Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema inizjattivi ttieħdu minn Agrikonsulta matul l-aħħar 12-il xahar biex tagħti pariri lill-bdiewa f’Malta u f’Għawdex? Ma’ liema istituti barranin/ Maltin, għandha kuntatti ‘Agrikonsulta’? Kemm bdiewa, u minn liema lokalitajiet gawdew minn dawn il-pariri/inizjattivi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar 12-il xahar ġew implimentati diversi inizjattivi mill-AgriKonsulta fosthom ftehim mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jiġi analizzat l-ilma fil-laboratorji tagħhom. Dan ippermetta sabiex jitfasslu pjani ta’ fertilizzazzjoni ppersonalizzati għall-bdiewa.
Ġew installati wkoll diversi weather stations madwar il-Gżejjer Maltin li għenu fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll ġiet stabbilita l-Pest Monitoring Network biex isir monitoraġġ tal-pesti. Twettqet kampanja nazzjonali ta’ informazzjoni fuq il-mezzi tal-midja u ġew organizzati diversi AgriTalks.
Kien hemm ukoll koordinazzjoni ma’ diversi entitajiet bħall-Għaqda Bdiewa Attivi, diversi proċessuri ewlenin tat-tadam, l-Għaqda Produtturi tat-Tadam Malti u l-Koperattiva Produtturi taż-Żebbuġ, sabiex jiġu identifikati aktar bdiewa li jistgħu jibbenefikaw mis-servizz kif ukoll il-ħtiġijiet tagħhom. Barra minn hekk, saru konsultazzjonijiet maċ-CIHEAM f’Bari, l-MCCAA u partijiet interessati oħra.
Agrikonsulta pprovdiet servizz lil 115-il klijent mifruxa f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex fosthom Burmarrad, Rabat, Mġarr, Mellieħa, Żejtun, San Pawl il-Baħar, Attard, Żabbar, Mosta, Naxxar, Qormi, Safi, Mosta, Ħaż-Żebbuġ, Birżebbuġa, Siġġiewi, Għaxaq, Marsaxlokk, Żurrieq, Qrendi, Ta’ Qali, Xewkija, Nadur, Rabat, Kerċem, Għajnsielem, Sannat, Għasri, Marsalforn.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif f’liema lokalitajiet hemm is-servizz tas-Silver T? Lejn liema postijiet jistgħu jitwasslu dawk li jużaw dan is-servizz skont il-lokalità li minnha jingħata s servizz? Jista’ wkoll jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jikkunsidra li jestendi dan is-servizz?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li s-servizz tas-Silver T qed jingħata fuq skala nazzjonali. L-anzjani li jużaw is-servizz jistgħu jmorru l-bank, is-suq lokali, il-klinika, il-kunsill lokali, postijiet ta’ qima, u postijiet oħra fir-reġjun tagħhom. Is-servizz tas-Silver T diġà qed jiġi pprovdut fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.
San Pawl il-Baħar — Spezzjonijiet mill-ERA rigward rimi ta’ skart u żibel
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm saru inspections mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari għal dak li jikkonċerna skart barra meta mhux suppost u ksur ieħor marbut mar-rimi taż-żibel, f’San Pawl il-Baħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 28586.
Il-Mellieħa — Spezzjonijiet mill-ERA rigward rimi ta’ skart u żibel
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm saru inspections mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari għal dak li jikkonċerna skart barra meta mhux suppost u ksur ieħor marbut mar-rimi taż-żibel, fil-Mellieħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 28587.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fin-Naxxar, fir-rigward ta’ skart imqiegħed barra meta mhux suppost, kif ukoll ksur ieħor relatat mar-rimi taż-żibel, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn Jannar 2024 sal-25 ta’ Mejju 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqet 110 spezzjonijiet, li jikkonsistu f’shifts ta’ madwar ħames u sitt sigħat ta’ monitoraġġ u infurzar, fil-lokalità tan-Naxxar rigward skart imqiegħed barra meta mhux suppost kif ukoll dwar nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 28348 u tgħid liema proġetti huwa mistenni li taħdem fuqhom Project Green matul din is-sena? Tista’ tgħid ukoll liema proġetti għaddej ix-xogħol fuqhom preżentement mill-istess Project Green?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika diġà wettqu 60 proġett differenti ambjentali mifruxin madwar il-pajjiż, inkluż f’40 ġonna u parks u 20 wied.
