ 660.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24777, 25206 u 25404 u jgħid jekk is-software Clicker għadux jintuża għat-tagħlim ġewwa pajjiżna? Jekk iva, fejn jintuża? Jekk le, għala twaqqaf?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-Software Clicker qed jintuża f’San Miguel, Guardian Angel, Helen Keller u Ta’ Sannat Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru hux qed iżomm statistika ta’ kemm persuni li jkunu jeħtieġu sapport ta’ psikjatri jew psikologi jidħlu fl-isptarijiet tal-Gvern f’Malta? Jekk tali statistika tinżamm, jista’ jagħti tagħrif dwar l-age brackets differenti ta’ dawk li jkollhom bżonn din l-għajnuna? Jista’ jgħid ukoll jekk tinżammx informazzjoni dwar il-postijiet tax-xogħol li minnhom ikunu ġejjin dawk li jitolbu l-għajnuna?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Billi l-faxex tal-età jinżammu b’mod differenti f’Malta u f'Għawdex, qed jiġu ppreżentati ż-żewġ Tabelli.
Ninsab infurmat li ma tinżammx informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol li minnhom ikunu ġejjin dawk li jitolbu l-għajnuna.
Gżejjer ta’ San Pawl — Restawr tal-istatwa ta’ San Pawl u strutturi oħra
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-Istatwa ta’ San Pawl, kif ukoll l-istrutturi l-oħra li hemm madwarha, fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl, li qegħdin fil-konfini tal-Mellieħa, jiġu restawrati? Jista’ jgħid ukoll jekk Heritage Malta jew xi entità oħra, wettqitx xi studju dwar dawn l-istrutturi, matul l-aħħar snin? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja ta’ dawn l-istudji fuq il Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab informat li din l-istatwa kienet ġiet restawrata minn terzi numru ta' snin ilu.
Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva — Re-audit - Rapport
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25448 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25105 dwar rapport tar-re-audit li ntalab lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, dwar edukazzjoni inklużiva, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jiġi ppubblikat dan ir-rapport?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva — Re-audit – Rapport - Evalwazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25449 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25105 dwar rapport tar-re-audit li ntalab lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, dwar edukazzjoni inklużiva, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li titlesta l-evalwazzjoni ta' dan ir-rapport? Jista’ jgħid ukoll min qed jagħmel din l-evalwazzjoni?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-evalwazzjoni mistennija titlesta fix-xhur li ġejjin. L-evalwazzjoni qed issir mill-għola uffiċjali tad-Dipartiment ikkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar minn Heritage Malta, jew mill-Ministeru fuq is-siti storiċi li jaqgħu taħt il-Ministeru fl-inħawi tal-Imġarr, matul l-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid ukoll x'kien ix-xogħol li sar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li s-siti li tamministra Heritage Malta fl-Imġarr huma Ta’ Ħaġrat u Skorba.
Ix-xogħol kollu jitwettaq internament mill-impjegati tal-aġenzija u, għaldaqstant, ma jistax jiġi kkwantifikat, peress li l-ispiża tiegħu tiġi assorbita mill-pagi tal-ħaddiema.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-investimenti f’Ta’ Ħaġrat u Skorba matul dawn l-aħħar ħames kif mgħoddija lili mill-Heritage Malta.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm każi ta’ ħsarat fil-cables tal-Enemalta li kellhom jissewwew b’emerġenza, f’San Pawl il-Baħar, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll f’liema toroq seħħew dawn il-ħsarat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li matul il-perjodu indikat fil-mistoqsija, t-tiswijiet li kellhom isiru b’emerġenza f’partijiet mil-lokalità msemmija kienu skont ma jiġri f’ċirkostanzi normali, b’riżultat ta’ ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u l-Università ta’ Malta — Korsijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru hux qed jikkoordina mal-Università ta’ Malta biex ikunu jistgħu jiġu organizzati korsijiet fil-livell terzjarju għal dawk li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità jew jieħdu sehem attiv f’għaqdiet volontarji?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellenta li fil-preżent dan il-Ministeru qed jikkollabora mal-Università ta’ Malta fuq żewġ korsijiet fil-livell terzjarju relatati mal-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità u l-volontarjat, kif spjegat hawn isfel:
· Diploma and Higher Diploma in Community Access for Disabled People (CCCADP) - offrut mid-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità, fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, u li beda f’Ottubru 2024.
