Baġit 2027 – Ħlas għal terapiji ta’ diżabilitajiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema terapiji ser ikun qed isir il-ħlas kollu għalihom kif imħabbar fil-Baġit 2027? Tista' tgħid ukoll liema diżabilitajiet (fiżiċi, eċċ.) ser ikunu eliġibbli għal din il-miżura?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija inkluża fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari PQ W839.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett f'Ħad-Dingli li se joffri servizzi ta' respite għal tfal u żgħazagħ b'diżabilità? Tista' tgħid ukoll meta hu ppjanat li dan il-proġett jitlesta u jibda jopera? Tista' tgħid ukoll x'servizzi ser ikunu qegħdin jingħataw minn dan iċ-ċentru?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-fażi tal-kostruzzjoni tal-proġett f'Ħad-Dingli hija kważi kompluta, u matul il-ġimgħat li ġejjin ser jibdew ix-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll xogħlijiet oħra ta’ tlestija.
Huwa mistenni li l-proprjetà tkun lesta biex tiġi operata fi żmien sena.
Nixtieq nenfasizza li x-xogħlijiet fil-bini jeħtieġu metodu speċifiku sabiex jiġi ppreservat il-valur storiku tiegħu, f’konformità mar-rekwiżiti tal-awtoritajiet kompetenti.
Min-naħa ta’ servizzi, il-proġett f’Ħad-Dingli hu mmirat li jipprovdi servizz ta’ respite għall-minuri. Filwaqt li bħalissa qed titlesta l-infrastruttura, bdew ukoll il-preparamenti biex jitfassal PSP agreement li permezz tiegħu se jopera dan il-proġett ġaladarba l-infrastruttura tkun lesta.
Vittmi tal-pillola Thalidomide – It-tieni sejħa għall-kumpens
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw persuni għat-tieni sejħa għal kumpens għall-vittmi tal-pillola Thalidomide? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu eliġibbli, kemm hu l-valur ta' kumpens għal kull persuna u meta hemm ħsieb li jsiru dawn il-ħlasijiet?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onoervoli Interpellanta li għat-tieni sejħa għall-kumpens għall-vittmi tal-pillola Thalidomide applikaw 8 persuni. Wara l-istadju ta’ screening tar-records mediċi, 3 applikanti kkwalifikaw għall-eżami mediku.
A bażi tal-eżami mediku, żewġ applikanti kkwalifikaw għall-kumpens li ser jitħallas fuq medda ta’ tliet snin bħalma sar fl-ewwel sejħa.
Tfal bl-awtiżmu – Taħriġ personalizzat fl-għawm u s-sigurtà fl-ilma
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il tifel u tifla bl-awtiżmu attendew għat-taħriġ personalizzat fl-għawm u s-sigurtà fl-ilma u fejn ingħata dan it-taħriġ? Tista' tgħid ukoll jekk dan il-proġett kienx biss proġett pilota jew inkella hux ser jibqa' jsir? Jekk ser jibqa' jsir, tista’ tgħid kull kemm żmien (sena, sentejn, eċċ.) ser jibda jsir dan it-taħriġ?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li 80 tifel u tifla bl-awtiżmu bejn l-etajiet tat-tlieta u ħames snin attendew għat-taħriġ personalizzat fl-għawm u s-sigurtà fl-ilma li sar fil-pixxina tal-Inspire u fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq.
Bħalissa l-Ministeru qed jevalwa l-eżitu ta’ dan il-programm u kif jista’ jissaħħaħ biex jilħaq b’mod aktar effettiv ukoll lill-ġenituri u/jew kustodji tat-tfal.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti (persuni li għadhom ma ngħatawx tweġiba jekk jikkwalifikawx) għal assistent personali?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, l-applikazzjonijiet ikunu fi stadji differenti tal-proċess u għaldaqstant, sakemm l-applikazzjoni tkun għaddiet mill-proċess ta’ assessjar u tal-allokazzjoni tal-fondi mill-Bord rispettiv, l-applikanti jkunu qegħdin jistennew deċiżjoni finali dwar l-eliġibilità għal dan is-sussidju. Ninsab infurmata li fil-preżent hemm 83 applikazzjoni li qed jiġu assessjati u jinsabu fi stadji differenti. Infurmata wkoll li 214-il applikazzjoni oħra qed tiġi proċessata sabiex tibda l-proċess ta’ assessjar.
