Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prodotti agrikoli – Żvilupp u testijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’esperimenti / testijiet qed isiru preżentement mill-ministeru tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żvilupp ta’ prodotti agrikoli, kemm frott, kif ukoll ħxejjex? Jista’ jgħid ukoll liema prodotti qed isiru testijiet fuqhom preżentement?

Response (REFALO, ANTON)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali qed jimpenja ruħu b’mod attiv f’diversi proġetti ta’ prodotti u sperimentazzjoni relatati mal-iżvilupp tar-riċerka fl-agrikoltura, kemm fil-qasam tal-frott kif ukoll tal-ħxejjex. Bħalissa, qed isir xogħol importanti dwar il-konservazzjoni u l-karatterizzazzjoni ta’ varjetajiet lokali, partikolarment fid-dwieli, fejn qed jiġu studjati l-karatteristiċi fenoloġiċi bil-għan li jiġu reġistrati varjetajiet fil-katalgu nazzjonali. Dan l-eżerċizzju jwassal ukoll sabiex nistabbilixxu l-adattabilità u l-potenzjal agronomiku tagħhom għall-biedja lokali. Qed issir ukoll ħidma fuq testijiet dwar l-użu ta’ insettiċidi bioloġiċi għall-kontroll tal-mard fil-frawli, bil-għan li noffru metodi aktar sostenibbli u b’inqas ħsara għall-ambjent. F’kollaborazzjoni ma’ entitajiet internazzjonali permezz ta’ ftehim speċifiku, qed nesploraw il-possibbiltà li nkabbru varjetajiet ġodda ta’ pitaya (dragon fruit) b’mod kummerċjali. Qed isiru wkoll testijiet dwar l-użu ta mycorrhiza fit-tkabbir tat-tadam. Din ir-riċerka applikata qed issir bil-għan li ntejbu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tas-settur agrikolu lokali. Barra minn hekk, huwa ppjanat ukoll li jitwaqqaf Food Innovation Hub (FIH) bħala proġett ieħor ta’ importanza strateġika. Dan il-Hub se jservi bħala ċentru dinamiku għall-innovazzjoni u żvilupp fil-qasam tal-ikel, b’faċilitajiet iddisinjati apposta għall-ipproċessar ta’ prodotti lokali bħall-frott u l-ħaxix, il-ħut u l-prodotti tal-ħalib. Il-FIH se jipprovdi ambjent ta’ appoġġ fejn produtturi lokali jistgħu jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw prodotti ġodda permezz ta’ teknoloġiji avvanzati ta’ pproċessar. Barra minn hekk, se joffri spazju għat-trasferiment tal-għarfien, taħriġ speċjalizzat u kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet edukattivi lokali u barranin, bil-għan li jsaħħaħ il-kompetittività u l-valur miżjud tas-settur agroalimentari f’Malta.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Kollaborazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ kollaborazzjoni teżisti bejn il-ministeru tiegħu u istituti agrikoli internazzjonali, speċjalment dawk fil-Mediterran? Jista’ jgħid ukoll fil-prattika x’inhi din il-kollaborazzjoni preżentement, u ma’ liema istituti / skejjel agrikoli għaddejja din il-kollaborazzjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali għandu relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni sodi ma’ diversi istituti agrikoli internazzjonali, partikolarment dawk fil-Mediterran. Il-kooperazzjoni tagħna maċ-CIHEAM (International Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies) hija waħda mill-eqdem u l-aktar produttiva, b’numru ta’ Memorandums ta’ Ftehim (MoUs) li ffirmajna matul is-snin. Permezz ta’ dawn il-ftehimiet, stabbilixxejna struttura kooperattiva robusta li tagħtina aċċess għal esperti internazzjonali ta’ livell għoli. Dawn l-esperti qed jikkontribwixxu attivament għall-inizjattiva AgriKonsulta, li hija pjattaforma ta’ parir u appoġġ tekniku għall-bdiewa Maltin. Barra minn hekk, il-Ministeru għadu kemm iffirma ftehim ieħor mal-uffiċċju prinċipali taċ-CIHEAM biex jitwaqqaf estensjoni tal-uffiċċju tagħhom f’Malta, li ser issaħħaħ ir-relazzjoni ma’ dan iċ-ċentru u tippermetti aktar opportunitajiet ta’ riċerka u skambju ta’ għarfien. Flimkien maċ-CIHEAM Zaragoza u CIHEAM Bari, qed noffru pariri speċjalizzati fil-ġestjoni tal-annimali u l-produzzjoni agrikola. Qed jiġu organizzati wkoll korsijiet ta’ taħriġ kif ukoll sessjonijiet ta’ taħriġ individwali għall-bdiewa u raħħala. Barra minn hekk, permezz ta dan il-ftehim, il-Ministeru jipparteċipa f’proġetti finanzjati mill-UE, l-aħħar wieħed minnhom huwa l-proġett AgriHub, li permezz tiegħu inħarġu gwidi dettaljati dwar il-produzzjoni ta’ għelejjel (IPM guidelines) biex inħeġġu metodi sostenibbli u innovattivi fil-biedja. Barra minn hekk, qed isir xogħol konġunt bejn is-settur tax-Xjenzi Rurali u s-Sistemi tal-Ikel u l-Istitut tas-Sistemi tad-Dinja (Institute of Earth Systems) fi ħdan l-Università ta’ Malta biex jiġu indirizzati b’mod interdixxiplinari l-isfidi fil-qasam tal-agrikoltura sostenibbli. Kollaborazzjoni oħra mal-MCAST qed tiffoka fuq l-istabbiliment ta’ kors fil-Mediċina Veterinarja f’Malta, li huwa kruċjali għall-benesseri tal-annimali u s-saħħa tal-katina agroalimentari. Dawn il-kollaborazzjonijiet jikkontribwixxu b’mod konkret għall-bini ta’ kapaċità lokali, għat-trasferiment ta’ għarfien u għat-tisħiħ tar-riċerka fix-xjenzi agrikoli. Permezz ta’ dawn l-iskambji u s-sħubijiet ma’ istituzzjonijiet akkademiċi u xjentifiċi, il-Ministeru qed jgħin biex jiġu żviluppati politiki agrikoli sostenibbli bbażati fuq l-evidenza, b’risq l-iżvilupp rurali, l-innovazzjoni fil-biedja u s-sigurtà tal-ikel fit-tul.