Fl-ewwel sentejn tagħha, Project Green wettqet 21 proġett ta’ spazju miftuħ. B’żieda ma’ dawn, din is-sena l-aġenzija lestiet Ġnien fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far, Ġnien tal-Komunità fil-Qajjenza, Birżebbuġa, Ġnien San David f’Pembroke, Ġnien Kacey Sciberras f’San Pawl il-Baħar, Ġnien l-Iskultura f’Santa Luċija u proġett ieħor li sar fil-Park ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala fejn saru żewġ żoni dedikati għat-tfal u l-adoloxxenti. Proġetti oħrajn li diġà saru din is-sena jinkludu parti mill-Walking Trail tal-Victoria Lines minn Ambjent Malta, il-Walking Trail f’Wied il-Qlejgħa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) kif ukoll il-proġett ta’ riġenerazzjoni tad-daħla tal-Isla u restawr tas-swar ta’ San Mikiel li sar mill-GHRC.
Bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet minn Project Green tat-tieni fażi tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa u dik tal-Ġnien f’Villa Portelli l-Kalkara, Valley Walkway li tgħaqqad Wied Speranza ma' Wied il-Qlejgħa u r-Rainwater Harvesting Park f’Għajnsielem.
Greenserv qed twettaq it-tieni fażi ta’ Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera u l-ewwel fażi tal-GreenPark f’Marsaskala, waqt li l-GHRC għaddejja bix-xogħlijiet fi Ġnien tal-Marina f’Tal-Pietà u l-ħolqien ta’ ġnien u spazju miftuħ fid-daħla tal-Birgu. ERA bdiet ix-xogħol fuq il-Green Living Hub Malta f’Ħaż-Żebbuġ, il-proġett ta’ Ġebel San Martin fiż-Żejtun u dak tat-tisbiħ fil-Ġnien tal-Gardjola fl-Isla.
Min-naħa tagħha, Ambjent Malta qed twettaq xogħlijiet ta’ restawr u afforestazzjoni madwar Kemmuna, l-iżvilupp taċ-Ċentru għall-Viżitaturi fil-Marfa, il-ħolqien ta’ ġnien ekoloġiku fuq il-bejt tal-Iskola Sekondarja Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun, riġenerazzjoni ta’ Ġnien Saver Zarb f’San Ġiljan, tisbiħ ta’ Ġnien Palma f’Ħ’Attard, proġett relatat mal-ġbir tal-ilma tax-xita f’Għajnsielem u ħolqien ta’ ġnien pubbliku fl-Iskola Primajra tal-istess lokalità, proġett ta’ tisbiħ bil-ħolqien ta’ spazji urbani ħodor fiż-żona Tar-Rabbat fil-Ħamrun, Ġnien Toni Bezzina f’Raħal Ġdid, tisbiħ tal-Malta National Trail mill-Mellieħa sax-Xgħajra, il-Proġett Nebbieta f’diversi skejjel u l-Proġett Silva Pathways fejn qed jiġu restawrati żewġ żoni afforestati fl-Aħrax ta’ Ġewwa u l-Miżieb, fil-Mellieħa.
Sal-aħħar ta’ din is-sena huwa mmirat li jinbdew ukoll ix-xogħlijiet fuq diversi proġetti ambjentali u interventi oħrajn ta’ afforestazzjoni, tħaddir urban u l-ħolqien t’aktar spazji miftuħa, li bħalissa l-entitajiet rispettivi qegħdin jaħdmu fuq l-ippjanar tagħhom.
