Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – Slielem tal-baħar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti tagħrif dwar kemm slielem tal-baħar twaħħlu minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar din is-sena? Jista’ jgħid ukoll fejn tnaqqsu/żdiedu dawn is-slielem din is-sena meta mqabbla mas-slielem tal-baħar li twaħħlu s-sena l-oħra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru/i kkonċernat/i.

San Pawl il-Baħar – Slielem tal-baħar

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm slielem tal-baħar twaħħlu minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha matul il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar din is-sena? Tista’ tgħid ukoll fejn tnaqqsu/żdiedu dawn is-slielem din is-sena meta mqabbla mas-slielem tal-baħar li twaħħlu s-sena l-oħra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 29226.

Il-Mellieħa – Slielem tal-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm slielem tal-baħar twaħħlu minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul il-kosta tal-Mellieħa Malta din is-sena? Jista’ jgħid ukoll fejn tnaqqsu/żdiedu dawn is-slielem din is-sena meta mqabbla mas-slielem tal-baħar li twaħħlu s-sena l-oħra?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-TZRA waħlet slielem, walkways, showers, surveillance towers, bins etc fil-bajjiet li huma Blue Flag u Beaches of Quality bħal Għadira u l-bajjiet ta’ naħa tal-Armier. Fil-postijiet imsemmija, it-TZRA waħħlet sellum wieħed, liema ammont huwa l-istess bħas-sena l-oħra.

Il-Mellieħa – Slielem tal-baħar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti tagħrif dwar kemm slielem tal-baħar twaħħlu minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul il-kosta tal-Mellieħa Malta din is-sena? Jista’ jgħid ukoll fejn tnaqqsu/żdiedu dawn is-slielem din is-sena meta mqabbla mas-slielem tal-baħar li twaħħlu s-sena l-oħra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru/i kkonċernat/i.

L-Iskola tal-Wardija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29137 u jgħid kemm-il persuna riedet tidħol fl-Iskola tal-Wardija fil-bidu tas-sena skolastika 2024-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna ġiet aċċettata biex tkompli l-edukazzjoni tagħha f’din l-iskola, u kemm-il persuna ma ġietx aċċettata?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proċess għadu għaddej.

Il-Kosta ta’ San Pawl il-Baħar — Slielem

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm slielem twaħħlu matul il-Kosta ta’ San Pawl il-Baħar (mill-Qawra sax-Xemxija) matul din is-sena? Billi jidher li minbarra l-ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru, hemm ukoll fergħat oħra ta’ Ministeri oħra li jwaħħlu s-slielem, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’tip ta’ koordinazzjoni ssir ma’ dawn is-sezzjonijiet l-oħra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni tieħu ħsieb tassigura li l-bajjiet Maltin jinżammu fi stat tajjeb u mgħammra bl-għamara tal-baħar kif ikun meħtieġ. Matul il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar, id-Diviżjoni waħħlet total ta’ 50 sellum li huwa l-istess ammont ta’ snin preċedenti. Id-Diviżjoni ghat-Tindif u Manutenzjoni tikkomunika wkoll mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) rigward installazjoni ta’ diversi għamara tal-baħar.

Inġenji tat-tindif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif se jkunu qed jintużaw l-inġenji tat-tindif li nxtraw reċentement mill-Ministeru? Tista’ tgħid ukoll: i. fejn ser jiġu deployed dawn l-inġenji? ii. kemm hu n-numru ta’ inġenji differenti maqsuma skont it-tip partikolari tagħhom? iii. x’koperazzjoni qed issir mal-kunsilli lokali rigward l-użu ta’ dawn l-inġenji?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-inġenji tat-tindif li nxtraw riċentement se jintużaw biex jitnaddfu t-toroq kollha li huma fir-responsabbilitá tal-Gvern ċentrali, kif ukoll, toroq li jinsabu fiż-żoni tal-Kunsilli Lokali li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni qiegħda tidħol f’arranġamenti magħhom biex isir il-knis tat-toroq. Għaldaqstant, l-parti l-kbira tal-inġenji se jkunu qed jintużaw mill-ħaddiema tad-Diżizjoni għat-Tindif u Manutenzjoni fit-tindif tat-toroq arterjali u distributorji. Minbarra dan, hemm numru ta’ inġenji li se jiġu assenjati fil-lokalitajiet fejn isiru l-arranġamenti li semmejt għat-tindif tat-toroq. Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni qiegħda f’diskussjonijiet ma’ diversi Kunsilli Lokali, biex l-istess Kunsilli, ladarba jkunu jixtiequ jibbenfikaw mill-użu ta’ dan il-makkinarju li jaħdem kollu bl-elettriku joffru faċilitajiet ta’ charging u parkeġġ. In-numru ta’ inġenji differenti maqsuma skont it-tip partikolari tagħhom huwa kif ġej: 26 Pedestrian Sweeper, 15 Charriots, 10 Sidewalk Washers, 8 City Sweepers, 6 Medium to large Sweepers, 1 Vacuum & Jetting Bowser, 4 Refuse Collection Vehicles u 5 Waste Compactors.