Taxxa għal kull turist għal kull lejl

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28345 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kif qed jintefqu l-fondi li qed jinġabru mit-taxxa ta’ 50 ċenteżmu għal kull turist għal kull lejl (sa massimu ta’ €5 għal kull persuna), li qed tinġabar mill-istabbilimenti turistiċi madwar Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll min għandu l-kontroll fuq in-nefqa ta’ dawn il-fondi?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20649.

San Pawl il-Baħar — Inħawi tal-Veċċja - Sajjieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ investiment hu mistenni li jsir mill-Ministeru, fl-inħawi tal-Veċċja, sabiex jitjiebu l-faċilitajiet li jintużaw mis-sajjieda f’dan il-port? Minbarra f’dawn l-inħawi, jista’ jgħid ukoll fejn hemm iktar sajjieda li jużaw xi port li qiegħed fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli għadu kemm wettaq ammont ta’ xogħolijiet fl-inħawi tal-Veċċja sabiex jitjiebu l-faċilitajiet li jintużaw mis-sajjieda. Dawn jikkonsistu fl-installar ta’ hoist ġdida li tintuża mis-sajjieda u li din ġiet inawgurata waqt konferenza stampa li saret nhar it-Tlieta 13 ta’ Mejju. Filwaqt li flimkien ma’ Transport Malta saru xi xogħolijiet fl-unloading bays, sar ukoll xogħol ta’ dredging wara li dan il-Ministeru -sema’ t-talba tas-sajjieda. Apparti dan, bħalissa qed jiġi ppjanat li jitwaħħlu iktar service pillars. Ta’ min wieħed iżid li San Pawl jibda mix-Xemxija u jibqa’ sejjer sas-Salini. L-interventi mitluba ġejjin miż-żona tal-Veċċja.

Ta’ Qali — Farmers’ Market - Bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ bdiewa li huma awtorizzati biex jarmaw fil-Farmers’ Market f’Ta’ Qali? Jista’ jgħid ukoll minn liema lokalità huma dawn il-bdiewa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-Farmers Market f’Ta’ Qali, fil-preżent hemm sitta u tletin (36) posta li qed jiġu operati minn bdiewa, produtturi, organizzazzjonijiet, koperattivi, assoċjazzjonijiet u gruppi rappreżentattivi kostitwiti fis-settur tal-agrikoltura jew tas-sajd li jbigħu prodotti agrikoli kkultivati jew imkabbra lokalment mill-membri tagħhom. Dawn ġejjin min diversi lokalitajiet tal-gżejjer Maltin.

Persuni lebsin ilbies tal-baħar fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pulizija hux qed tieħu passi fil-konfront ta’ persuni li jinstabu liebsin ilbies tal-baħar fit-toroq madwar Malta u Għawdex u jekk iva, x’passi qed jittieħdu? Jista’ jgħid ukoll kif qed jiġi assigurat li l-liġijiet dwar id-deċenza pubblika qed jiġu osservati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 28346. Bħala Ministru responsabbli nisħaq li l-Korp tal-Pulizija jiffoka aktar fuq dak li hu core police duties. Lanqas nemmen li l-Korp tal-Pulizija għandu iservi ta' morality police.