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kienu ċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) waqt li kienu qed jagħmlu spezzjonijiet f’San Pawl il-Baħar minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tgħid ukoll x’passi ttieħdu fil-konfront ta’ dawk li nqabdu jiksru r-regoli?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, minn Jannar 2024 sal-25 ta’ Mejju 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet 209 ittri ta’ twissija fir-rigward ta’ nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi. Fir-rigward ta’ skart maħruġ barra meta mhux suppost, l-ERA ħarġet 170 multa amministrattiva.
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kienu ċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) waqt li kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fil-Mellieħa, Malta minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tgħid ukoll x’passi ttieħdu fil-konfront ta’ dawk li nqabdu jiksru r-regoli?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-lokalità tal-Mellieħa, minn Jannar 2024 sal-25 ta’ Mejju 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet żewġ ittri ta’ twissija fir-rigward ta’ nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi. Fir-rigward ta’ skart maħruġ barra meta mhux suppost, l-ERA ħarġet żewġ multi amministrattivi.
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kienu ċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) waqt li kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fin-Naxxar minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tgħid ukoll x’passi ttieħdu fil-konfront ta’ dawk li nqabdu jiksru r-regoli?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil- lokalità tan-Naxxar, minn Jannar 2024 sal-25 ta’ Mejju 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet għaxar ittri ta’ twissija fir-rigward ta’ nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi. Fir-rigward ta’ skart maħruġ barra meta mhux suppost, l-ERA ħarġet tliet multi amministrattivi.
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kienu ċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) waqt li kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fl-Imġarr, Malta minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tgħid ukoll x’passi ttieħdu fil-konfront ta’ dawk li nqabdu jiksru r-regoli?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-lokalità tal-Imġarr, minn Jannar 2024 sal-25 ta’ Mejju 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet ittra waħda ta’ twissija fir-rigward ta’ nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi. Fir-rigward ta’ skart maħruġ barra meta mhux suppost, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma ħarġet l-ebda multa.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema postijiet madwar Malta u Għawdex isiru t-testijiet dwar il-kwalità tal-ilma tal-baħar? B’liema frekwenza jsiru dawn it-testijiet u kif jintgħażlu s-siti? Jista’ jgħid ukoll jekk is-siti jinbidlux minn sena għal oħra?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul l-istaġun uffiċċjali tal-għawm li jkopri l-perjodu bejn it-tielet ġimgħa ta’ Mejju sat-tielet ġimgħa ta’ Ottubru jittieħdu kampjuni u jsiru testijiet tal-ilma baħar kull ġimgħa. Dan il-monitoraġġ ikopri 87 sit madwar Malta u Għawdex, hekk kif qed jidher fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Is-siti ġew stabbiliti b’obbligu mad-Direttiva 2006/7/EC dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm. Dawn ir-rekwiżiti jgħidu li l-monitoraġġ għandu jsir f'siti fejn hu mistenni l-akbar numru ta’ għawwiema u huwa mistenni l-akbar riskju ta' tniġġis. Is-siti ta' monitoraġġ ma nbidlux mill-2004 ’l hawn.
Ta’ Qali — Pitkalija - Żamma aħjar ta’ prodotti agrikoli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi seħħew fil-Pitkalija ta’ Ta’ Qali għal dak li jikkonċerna ż-żamma aħjar ta’ prodotti agrikoli, li għal xi raġuni, ma jinbiegħux fl-ewwel jum tagħhom fil-Pitkalija?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fil-Pitkalija ġew introdotti sistemi diġitali bħal barcode fuq kull kaxxa, kif ukoll il-portals ilbidwi.gov u ixxerrej.gov kienu ta’ għajnuna biex tiżdied l-effiċjenza fil-bejgħ.
