Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont tad-drenaġġ li qed joriġina mil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar u li jitwassal sal-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ fl-inħawi taċ-Ċumnija fil-Mellieħa? Tista’ tgħid ukoll kif inbidel dan l-ammont, bejn l-2020 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, kif diġà ġie spjegat fi tweġibiet parlamentari li ngħataw, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tittratta d-drenaġġ kollu li jasal għandha. B’referenza għall-mistoqsija li qiegħda ssir, il-Korporazzjoni ma żżommx tali informazzjoni fuq livell ta’ distribuzzjoni/netwerk ta’ drenaġġ. Dan għaliex id-drenaġġ kollu min kull raħal u belt fil-pajjiż jitwassal fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ u produzzjoni ta’ New Water.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ser ikun assigurat li l-preżenza tal-Pulizija ser tkun iktar b’saħħitha fil-perjodu tas-sajf meta l-attivitajiet, u l-persuni fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar jiżdiedu sostanzjalment?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għal tweġiba parlamentari 28276.
Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li l-Wasteserv terġa’ tibda tipprovdi l-boroż li jintużaw għall-ġbir tal-iskart organiku (organic waste) lill-kunsilli lokali, peress li ilhom ma jitqassmu għal diversi ġimgħat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li offerta li nħarġet għax-xiri ta’ boroż organiċi, kellha tiġi kanċellata minħabba li l-kampjuni ttestjati ma kinux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet mitluba. Wara l-kanċellazzjoni, Wasteserv immedjatament bdiet taħdem fuq tender ġdid li bħalissa tinsab fis-suq. Ladarba l-offerti jiġu evalwati u jkun hemm offerta konformi, l-boroż organiċi jerġgħu jibdew jitqassmu lill-Kunsilli Lokali.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid liema huma l-bajjiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll taħt liema Ministeru jaqgħu l-bajjiet l-oħra u x’koordinazzjoni ssir bejn il-Ministeri differenti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bejn l-ewwel ta’ Ġunju u l-aħħar ta’ Settembru, timmaniġja żewġ bajjiet li għandhom l-istatus ta’ Blue Flag fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar.
Dawn il-bajjiet huma Qawra Point (Fra Ben) u Buġibba Perched Beach.
Matul is-sena, u b’mod speċjali f’dawn ix-xhur tas-Sajf, issir koordinazzjoni kontinwa ma’ entitajiet oħra bħall-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi (TZRA), sabiex tiġi installata l-infrastruttura meħtieġa fuq dawn il-bajjiet.
Il-kumplament tal-kosta taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill lokali b’ċertu servizzi bħal tindif, ġbir ta’ skart u aċċessibiltà jingħataw mid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni (CMD).
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema xogħol hu mistenni li jsir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fl-inħawi tal-Miżieb, fix-xhur li ġejjin? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni jinbeda u meta hu mistenni li jintemm dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha pjan biex jitkompla x-xogħol minn fejn spiċċa l-asfalt li ngħata ġdid f’direzzjoni lejn il-Miżieb pumping station. Dan huwa proġett estensiv li jirrigwarda l-ilma potabbli u li hu neċessarju biex ilaħħaq mad-domanda u jassigura volumi adekwati għall-futur.
Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex jitnaddaf il-monument ta’ Kennedy, ġewwa Kennedy Grove, u fejn meħtieġ, jissewwew xi ħsarat li jista’ jkun għandu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tindif tal-monument ta’ Kennedy li jinsab ġewwa Kennedy Grove, isir perjodikalment skont il-ħtieġa. Ambjent Malta wettqet intervent estensiv fl-2022 fir-rigward ta’ tiswijiet fuq il-ħsarat li kellu dan il-monument inkluż xogħlijiet oħra ta’ restawr. Mandankollu, peress li dan huwa espost għall-elementi, qed jiġu ppjanati interventi simili ta’ manutenzjoni fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma d-djar residenzjali li huma speċifikament għal persuni anzjani b’diżabilità?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-dħul fid-djar residenzjali tal-anzjani ma jiġix limitat abbażi ta’ diżabilità, iżda l-evalwazzjoni ssir skont il-bżonnijiet mediċi speċifiċi ta’ kull individwu. Dan il-proċess isir sabiex tiġi identifikata d-dar tal-anzjani l-aktar adatta li tista’ toffri l-kura u l-appoġġ meħtieġa b’mod effettiv, skont il-ħtiġijiet tal-persuna. Barra minn hekk, d-djar residenzjali għall-anzjani huma kollha aċċessibbli, u l-kundizzjoni tal-persuna, tiġi indirizzata skont il-pjan ta’ kura personalizzat, li jiġi vvalutat kemm fil-mument tal-applikazzjoni kif ukoll meta jkun hemm tibdil fl-istat ta’ saħħa.