Kunsilli lokali — Devoluzzjoni ta’ art/proprjetà - Talbiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli lokali għandhom talbiet pendenti mal-Awtorità tal-Artijiet relatati ma’ devoluzzjoni ta’ art jew proprjetà oħra? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-kunsilli lokali li għandhom tali talbiet pendenti u f’kull każ, x’inhi l-proprjetà li għaliha qed tintalab id-devoluzzjoni u kemm ilha pendenti l-iktar talba għal tali devoluzzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

Helpline 138

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ telefonati li saru fuq il-Helpline 138 minn meta beda jintuża sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll għal liema tip ta’ rapporti jista’ jintuża dan in-numru, u f’kull każ kemm daħlu rapporti fuq dan in numru, u jaqsam tali informazzjoni skont il-kategoriji differenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27644.

Esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema prodotti agrikoli lokali qed jiġu esportati lejn pajjiżi terzi u liema prodotti agrikoli Maltin qed jintbagħtu lejn swieq interni fl-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid ukoll liema kontrolli jiġu applikati meta prodotti agrikoli Maltin ikunu ser jiġu esportati barra minn Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li meta prodotti agrikoli jiġu esportati lejn pajjiżi terzi, dawn ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju maħruġ mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, kif mitlub mill-pajjiż ta’ destinazzjoni kif ukoll skont il-kriterji tar- REGOLAMENT (UE) 2016/2031 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta' Ottubru 2016, dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti. Il-kontrolli u t-testijiet meħtieġa jiġu stabbiliti skont il-kriterji tal-prodott u r-rekwiżiti tal-pajjiż li jkun se jimportah. Fir-rigward ta’ liema prodotti agrikoli lokali qed jiġu esportati lejn pajjiżi terzi u liema prodotti agrikoli Maltin qed jintbagħtu lejn swieq interni fl-Unjoni Ewropea, nitolbok sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10604 .

Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità — Stennija għal dħul

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna qiegħda tistenna biex tiddaħħal f’wieħed miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità u x’inhi l-età ta’ dawn il-persuni?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fid-data tat-tweġiba hemm 165 persuna b’diżabilità fuq lista ta’ stennija sabiex jibdew jibbenefikaw mis-servizzi mogħtija fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum immexxija minn Aġenzija Sapport. Dawn il-persuni huma kollha bejn l-età ta’ 19-il sena u 59 sena. Bħalma ġie mwieġeb f’mistoqsija parlamentari 16378, f’każijiet fejn ma hemmx postijiet vakanti f’ċentri addattati skont il-bżonnijiet tal-applikant, l-applikant ikun iggwidat għal servizzi alternattivi, filwaqt li qed issir ħidma biex persuni b’diżabilità li jattendu ċ-ċentri jiġu di-istituzzjonalizzati permezz ta’ servizzi jew opportunitajiet oħra ffukati fuq għajxien indipendenti u inklussiv fil-komunità. Bħalissa qegħdin jiġu evalwati l-bżonnijiet li għandhom il-persuni kollha li qegħdin fil-lista ta’ stennija sabiex jiġi determinat jekk jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew servizzi u programmi oħra provduti fil-komunità. Għalhekk, il-lista ta’ stennija ma tirrappreżentax l-istampa ċara għax l-istess applikanti, għalkemm qegħdin fil-lista ta’ stennija għal servizz ta’ matul il-jum, jistgħu jkunu qed jibbenefikaw minn servizzi oħra jew mhumiex eliġibbli li jattendu ċentri ta’ matul il-jum.

L-Awtorità tal-Ippjanar — Permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess ħarġet l-Awtorità tal-Ippjanar matul is-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet 6772 permess, frott ta’ deċiżjonijiet ta’ applikazzjonijiet għall-Ippjanar (PAs) li ttieħdu matul is-sena 2024. L-istess figuri jinkludu l-permessi għal kull tip ta’ applikazzjoni, sew għal-binjiet ġodda kif ukoll applikazzjonijiet għal tibdil jew tnaqqis jew żidiet għal binjiet eżistenti jew bdil fl-użu ta’ strutturi eżistenti; u jinkludu applikazzjonijiet għal permessi sħaħ ( Full ), permessi dwar il-mertu ( Outline ), li permezz tagħhom ma jista’ jsir ebda żvilupp, kif ukoll permessi għal tiġdid ( Renewal ).