Bridging the Gap Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet qed tibbenefika mill-‘Bridging the Gap Scheme’ fl-aħħar tas-sena 2024 u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 29229, ninsab infurmat li Matul is-sena 2024, 44 persuna b’dizabilità jew vulnerabbli bdew jipparteċipaw f’din l-iskema. Minnhom 31 temmew l-iskema b’suċċess u 26 minnhom għadhom fl-impjieg. Ukoll fl-aħħar tas-sena 2024 erba’ (4) persuni kienu qed jibbenefikaw mill-iskema tal-Bridging the Gap. Dawn kienu żewġ nisa li l-età tagħhom kienet ta’ wieħed u għoxrin (21) sena u ħamsa u tletin sena (35) sena u żewġt irġiel li l-età tagħhom kienet ta’ tnejn u għoxrin (22) sena u tnejn u ħamsin (52) sena.

Bridging the Gap Scheme — Persuni li qed jibbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet qed tibbenefika mill-‘Bridging the Gap Scheme’ fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li b’din l-iskema, Jobsplus toffri work exposure lil persuni b’diżabilità jew vulnerabbli li għandhom bżonn esperjenza itwal fuq il-post tax-xogħol. Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw allowance fil-ġimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. F’dan il-perjodu min iħaddem ikollu l-opportunità li jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol, b’sapport kontinwu min-naħa ta’ Jobsplus u l-Lino Spiteri Foundation. L-għan aħħari huwa li l-persuna b’diżabilità jew vulnerabbli tiġi impjegata wara l-parteċipazzjoni tagħha f’din l-iskema. Sad-19 ta’ Ġunju 2025, erba’ persuni kienu qed jibbenefikaw mill-iskema Bridging the Gap. Dawn jinkludu żewġ nisa ta’ 27 u 53 sena, kif ukoll żewġ irġiel ta’ 31 u 60 sena.

Bridging the Gap Scheme — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li kellhom l-applikazzjoni tagħhom għall-‘Bridging the Gap Scheme’ li kienet għadha pendenti u kienu għadhom qed jistennew biex jibbenefikaw minn din l-iskema fl-aħħar tas-sena 2024 u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li għall-iskema tal-Bridging the Gap wieħed ma għandux bżonn japplika, dan għaliex il-persuni jiġu identifikati minn Jobsplus f’ħidma ta’ outreach li ssir flimkien mal-Lino Spiteri Foundation. Għalhekk l-iskema hija parti min proċess fejn persuni b’dizabilità jew vulnerabbli qed jiġu offruti s-servizzi provduti minn Jobsplus skont il-bżonnijiet tagħhom.

ERA — Abbużi mir-regolamenti tal-iskart - Infurzar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ uffiċjali ta’ infurzar fuq abbużi mir-regolamenti tal-iskart tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u kif isiru l-ispezzjonijiet kontra l-ksur tal-liġi minn dawn l-uffiċjali? Tista’ tgħid ukoll kemm-il spezzjoni saret f’San Pawl il-Baħar minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm-il persuna ġiet imħarrka matul dan il-perjodu fl-istess lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li taħt l-Att Dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (KAP549), hemm diversi liġijiet sussidjarji li jirregolaw l-iskart u tipi differenti ta’ skart. Il-maġġoranza ta’ dawn ir-regolamenti huma infurzati mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fi ħdan il-Compliance & Enforcement Unit inkluż, per eżempju, siti awtorizzati għat-trattament tal-iskart. Il-konformità ma’ dawn ir-regolamenti ssir wara assessjar ibbażat fuq ir-riskju ambjentali u l-livell ta’ konformità tal-entitajiet awtorizzati skont il-prestazzjoni tagħhom fis-snin passati. Inkwantu tal-liġi rigward ir-Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (L.S.549.40) li, apparti l-ERA, hija infurzata wkoll mill-Pulizija u l-LESA, hemm l-ekwivalenti ta’ 32 uffiċjal ‘full-time’ ingaġġat ma’ kuntrattur privat, wara l-ħruġ ta’ tender pubbliku. It-tqassim tax-xogħol f’dan ir-rigward huwa allokat skont ż-żoni l-iktar propensi li jkollhom nuqqas ta’ konformità u wara konsultazzjoni ma’ Kunsilli Lokali partikolari li jitolbu lill-ERA tassisti f’ċerti żoni jew lokalitajiet. Għall-kumplament tal-informazzjoni mitluba nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 28586 u 28716 li għamlet hi stess.