L-Awtorita tal-Ippjanar — Ħlasijiet miġbura b’rabta ma’ żviluppi infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jikkunsidra l-possibbiltà li l-fondi li l-Awtorità tal-Ippjanar tiġbor u li tkun ġabret matul is-snin bħala riżultat tal-ħlasijiet b’rabta ma’ żviluppi differenti, jibdew jintużaw għal żviluppi infrastrutturali differenti, fosthom għat-toroq u l-bankini fil-lokalitajiet li minnhom ikunu nġabru dawn il-fondi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar tiġbor fondi relatati mal-iżvilupp permezz tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp, skont il-linji gwida stipulati fiċ-Ċirkulari PA 1/22 li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-għan prinċipali ta’ dan il-fond huwa li jiffinanzja interventi fiżiċi li jtejbu s-sostenibbiltà u l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet, b’enfasi fuq proġetti ta’ embellishment u infrastruttura ħadra u blu (Green and Blue Infrastructure).
Ministeru għat-Turiżmu — Ħlas ta’ €0.50 għal kull lejl
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kif il-Ministeru għat-Turiżmu qed jagħti s-sehem tiegħu biex jintefqu l-fondi miġbura mill-ħlas ta’ €0.50 għal kull lejl li persuna tħallas meta toqgħod f’residenzi turistiċi? Jista’ jgħid ukoll liema kienu l-proġetti proposti mill-Ministeru jew mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) li ġew iffinanzjati minn dawn il-fondi?
San Pawl il-Baħar — Permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess inħareġ mill-Awtorità tal-Ippjanar f’San Pawl il-Baħar matul is-snin 2024 u 2025, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Minn dawn il-permessi, kemm minnhom huma għall-bini ta’ djar/appartamenti residenzjali, maqsuma separatament? Jista’ jgħid ukoll kemm-il unit ta’ kamra waħda (one-bedroom), ta’ żewġt ikmamar (two-bedroom) u ta’ tliet ikmamar (three-bedroom) inħareġ il-permess għalihom, f’dan il-perjodu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni disponibbli li tkopri bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u t-2 ta’ Ġunju 2025, inħarġu 466 permess ta’ żvilupp.
L-istess figuri jinkludu l-permessi għal kull tip ta’ applikazzjoni, sew għal-binjiet ġodda kif ukoll applikazzjonijiet għal tibdil jew tnaqqis jew żidiet għal binjiet eżistenti jew bdil fl-użu ta’ strutturi eżistenti; u jinkludu applikazzjonijiet għal permessi sħaħ (Full), permessi dwar il-mertu (Outline), li permezz tagħhom ma jista’ jsir ebda żvilupp, kif ukoll permessi għal tiġdid (Renewal).
L-Awtorità, iżda, ma żżommx statistika dwar in-numru ta’ kmamar tas-sodda li jiġu approvati.
Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi — Ħaddiema fuq barra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fuq barra, fi gradi differenti, li qed jaħdmu mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi preżentement? Jista’ jgħid ukoll f’liema distretti tad-dipartiment qed jaħdmu dawn il-ħaddiema, u liema xogħlijiet qed iwettqu?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi għandu 340 ħaddiem li jaħdmu fuq barra. 146 minn dawn il-ħaddiem jaħdmu fid-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Proġetti li għandu uffiċċji distrettwali f’dawn il-lokalitajiet: il-Mellieħa, ir-Rabat, Pembroke, Ħal Lija, Kordin u Ħal Kirkop u jwettqu xogħlijiet bħal bini ta’ bankini u ħitan, tikħil, tibjid u tqegħid ta’ madum fost l-oħrajn.