Tista' l-Ministru tgħid xi ftehim għandu l-Gvern ma' għaqdiet volontarji? Tista’ tgħid ukoll kemm kienet in-nefqa għas-sena 2025 u kemm hi stmata li se tkun in-nefqa għas-sena 2026?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għad-dokument imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 4045, li tinkludi l-lista tal-ftehimiet ta’ sħubija soċjali, magħrufa bħala Public Social Partnerships (PSPs), li għandu dan il-Ministeru. Nirreferiha wkoll għad-dokument imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 3747, li jinkludi l-lista tal-iskemi maħruġa mill-Ministeru u mill-MCVS.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni bħalissa li huma approvati li jkollhom assistent personali? Tista' tgħid ukoll kemm minn dawn għandhom assistent personali?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa hemm 736 persuna approvata sabiex tibbenefika minn assistent personali. Din is-sena, sad-data tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija parlamentari, 596 minn dawn il-persuni għamlu talba finanzjarja lill-Aġenzija Sapport.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li preżentement qegħdin jistudjaw il-lingwa tas-sinjali? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li dawn itemmu l-istudji tagħhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li preżentament hemm total ta' 65 studenti li qed jistudjaw il-lingwa tas-sinjali.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm interpreti tal-lingwa tas-sinjali preżentement? Tista' tgħid ukoll kemm hemm studenti li preżentement qegħdin jistudjaw din il-lingwa u meta hu mistenni li dawn itemmu l-istudji tagħhom?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fil-preżent hemm 13-il interpretu tal-lingwa tas-sinjali. Fir-rigward tan-numru ta’ studenti li qed jistudjaw din il-lingwa, nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tindirizza din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ charging points li hemm fil-Mellieħa, il-Manikata u f’inħawi oħra li huma fil-limiti tal-Mellieħa? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm charging points li ġew approvati u li għadhom mhux installati, minkejja li l-maġġoranza tal-infrastruttura neċessarja ilha li saret għal diversi xhur? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm talbiet li huma pendenti u kemm hu n-numru ta’ charging points li huma maħsuba li se jkunu meħtiega għall-bżonnijiet tal-Mellieħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-Mellieħa, l-Manikata u nħawi oħrajn fil-limiti tal-lokalità hemm 36 charging point. Qegħdin isiru xogħlijiet fuq 13-il sit ieħor filwaqt li għaddej proċess ta’ identifikazzjoni u prijoritizzazzjoni tal-postijiet fejn ser jiġu installati charging pillars ġodda skont il-ħtiġijiet tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Mosta – Xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25339 tal-14-il Leġislatura, tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-mina msemmija fit-tweġiba? Tista’ tgħid ukoll kif inhu mistenni li din il-mina tgħaqqad mas-sistema eżistenti, fl-inħawi tax-Xemxija/Pwales?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet relatati mal-kostruzzjoni tal-mina qegħdin javvanzaw skont il-pjan u huwa mmirat li jitlestew is-sena d-dieħla. Din il-mina ser tkun konnessa mal-mejnijiet prinċipali tad-drenaġġ fi Triq San Pawl, fl-inħawi tal-Veċċja. Barra minn hekk, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed tibda xogħlijiet fi Triq il-Mosta, bil-għan li d-drenaġġ ikun jista’ jiġi devjat lejn il-mina.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Mosta – Xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25339 tal-14-il Leġislatura, tista’ l-Ministru tgħid xi żviluppi kien hemm, għal dak li jikkonċerna xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi, minħabba rapporti kontinwi ta’ rwejjaħ fi Triq il-Mosta u l-madwar, f'San Pawl il-Baħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li, kuntrarjament għal dak li qed tinsinwa l-Onor. Interpellanta, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma kellha l-ebda rapport relatat ma’ rwejjaħ fit-triq indikata. Għal dak li jirrigwarda xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4147.
Is-sesswalità u s-saħħa sesswali – Tagħlim lill-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità intellettwali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tagħlim qed jingħata lill-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità intellettwali rigward is-sesswalità u s-saħħa sesswali tal-persuni b’diżabilità? Jista’ jgħid ukoll meta beda jingħata dan it-tagħlim?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bis-sehem ta’ professjonisti u anke b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra ikunu organizzati programmi u tingħata gwida dwar aspetti differenti tas-sesswalità.
Is-sesswalità u s-saħħa sesswali – Programmi edukattivi għall-persuni b’diżabilità intellettwali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi edukattivi għall-persuni b’diżabilità intellettwali rigward is-sesswalità tagħhom u s-saħħa sesswali qegħdin fis-seħħ? Jista’ jgħid ukoll meta daħlu fis-seħħ dawn il-programmi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-programmi dwar relazzjonijiet u saħħa sesswali ilhom isiru mill-1992, meta daħal is-suġġett tal PSCD, li dak iż-żmien kien jismu PSE. Kull minn hu preżenti fil-klassi jiehu dan it-tagħlim.
Ta’ min jgħid li flimkien mal-Aġenzija Sapport, waqt it-taħriġ tal-COPE li se jsir fit- tletin ta' April 2027 li ser isir lil madwar 250 għalliem tal-PSCD, it-tema se tkun it-taghlim dwar relazzjonijiet u sesswalità lil studenti bi bżonnijiet differenti li jinstabu fil-klassijiet mainstream, kemm primarji, medji u sekondarji.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema kulleġġi hemm resource centre (għal persuni b'diżabilità)? Jista’ jgħid ukoll kemm ilu jopera kull resource centre?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li t-terminu resource centre m'għadiex tintuża għaliex dawn qed jigu kkunsidrati bħala skejjel li preżentament huma dawn li ġejjin:
San Miguel Primary School
Guardian Angel Secondary School
Hellen Keller School
Skola Dun Manwel Attard, Wardija
Skola Primarja Sannat
Postijiet tax-xogħol – Aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità – Spiża massima
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża massima li jiffinanzja l-Gvern lil min jimpjega, sabiex il-postijiet tax-xogħol isiru aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Jista’ jgħid ukoll kif jista’ wieħed jibbenefika minn dan il-finanzjament?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-programm INK għal persuni b'diżabilità? Jista’ jgħid ukoll kemm ibbenefikaw persuni b'diżabilità minn dan il-programm, minn meta daħal fis-seħħ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.