Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva — Re-audit - Rapport

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27424, dwar rapport ta’ re-audit li ntalab mill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, dwar l-edukazzjoni inklużiva, jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li titlesta l-evalwazzjoni ta’ dan ir-rapport?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Stabbilimenti turistiċi — Miżura ta’ ħlas ta’ 50 ċenteżmu għal kull lejl ta’ rqad

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-fondi miġbura kull sena, sa minn meta ddaħħlet il-miżura ta’ ħlas ta’ 50 ċenteżmu għal kull lejl ta’ rqad fi stabbilimenti turistiċi? Jista’ jgħid ukoll minn liema lokalitajiet inġabru dawn il-fondi, u jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena u lokalità b’lokalità?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex għas-snin 2016-2021 tirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 670. Rigward is-sena 2022 nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 7059. Rigward is-snin 2023 u 2024 nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 25807. Rigward il-lokalitajiet minn fejn inġabru dawn il-fondi, nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 27440.

Sptarijiet — Sapport ta’ psikjatri jew psikologi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25654, jista’ l-Ministru jgħid kif jitqabblu n-numri mogħtija fl-istess tweġiba, meta n-numri ta’ Malta u ta’ Għawdex jitqabblu ma’ xulxin, meta wieħed iqis li skont it-tweġiba kien hemm 2,176 każ f’Malta u 1,067 każ f’Għawdex, kif ukoll, meta wieħed iqis in-numru ta’ persuni li fil-fatt huma involuti, meta hemm diverġenzi kbar f’age groups bejn Malta u Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Għar-rigward tal-Isptar t’Għawdex, ninsab infurmat li l-istatistika mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 25654, kienet turi każijiet fejn intalbet għajnuna psikjatrika jew psikoloġika fis-swali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika tan-numru ta’ pazjenti li għalihom intalbet l-għajnuna psikjatrika jew psikoloġika fis-swali. L-istatistika murija għal Malta fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25654 hi tan-numru ta’ pazjenti li għalihom intalbet għajnuna psikjatrika jew psikoloġika.

Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva — Re-audit - Rapport - Evalwazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25666, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-evalwazzjoni tar-rapport tar-re-audit dwar l-edukazzjoni inklussiva li ntalab lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva li kellu jitlesta ‘fix-xhur li ġejjin’ kif imwieġeb fl-istess tweġiba, tlestiex? Jekk tlesta, jista’ jqiegħed kopja tal-istess rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Il-Qawra — Skola Primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru hux qed jikkunsidra li titkabbar l-Iskola Primarja tal-Qawra u dan minħabba l-fatt li mill-informazzjoni mogħtija jidher li l-iskola preżenti tal-Qawra, laħqet is-saturation point tagħha, u b’hekk isir dejjem iktar diffiċli li l-istess skola tilqa’ fiha iktar tfal? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ estensjoni hu mistenni li jseħħ fl-istess skola biex tilqa’ għal din l-isfida?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Burmarrad — San Pawl Milqi - Heritage Malta - Evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tas-sit

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25428, billi jidher li n-nefqa fuq il-manutenzjoni ta’ fuq San Pawl Milqi, f’Burmarrad fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar matul l-aħħar snin hi waħda baxxa ħafna, u billi l-kappella li hemm fuq il-post, partikolarment min-naħa ta’ ġewwa għandha bżonn ta’ manutenzjoni sostanzjali, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Heritage Malta tagħmel evalwazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet tas-sit biex tkun f’qagħda li tippjana l-investiment f’tiswija neċessarja fuq l-istess sit?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tim ta’ manutenzjoni ta’ Heritage Malta huwa responsabbli mill-manutenzjoni ta’ dan is-sit. Il-ħidma fuq dan is-sit titwettaq mill-istess tim, u għalhekk in-nefqa relatata tidher baxxa minħabba l-użu tar-riżorsi interni. L-interventi fil-kappella huma parti minn programm usa’ ta’ manutenzjoni li jiġi ppjanat mit-tim tekniku flimkien ma’ xogħlijiet oħra meħtieġa f’diversi siti tal-Aġenzija. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li Heritage Malta taħdem fuq bażi ta’ prijoritajiet. Filwaqt li qed isir sforz biex tiġi kkonservata l-kappella u s-sit ta’ San Pawl Milqi, hemm proġetti oħra taħt il-mandat tal-Aġenzija li bħalissa qed jiġu trattati bħala prijorità ogħla.

Burmarrad — San Pawl Milqi - Żjarat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25428, billi fit-tweġiba jingħad li ż-żjarat fis-sit ta’ San Pawl Milqi f’Burmarrad fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar isiru b’appuntament (bl-eċċezzjoni ta’ open days), jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm talbiet biex ikun hemm żjarat f’dan is-sit, matul is-snin 2022, 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ persuni li attendew dawn iż-żjarat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li fis-sena 2022 kien 13-il talba għal żjara, fis-sena 2023 kien hemm 20 talba għal żjara, fis-sena 2024 kien 21 talba għal żjara u 2025 12-il tajba għal żjara. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument bid-dettalji tal-ammont ta’ viżitaturi li żaru s-sit matul kull sena kif mitlub.