L-Imġarr, Malta — Spezzjonijiet mill-ERA rigward rimi ta’ skart u żiebel
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm saru inspections mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari għal dak li jikkonċerna skart barra meta mhux suppost u ksur ieħor marbut mar-rimi taż-żibel, fl-Imġarr, Malta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 28588.
In-Naxxar — Spezzjonijiet mill-ERA rigward rimi ta’ skart u żiebel
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm saru inspections mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari għal dak li jikkonċerna skart barra meta mhux suppost u ksur ieħor marbut mar-rimi taż-żibel, fin-Naxxar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 28589.
Kunsilli lokali — Devoluzzjoni ta’ art/proprjetà - Talbiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28558 u jgħid jekk hemmx kunsilli lokali li għandhom talbiet pendenti mal-Awtorità tal-Artijiet relatati ma’ devoluzzjoni ta’ art jew proprjetà oħra? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-kunsilli lokali li għandhom tali talbiet pendenti u f’kull każ, x’inhi l-proprjetà li għaliha qed tintalab id-devoluzzjoni u kemm ilha pendenti l-iktar talba għal tali devoluzzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li hemm 3 talbiet biss pendenti għal devoluzzjoni.
Kirkop – talba għal art biex tinbena old people’s home u spazji miftuħa. Applikazzjoni daħlet f’Jannar 2025.
Mqabba – talba għal plot of land sabiex tiġi konvertita fi spazju miftuħ u parking taħt l-art. Applikazzjoni daħlet f’Marzu 2025.
Ħaż-Żebbuġ – area ta’ art mitluqa mal-ftuħ ta’ triq ġdida, sabiex tiġi embellished. Applikazzjoni daħlet f’Marzu 2025.
Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex issa li l-akwedott tax-Xemxija (fit-triq li twassal lejn Għajn Tuffieħa) ġie skedat mill-Awtorità tal-Ippjanar, jiġi wkoll restawrat?
Response (BONNICI, OWEN)
F’dan l-istadju, minħabba prijoritajiet ta’ proġetti ta’ restawr fuq bini storiku ieħor skedat ukoll, m’hemmx pjanijiet għar-restawr tal-akwedott tax-Xemxija mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex Heritage Malta jew xi awtorità oħra li tieħu ħsieb il-wirt nazzjonali, fil-fatt tagħmel l-investiment neċessarju fir-restawr u l-ħarsien tax-Xemxija Heritage Trail, u dan biex l-inħawi jiġu protetti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li, minkejja li l-imsemmi Xemxija Heritage Trail jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, li l-Kunsill kien ikkomunika ma’ Heritage Malta sabiex tassisti lill-Kunsill biex jiġu identifikati l-interventi meħtieġa, kif ukoll sabiex ikun hemm kollaborazzjoni biex l-inħawi jiġu protetti. Huwa mistenni li fi żmien qasir ikomplu d-diskussjonijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar it-tqegħid ta’ CCTV cameras fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar (l-inħawi kollha li jaqgħu taħt il-Kunsill Lokali) wara li l-Ministru ħabbar dan l-investiment meta kien qed iniedi l-programm ta’ cameras f’San Ġiljan?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar se jsir fil-ġimgħat li ġejjin, u qed isegwi l-inizjattiva simili li diġà bdiet f’San Ġiljan.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn min tikkonsisti l-organizzazzjoni magħrufa bħala Riżorsi Agrikoli Malta li għadha kif iffirmat ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet? Jista' jgħid ukoll minn fejn topera din l-organizzazzjoni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-organizzazzjoni magħrufa bħala Riżorsi Agrikoli Malta (RAM), hija mmexxija min minn Kap Eżekuttiv u Bord ta’ Gvernaturi skond il-leġislazzjoni sussidjarja (SL 595.48) li tistabbilixxi l-Aġenzija. Hija topera minn go struttura approvata mill-uffiċini tagħha ġewwa l-Marsa.
Riżorsi Agrikoli Malta — Artijiet agrikoli identifikati mill-Awtorità tal-Artijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema artijiet agrikoli ġew identifikati mill-Awtorità tal-Artijiet biex ikunu jistgħu jgħaddu lil Riżorsi Agrikoli Malta? Jista' jgħid ukoll f’liema lokalitajiet jinsabu dawn l-artijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa għaddejin diskussjonijiet bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta għadhom għaddejjin.