San Pawl il-Baħar — Żbroff ta’ drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba twasslu rapporti ta’ żbroff ta’ drenaġġ f’San Pawl il-Baħar minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fiż-żmien indikat, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sarulha 97 rapport dwar allegat drenaġġ f’San Pawl il-Baħar, imma kienu 24 każ fejn ħtiġilha tintervjeni biex tiżblokka l-mains tan-network tagħha wara li twaddab fihom materjal minn terzi li mhux permessibbli li jintrema fis-sistema tad-drenaġġ. Filwaqt li jkun hemm każi li jiġu rappurtati aktar minn darba minn individwi differenti, fil-bqija tal-każi irriżulta li ma kienx drenaġġ jew li l-kawża kienet infrastruttura privata.

Il-Mellieħa — Impjant taċ-Ċumnija - New water

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar l-ammont ta’ ‘new water’ li ħareġ mill-impjant taċ-Ċumnija, limiti tal-Mellieħa, bejn Jannar 2024 u l-aħħar ta’ Mejju 2025, maqsuma xahar b’xahar? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dan l-ilma twassal u ntuża f’kull waħda mil-lokalitajiet li fihom qed jitwassal dan l-ilma, u ċjoè; il-Mellieħa, l-Imġarr u San Pawl il-Baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-produzzjoni tan-New Water mill-impjant taċ-Ċumnija kienet ta’ 770,330m3 fis-sena 2024, filwaqt li fis-sena 2025 (sat-12 ta’ Ġunju) kienet ta’ 305,085m3. Din l-informazzjoni tkun tista’ tiġi kkalkulata għal-lokalitajiet imsemmija hekk kif is-sistema tad-dispensers intelliġenti tkun qed tiġi mħaddma fl-intier tagħha.

San Pawl il-Baħar — New water - Tqegħid u installazzjoni tal-mains

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol relatat mat-tqegħid u l-installazzjoni tal-mains tan-‘new water’ fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll kemm iktar bdiewa huwa mistenni li se jibbenefikaw minn dan l-ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-tqegħid u l-installazzjoni tal-mains f’San Pawl il-Baħar min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma huma kompluti. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nitolbu biex jirreferiha lill-Ministeru konċernat.

San Pawl il-Baħar – Manutenzjoni ta’ faċilitajiet għal-logħob tat-tfal

Question

Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-faċilitajiet għal-logħob tat-tfal li hemm fl-inħawi tal-Melita Gardens, f’San Pawl il-Baħar, jiġu mogħtija l-attenzjoni neċessarja, speċjalment issa li l-iskola dalwaqt se tispiċċa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li filwaqt li Ambjent Malta tieħu l-passi neċessarji fuq il-manutenzjoni tal-logħob għat-tfal li jinsabu ġewwa l-Park tas-Salina, kif ukoll fuq tiswijiet li jkun hemm bżonn wara ħsarat jew vandaliżmu li jsirulhom, inħarġet sejħa għall-offerti biex isiru xogħlijiet strutturali ġewwa dan il-park li jinkludu l-installazzjoni ta’ apparat ġdid tal-logħob għat-tfal.

Qasam Turistiku — Rimi ta’ skart

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kif qed jiġi assigurat li l-operaturi fil-qasam turistiku ikollhom arranġamenti biex jiddisponu mill-iskart tagħhom, b’mod partikolari fejn jidħol ir-rimi ta’ ikel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ġbir tal-iskart kummerċjali mhuwiex fil-kompetenza tal-Awtorità tat-Turiżmu. Madanakollu, il-liġi tirrikjedi li “Kull min ikollu liċenzja biex jopera stabbiliment li jipprovdi l-ikel għandu jiżgura li s-swill jinġabar biss minn persuni li jkollhom liċenzja għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti”. Għaldaqstant, l-Awtorità taċċerta ruħha li kull stabbiliment li jissottometti applikazzjoni ġdida jkollu kuntratt ma’ kuntrattur privat li huwa liċenzjat għal dan l-iskop. Dan il-kuntratt jintalab ukoll meta ssir spezzjoni regolari fi stabbilimenti tal-ikel u mhux l-ewwel darba li jsiru eżerċizzji f’żoni speċifiċi għal dan il-għan.