· Diploma in Applied Linguistics for LSM - offrut mill-Istitut tal-Lingwistika u tat-Teknoloġija tal-Lingwa, u li se jibda f’Ottubru 2025.
Dawn il-korsijiet għandhom l-għan li jsaħħu l-individwi b’ħiliet u għarfien biex ikunu jistgħu joffru għajnuna aħjar lil persuni b’diżabilità.
Il-Kunsill Malti għall-Volontarjat qed jikkollabora wkoll mal-Università ta’ Malta fuq Undergraduate Certificate mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta li tnieda fis-sena akkademika 2024/2025. Dan il-kors huwa ndirizzat għall-amministraturi u l-voluntiera li ġejjin minn diversi oqsma ta’ organizzazzjonijiet volontarji.
L-Aġenzija Sapport qed tikkollabora mad-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fl-Università ta’ Malta fuq diversi proġetti ta’ riċerka relatati mas-servizzi li toffri l-Aġenzija. Wieħed minn dawn il-proġetti jiffoka fuq l-analiżi tal-‘gap’ fl-esperjenza u l-kompetenzi tar-riżorsa umana tal-Aġenzija, bil-għan li jiġu identifikati oqsma għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ħiliet tal-impjegati. Ir-riżultati ta’ din ir-riċerka se jipprovdu rakkomandazzjonijiet strateġiċi dwar it-tip ta’ taħriġ li l-Aġenzija għandha tinvesti fih biex tkompli ttejjeb il-kwalità tas-servizzi offruti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ tfal li bħalissa qed jattendu fl-iskejjel tal-Gvern fil-livell primarju u kindergarten fil-Mellieħa? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ tfal li bdew jattendu f’dawn l-iskejjel, fl-aħħar intake ta’ din is-sena?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ tfal li qed jattendu bħalissa fl-iskola Primarja u Kindergarten fil-Mellieħa hu ta’ 567.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ tfal li bħalissa qed jattendu fl-iskejjel tal-Gvern fil-livell primarju u kindergarten fl-Imġarr? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ tfal li bdew jattendu f’dawn l-iskejjel, fl-aħħar intake ta’ din is-sena?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ tfal li qed jattendu bħalissa fl-iskola Primarja u Kindergarten fl-Mġarr hu ta’ 421.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ tfal li bħalissa qed jattendu fl-iskejjel tal-Gvern fil-livell primarju u kindergarten fin-Naxxar? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ tfal li bdew jattendu f’dawn l-iskejjel, fl-aħħar intake ta’ din is-sena?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ tfal li qed jattendu bħalissa fl-iskola Primarja u Kindergarten fin-Naxxar hu ta’ 515.
San Pawl il-Baħar — Triq it-Turisti - Sistema tad-drenaġġ - Xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25214 dwar is-sistema ta' drenaġġ fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li jibda u jitlesta x-xogħol imsemmi fl-istess tweġiba?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħol fit-triq imsemmija, li hija waħda prinċipali, għadu qed jiġi ppjanat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fejn fost affarijiet oħrajn trid tittieħed kunsiderazzjoni tal-perjodu turistiku u li bħalissa madwar il-lokalità hemm għaddejjin diversi xogħlijiet anke minn entitajiet oħrajn.
Burmarrad — Kappella ta’ San Pawl Milqi - Xogħol ta’ restawr
Question
Jista’ l-Ministru jassigura li l-Kappella ta’ San Pawl Milqi ġewwa Burmarrad, f’San Pawl il-Baħar isir fiha x-xogħol ta’ restawr li hu meħtieġ u dan biex l-istess kappella tingħata dehra iktar nadifa u pulita minn ġewwa, kif ukoll titnaqqas il-possibbiltà li ssir ħsara fil-binja tal-kappella?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-kappella u s-sagristija ta’ San Pawl Milqi ġew irrestawrati minn barra fl-2020 u jsir xogħol ta’ manutenzjoni u tindif regolarment. Bħalissa għaddej ukoll xogħol sabiex jerġa’ jingħaqad l-artal oriġinali tal-kappella, li kien ġie żarmat mill-Missjoni Taljana minħabba l-iskavi tas-snin sittin.