L-Awtorità tal-Ippjanar — Permessi għal żvilupp residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess għal żvilupp residenzjali ħarġet l-Awtorità tal-Ippjanar matul is-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bil-mod ta’ kif tinżamm id-data fis-sistema elettronika tal-Awtorità tal-Ippjanar, mhux possibbli li tingħata figura li tiġbor il-permessi kollha li jistgħu jinvolvu żvilupp residenzjali. L-Awtorità, iżda, tiġbor informazzjoni dwar permessi li jkunu jinkludu tibdil fin-numru ta’ units ta’ residenza fuq is-sit, jew bdil tat-tip ta’ residenza (eżempju tibdil minn maisonettes għal flats). Għalhekk qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li telenka din l-informazzjoni.

Proprjetajiet mikrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ proprjetajiet li nkrew lill-familji/individwi minn Jannar 2024 sa April 2025, maqsuma xahar b’xahar, lokalità b’lokalità, u skont jekk hux familji/individwi? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-proprjetajiet huma tal-Gvern jew ta’ xi entità tal-Gvern u kemm huma proprjetajiet privati?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta’ Jannar 2024 sat-30 t’April 2025, ġew mikrija 372 proprjetà lill-familji u 153 proprjetà lill-individwi. Minn dawn il-proprjetajiet, 270 huma proprjetajiet tal-Gvern jew ta’ xi entità tal-Gvern, filwaqt li 255 huma proprjetajiet privati.

Il-Mellieħa, l-Imġarr u San Pawl il-Baħar — Bdiewa li qed jużaw in-New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ bdiewa full-time u part-time, rispettivament u separatament, li bħalissa qed jużaw in-new water li qed jiġi provdut mill-impjant tal-Mellieħa, fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, l-Imġarr u San Pawl il-Baħar, separatament? Tista’ tgħid ukoll kemm-il discharge station tal-ilma hemm imqabbda mas-sistema f’kull waħda minn dawn il-lokalitajiet, u kemm hemm stazzjonijiet li għalkemm imwaħħla fil-post, għadhom mhux qed jintużaw?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-lokalitajiet indikati l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 100 dispenser li qed jintużaw, filwaqt li madwar 88 dispenser ieħor qegħdin jiġu kummissjonati bħalissa u għandhom ikunu qed jintużaw kollha sal-aħħar ta’ din is-sena. Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex l-ewwel parti tal-mistoqsija tirreferiha lill-Ministeru konċernat.

Persuni lebsin indiċenti f’postijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ kien hemm fejn il-Pulizija kellha tintervjeni minħabba l-preżenza ta’ persuni bla ħwejjeġ f’postijiet pubbliċi, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li dak li jekk dak li tistaqsi dwaru l-Onor. Interpellant jorbot ma’ ksur tal-Artiklu 338(q) tal-Kap 9 tal-Ligijiet ta’ Malta, f’dan il-perjodu kien hemm 29 kontravenzjoni.

PA — Xogħlijiet li jistgħu jitwettqu matul il-proċess ta’ ħruġ ta’ permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet jistgħu jitwettqu permezz tal-fondi differenti li jinġabru mingħand żviluppaturi madwar Malta u Għawdex matul il-proċess ta’ ħruġ ta’ permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27183.

Project Green — Proġetti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema proġetti huwa mistenni li taħdem fuqhom Project Green matul din is-sena? Tista’ tgħid ukoll liema proġetti għaddej ix-xogħol fuqhom preżentement mill-istess Project Green?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

Il-Qawra — Triq il-Kurazza, Triq Għawdex u Triq it-Turisti - Art li tifforma l-bus terminus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-art li tifforma l-bus terminus tal-Qawra, li tinsab bejn Triq il-Kurazza, Triq Għawdex u Triq it-Turisti? Peress li minbarra t-terminus innifsu hemm ukoll spazji ta’ ħamrija f’dawn l-istess inħawi, jista’ l-Ministru jgħid min għandu l-obbligu li jieħu ħsieb dawn l-istess inħawi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika aħjar għal liema spazji ta’ ħamrija qed tirreferi.

Bdiewa full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ bdiewa full-time rreġistrati f’kull waħda mil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ bdiewa part-time rreġistrati f’dawn l-istess lokalitajiet, u jaqsam din l-informazzjoni b’mod separat?

Response (REFALO, ANTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numru ta’ bdiewa rreġistrati f’kull lokalità ta’ Malta u Għawdex sa llum, filwaqt li ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li ma tinżammx informazzjoni dwar jekk il-bdiewa humiex full-time jew part-time.

Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva — Re-audit - Rapport - Evalwazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27893, 28049 u 28243 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25666, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-evalwazzjoni tar-rapport tar-re-audit dwar l-edukazzjoni inklussiva li ntalab lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva li kellu jitlesta ‘fix-xhur li ġejjin’ kif imwieġeb fl-istess tweġiba, tlestiex? Jekk tlesta, jista’ jqiegħed kopja tal-istess rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-evalwazzjoni għadha għaddeja.