Il-prodott li ma jinbieħx bil-mezz tradizzjonali, il-Malta Food Agency tgħin biex jinstabu swieq alternattivi. Sforzi oħrajn għaddejjin biex il-quddiem jidħlu proċessi li jżidu l-ħajja tal-prodott filwaqt li jingħata aktar valur lil xogħol il-bdiewa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il prodott agrikolu li daħal fil-Pitkalija, iżda baqa’ ma nbiegħx, tant li kellu jintrema, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ kontroll isir fuq tali prodotti biex ma jkunx hemm abbuż u biex jiġi żgurat li dawn il-prodotti ma jispiċċawx xorta fuq l-imwejjed tal-ikel?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li llum il-ġurnata, teoretikament il-Pitkalija topera mingħajr ebda ħela. Il-prodott li jidħol fil-Pitkalija jgħaddi minn serje ta’ toroq bl-ewwel waħda tkun il-bejgħ tradizzjonali, barra minn hekk il-Malta Food Agency taħdem biex issib swieq alternattivi għall-prodotti l-oħra u tiżdied id-domanda minn setturi differenti. Il-prodott li jifdal jingħata lil diversi organizzazzjonijiet volontarji illi jaqdu lill-komunità u jwasslu l-ikel għand min għandu bżonn. Il-prodott li ma jkunx tajjeb għall-konsum, jinġabar u jiġi konvertit f’kompost biex imbagħad jingħata lura lill-bdiewa.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’San Pawl il-Baħar, fir-rigward ta’ skart imqiegħed barra meta mhux suppost, kif ukoll ksur ieħor relatat mar-rimi taż-żibel, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn Jannar 2024 sal-25 ta’ Mejju 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqet 801 spezzjoni, li jikkonsistu f’shifts ta’ madwar ħames u sitt sigħat ta’ monitoraġġ u infurzar, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar rigward skart imqiegħed barra meta mhux suppost kif ukoll dwar nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fil-Mellieħa, fir-rigward ta’ skart imqiegħed barra meta mhux suppost, kif ukoll ksur ieħor relatat mar-rimi taż-żibel, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn Jannar 2024 sal-25 ta’ Mejju 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqet 134 spezzjoni li jikkonsistu f’shifts ta’ madwar ħames u sitt sigħat ta’ monitoraġġ u infurzar, fil-lokalità tal-Mellieħa rigward skart imqiegħed barra meta mhux suppost kif ukoll dwar nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fl-Imġarr, Malta, fir-rigward ta’ skart imqiegħed barra meta mhux suppost, kif ukoll ksur ieħor relatat mar-rimi taż-żibel, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn Jannar 2024 sal-25 ta’ Mejju 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqet 19-il spezzjoni, li jikkonsistu f’shifts ta’ madwar ħames u sitt sigħat ta’ monitoraġġ u infurzar, fil-lokalità tal-Imġarr, Malta, rigward skart imqiegħed barra meta mhux suppost kif ukoll dwar nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid meta ser jittieħdu l-passi neċessarji biex il-bajja tax-Xemxija tiġi mnaddfa sew, u jiġi assigurat li tinżamm fi stat nadif matul is-sena kollha, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-bankina viċin tar-roundabout tax-Xemxija (ħdejn il-latrina pubblika, sal-Knisja tal-Kapuċċini fix-Xemxija), tiġi mnaddfa sew u tinżamm fi stat ta’ ndafa kontinwu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li minn spezzjoni li saret ma kien hemm ebda rapport ta’ ħmieġ fuq il-bankina, kien hemm ftit ħaxix ħażin u dan tneħħa.
Jista’ l-Prim Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-bajja ż-żgħira li hemm f’Tax-Xama’, ħdejn l-iskola ta’ San Pawl il-Baħar, issir aċċessibbli u jiġi assigurat li jitneħħa kull periklu li jeżisti preżentement? Peress li fil-passat intqal iktar minn darba li l-bajja ser tkun ‘replenished’ bir-ramel, jista’ jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-pjanijiet għal dawn l-inħawi?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jara li l-bollards matul il-front kollu ta’ San Pawl il-Baħar jiġu miżbugħa kif kien isir fil-passat? Jista’ jara wkoll li jkun hemm koordinazzjoni ma’ ministeri oħra fit-twettiq ta’dan ix-xogħol?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.