Folidi — Rapporti dwar kontenut ta’ Vitamina D

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru talabx xi studju partikolari dwar il-kontenut ta’ Vitamina D li hu preżenti f’ammont ferm ogħla minn dak indikat bħala preżenti fil-‘Folidi’? Jekk iva, x’irriżulta? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru tali studji?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-awtoritajiet tas-saħħa bagħtu barra minn Malta kampjun tas-suppliment tal-ikel "Folidi" għal testijiet speċjalizzati. Ir-riżultati wrew li l-livell ta’ vitamina D kien ogħla mill-livell indikat fuq it-tikketta tal-prodott. Ittieħdet azzjoni immedjata biex jinġibed lura l-prodott mis-suq u saret komunikazzjoni pubblika biex il-pubbliku ġenerali jiġi avżat sabiex jikkuntattja ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Veleni għal valutazzjoni klinika u segwitu mediku kif kien rakkomandat fl-istqarrija ppubblikata fid-29 ta’ Mejju 2025, li kopja tal-istqarrija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Barra minn hekk, kampjun ieħor tal-istess prodott intbagħat barra minn Malta biex jiġu analizzati l-livelli ta’ aċidu foliku u jodju. Ir-riżultati wrew li l-livel ta’ aċidu foliku u jodju jinsab fil-firxa tal-kejl kif dikjarata.

Vettura li tintuża għall-persuni b’diżabilità — Arja kkundizzjonata

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għaliex il-vettura li d-dettalji tar-reġistrazzjoni tagħha qed jintbagħtu separatament, u li tintuża għat-trasport għall-persuni b’diżabilità, qed topera mingħajr arja kkundizzjonata li taħdem? Jista’ jgħid ukoll kemm ilha ma taħdimx l-arja kkundizzjonata u meta hemm il-ħsieb li jsiru t-tiswijiet neċessarji biex l-arja kkundizzjonata terġa’ tibda taħdem?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-dipartiment inkarigat mill-vetturi fi ħdan Aġenzija Sapport irċieva rapport li hemm diffikultajiet fis-sistema tal-arja kundizzjonata tal-vettura li għaliha saret referenza u ttieħdet azzjoni b’mod immedjat. Infurmata wkoll li b’mod immedjat ġie skedat appuntament għat-tiswija għall-ewwel data disponibbli.

L-Iskola tal-Wardija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna riedet tidħol fl-Iskola tal-Wardija fil-bidu tas-sena skolastika 2024-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna ġiet aċċettata biex tkompli l-edukazzjoni tagħha f’din l-iskola, u kemm-il persuna ma ġietx aċċettata?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Jobsplus — Persuni b’diżabilità - Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskemi ta’ Jobsplus intenzjonati għall-persuni b’diżabilità? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna bbenefikat minn kull waħda minn dawn l-iskemi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lil Onor. Interpellant li Jobsplus flimkien mal-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF) tassisti persuni b'diżabilità, kif ukoll lil min iħaddem biex is-suq tax-xogħol ikun aktar aċċessibbli. Jobsplus tamministra l-proġett VASTE II kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF+) u il-Gvern Malti għall-perjodu 2021-2027. Tabella 1:Persuni b’diżabilità li għamlu użu minn attivitajiet tal-VASTE II sal-aħħar t’April 2025 (persuna b'diżabilità tista tibbenefika minn diversi servizzi taħt dan il-proġett iġifieri persuna tista tidher kemm fl-assessjar tal-persuni b ‘dizabilita’ u job coaching): Servizz Numru ta’ parteċipanti li ibbenefikaw minn kull servizz Assessjar tal-persuni b'diżabilità (OT) 352 Sheltered Employability Training (SET) 86 Job Coaching 524 Tech Camp (taħriġ bażiku fl-ICT) 24 Tabella 2: Persuni b'diżabilità li bdew parteċipazzjoni f’dawn l-iskemi/inizjattivi fl-2024 (minn Jannar sa Diċembru): Skemi/Inizjattivi Numru ta’ parteċipanti għal kull servizz Bridging the Gap 31 LSF Headstart 41 A2E 97 Inċentiv fiskali 259 Kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali 590 Dawn il-miżuri kollha jikkontribwixxu biex in-numru ta’ persuni b’diżabilità f’impjieg jkompli jiżdied.