Is-Salini — Katakombi - Żjarat organizzati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25429, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm appuntamenti biex il-Katakombi tas-Salini jkunu miftuħa għal żjarat organizzati, matul is-snin 2022, 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, separatament għal kull sena? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ persuni li attendew f’dawn iż-żjarat, separatament għal kull sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li fis-sena 2022 kien hemm talba waħda għal żjara, fis-sena 2023 kien hemm 27 talba għal żjara, fis-sena 2024 u 2025 ma’ sarux talbiet għal żjarat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument bid-dettalji tal-ammont ta’ viżitaturi li żaru s-sit matul kull sena kif mitlub.

San Pawl il-Baħar — Servizz tal-ambulanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġie mitlub is-servizz tal-ambulanza fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar (il-lokalità kollha inkluż żoni bħal Buġibba, Burmarrad, Qawra, Xemxija) matul is-sena 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul l-2024, kien hemm 3,038 talba għas-servizz tal-ambulanza fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.

Charging pillars fis-Seba’, l-Għaxar u t-Tnax-il Distrett Elettorali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 27667 u tagħti tagħrif dwar in-numru ta’ charging pillars li hemm f’kull waħda mil-lokalitajiet tas-Seba’, l-Għaxar u t-Tnax-il Distrett Elettorali, separatament għal kull lokalità? Tista’ tgħid ukoll: i. kemm hu mistenni li jiżdiedu ċ-charging pillars għal kull waħda minn dawn il-lokalitajiet; ii. meta hu mistenni li jiżdiedu dawn iċ-charging pillars; iii. meta hu mistenni li jibdew jaħdmu; iv. f’kull każ, kemm minn dawn iċ-charging pillars huma fast charging, u kemm huma normali (medium) charging; u v. liema rata ta’ ħlas ser tkun qed titħallas minn min ikun qed juża dawn iċ-charging points?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu n-nefqiet finali għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 li kienu stmati li jiswew 37.34 miljun Ewro? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet in-nefqa finali għal kull waħda mill-faċilitajiet li fuqhom saru n-nefqiet għall-istess logħob?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

WSC — Smart meters

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ smart metres li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) separatament għal kull lokalità? Tista’ tgħid ukoll jekk għadx fadal servizzi li għadhom mhux qed jinqraw permezz ta’ smart metres?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma’ dan inżid li l-ismart meters għadhom ma ġewx installati f’siti fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandhiex aċċess, minħabba li jew huma postijiet magħluqin jew inkella saħansitra abbandunati.

Continuous Glucose Monitors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni għandhom il-Continuous Glucose Monitor preżentement? Jista’ jgħid ukoll kemm iktar persuni mistennija jingħataw dan is-servizz matul din is-sena u jagħti breakdown tal-etajiet differenti ta’ dawn il-persuni li qegħdin igawdu minn dan is-servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Għall-ewwel parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26474. Il-Gvern għandu l-ħsieb li jkompli jwessa’ l-kriterji ta’ eliġibilità sabiex sal-aħħar ta’ din is-sena, jiġu milħuqa mal-500 pazjent ieħor.

Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva — Re-audit - Rapport

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25448, 25665, 25876, 26511, 26851 u 27102 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25105 dwar rapport tar-re-audit li ntalab lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, dwar edukazzjoni inklużiva, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jiġi ppubblikat dan ir-rapport?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li r-rapport għadu qed jiġi evalwat.

Restawr ta’ knejjes u kappelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm knejjes u kappelli li ġew irrestawrati minn xi fondi mogħtija mill-Ministeru responsabbli mill-Kultura, minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll: i. liema huma dawn il-knejjes u kappelli; ii. kemm minnhom huma tal-privat, kemm minnhom huma tal-Gvern u kemm minnhom huma tal-Knisja; iii. f’kull każ, liema huma dawn il-knejjes u kappelli rispettivament; u iv. kemm hemm minn dawn il-proprjetajiet li qed isir restawr fihom preżentement u liema huma?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Jannar 2022 sal-lum sar jew qed isir xogħol fuq total ta’ 22 Knejjes u Kappelli madwar Malta permezz ta’ finanzjament mill-Ministeru responsabbli mill-Kultura. Dawn il-proġetti jkopru xogħlijiet diversi, li jvarjaw mir-restawr ta’ faċċati sa interventi strutturali jew manutenzjoni, u jitwettqu permezz ta’ żewġ sistemi prinċipali: i. Permezz ta’ Skema tar-Restawr tal-Kunsilli Lokali, fejn ir-restawr isir kollu minn ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni; jew ii. Permezz ta’ finanzi allokati fil-Baġit tas-snin rispettivi, fejn il-proġetti jitwettqu minn kuntratturi privati wara ħruġ ta’ sejħiet għall-offerti Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-proġetti kif mgħoddija lili.

Restawr ta’ knejjes u kappelli — Fond għall-Kawżi Ġusti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema knejjes u kappelli ġew/qed jiġu rrestawrati minn fondi li oriġinaw mill-Fond għall-Kawżi Ġusti? F’kull każ, jista’ jgħid ukoll liema kienu/huma dawn il-knejjes u kappelli?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.