San Pawl il-Baħar — Triq it-Turisti - Sistema tad-drenaġġ - Spezzjoni bis-cctv
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25214 dwar l-ispezzjoni bis-CCTV fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar li saret fit-30 t’Ottubru, tista’ l-Ministru tagħti iktar informazzjoni dwar x’kienu r-riżultati ta’ din l-ispezzjoni? Tista’ tgħid ukoll x’tip ta’ mains hemm fuq il-post, jekk humiex tal-ħadid inkella tal-asbestos?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif diġà spjegajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamnentari 25214, mill-ispezzjonijiet irriżulta li hemm bżonn ta’ xi tibdiliet fis-sistema tad-drenaġġ. Dan biex isir titjib fil-konnessjonijiet mad-djar kif ukoll jissewwew xi partijiet mill-mejns li huma tal-asbestos cement. Meta jinbdew tali xogħlijiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tassigura li x-xogħlijiet ikunu konformi mar-regoli tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid kif jistgħu jiġu stabbiliti ‘swimming zones’ ġodda, biex fihom tingħata protezzjoni lill-għawwiema? Jista’ jgħid ukoll xi proċedura trid tintuża biex tiġi proposta area ġdida għal skop ta’ użu esklussiv għall-għawwiema?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa biżżejjed li ssir talba indirizzata lid-dipartiment li jimmaniġġja ż-żoni tal-għawm. Dan id-dipartiment imbagħad jikkonsulta mad-Direttorat għall-Portijiet u l-Yachting sabiex jiddetermina jekk tali talba tistax tiġi aċċettata.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kollaborazzjoni jkun hemm bejn il-Ministeru responsabbli mis-settur marittimu u l-Ministeru responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali, meta jkunu ser jiġu stabbiliti areas li fihom jistgħu jinżlu fil-baħar l-annimali, inkluż il-klieb?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm bdiewa qed jagħmlu użu mill-ilma ta’ new water li qed joħroġ mill-impjant taċ-ċumnija fil-Mellieħa u kemm hu r-raba’ li hu stmat li qed jissaqqa minn dan l-ilma? Tista’ tgħid ukoll kemm raba’ hu stmat li sar saqwi, b’riżultat tan-new water f’dawn l-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab ifurmata li fit-Tramuntana ta’ Malta l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 780 persuna reġistrata li tista’ tagħmel użu mis-servizz tan-New Water. Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-parti l-oħra tal-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.
San Pawl il-Baħar — Siti amministrati minn Heritage Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-siti li huma amministrati minn Heritage Malta jew taħt il-kontroll tagħha, fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar? Għal kull wieħed minn dawn is-siti, jista’ jgħid ukoll:
i. x’investiment sar matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena;
ii. liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku;
iii. kif wieħed jista’ jidħol f’kull wieħed minn dawn is-siti; u
iv. xi ħlas irid isir għal kull sit jekk hu l-każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-uniku sit amministrat minn Heritage Malta fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar huwa s-sit ta’ San Pawl Milqi f’Burmarrad. Fl-2020 saret l-aħħar fażi tar-restawr tal-faċċati esterni tal-kappella. L-aħħar fażi ta’ dan l-investiment swiet madwar €2,850 f’materjal. Barra minn hekk, isir xogħol ta’ manutenzjoni regolari, li sena b’sena ammonta għal dawn l-ispejjeż f’materjal:
2020 – €622
2021 – €594
2022 – €217
2023 – €430
Dan ix-xogħol ta’ restawr u manutenzjoni jitwettaq mill-impjegati ta’ Heritage Malta, u għalhekk l-ispejjeż relatati mal-mano d'opera jiġu assorbiti mill-pagi tal-ħaddiema tal-aġenzija. L-ispejjeż indikati hawn fuq ikopru l-materjal meħtieġ għal dan ir-restawr u l-manutenzjoni.
San Pawl Milqi huwa aċċessibbli waqt open days organizzati minn Heritage Malta jew meta l-viżitaturi jibbukkjaw tour apposta b’appuntament. Il-ħlas f’każijiet bħal dawn huwa ta’ €5 għall-adulti, €3.50 għall-istudenti u l-anzjani, u €2.50 għat-tfal. Id-dħul huwa mingħajr ħlas għal dawk li għandhom il-passaport tat-tfal jew tal-anzjani ta’ Heritage Malta.