Kulleġġ Maria Regina — Skolasajf - Studenti li attendew
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ studenti li s-sena li għaddiet attendew Skolasajf f’kull waħda mill-iskejjel tal-Kulleġġ Maria Regina? Jista’ jgħid ukoll kif jitqabbel dan in-numru mal-attendenza fil-ħames snin preċedenti?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena 2025 it-total ta’ studenti li mistennija jattendu Skolasajf fil-Kulleġġ Maria Reġina hu ta’ 2,171. Fir-rigward tas-snin preċedenti l-informazzjoni tinsab hawn taħt;
2024 – 2,111
2023 – 2,172
2022 – 1,960
2021 – 1,652
2020 – 1,128
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi ta’ aċċessibilità tħaddem l-Awtorità tad-Djar f’kollaborazzjoni ma’ soċjetajiet volontarji? Jista’ jgħid ukoll: kemm-il soċjetà volontarja bbenefikat minn tali kollaborazzjoni; liema kienu dawn is-soċjetajiet; għal-liema faċilitajiet ingħataw l-għajnuna, u kemm kien l-ammont li tat l-Awtorità tad-Djar, f’kull każ separatament?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma tħadimx skemi ta’ aċċessibilità b’kollaborazzjoni ma’ soċjetajiet volontarji. L-Awtorità tad-Djar tmexxi żewġ skemi li jindirizzaw l-aċċessibilità: l-iskema għall-persuni b’diżabilità (DIS) u l-iskema għall-installazzjoni ta’ lifts (LFT). Fl-istess waqt, l-Awtorità tad-Djar tirċievi talbiet għal għajnuna finanzjarja mingħand organizzazzjonijiet volontarji u non-governattivi sabiex itejbu l-aċċess għall-ġid tal-komunità.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29142, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-points li minnhom għandhom jingħataw l-ilma l-bdiewa tal-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, hux ser ikunu qed jipprovdu dan l-ilma? Jekk le, kemm fadal points li għad iridu jitqabbdu mas-sistema tan-new water?
Response (DALLI, MIRIAM)
Iva tali points se jkunu qed jipprovdu dan l-ilma.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29142 dwar it-tqegħid u installazzjoni tal-mains tan-new water fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ bdiewa li jużaw ilma tas-sistema tan-new water?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet qed tibbenefika minn job coaching fuq il-post tax-xogħol fl-aħħar tas-sena 2024 u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fl-aħħar tas-sena 2024, mitejn u erbgħa u għoxrin (224) persuna kienu qed jibbenefikaw minn job coaching.
L-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni tinsab fit-tabella t’hawn taħt.
Nisa
Irġiel
Total
16-29
37
51
88
30 - 49
47
61
108
50+
19
9
28
Total
103
121
224
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet qed tibbenefika minn job coaching fuq il-post tax-xogħol fil-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-art li fuqha hemm il-Ġnien Anton Buttigieg fi Triq Parades, f’San Pawl il-Baħar, hijiex proprjetà tal-Gvern? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-site plan li turi l-konfini tal-proprjetà li hija tal-Gvern f’dan il-post?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li tindika li l-propjetà msemmija hija tal-Gvern u l-konfini tal-propjetà li hija tal-gvern bl-aħmar kif mgħoddija lili mil-Lands Authority.
Attachments:Government property at Triq Parades - San Pawl il-Baħar.pdf
San Pawl il-Baħar — Burmarrad - Sqaq Ta’ Ciampra - Sistema tad-drenaġġ u main ġdid tal-ilma
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) hix ser twettaq xogħol ta’ tqegħid ta’ sistema tad-drenaġġ u main ġdid tal-ilma fi Sqaq Ta’ Ciampra, f’Burmarrad, San Pawl il-Baħar? Jekk iva, meta hu mistenni li dan iseħħ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bil-preparamenti u l-proċessi meħtieġa biex jitwettaq tali xogħol.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29141, tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ dispensers intelliġenti li twaħħlu s’issa u kemm għad jonqos li jitwaħħlu/jitħaddmu fil-lokalità tal-Mellieħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-lokalità tal-Mellieħa, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 48 dispenser intelliġenti installati u li qegħdin jaħdmu, filwaqt li 47 dispenser ieħor mistennija jitħaddmu fiż-żmien li ġej.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29141, tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ dispensers intelliġenti li twaħħlu s’issa u kemm għad jonqos li jitwaħħlu/jitħaddmu fil-lokalità tal-Imġarr?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-lokalità tal-Imġarr, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 54 dispenser intelliġenti installati u li qegħdin jaħdmu, filwaqt li 19-il dispenser ieħor mistennija jitħaddmu fiż-żmien li ġej.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29141, tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ dispensers intelliġenti li twaħħlu s’issa u kemm għad jonqos li jitwaħħlu/jitħaddmu fil-lokalità ta’ San Pawl il-Bahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 8 dispensers li mistennija jitħaddmu fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux diġà l-applikazzjonijiet biex studenti jkunu jistgħu jattendu Skolasajf din is-sena? Jekk iva, kemm studenti applikaw biex jattendu l-Iskola ta’ San Pawl il-Baħar u kemm minn dawk li applikaw huma mill-Mellieħa? Jekk l-applikazzjonijiet għadhom ma nfetħux, jista’ jgħid meta hu mistenni li jinfetħu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li s’issa fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar b’kollox daħlu 492 applikazzjoni għall-Skolasajf 2025, infurmat ukoll li 150 applikant minnhom huma mill-Mellieħa.
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm slielem tal-baħar twaħħlu minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha matul il-kosta tal-Mellieħa Malta din is-sena? Tista’ tgħid ukoll fejn tnaqqsu/żdiedu dawn is-slielem din is-sena meta mqabbla mas-slielem tal-baħar li twaħħlu s-sena l-oħra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Bħal kull sena, d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni tagħmel xogħol ta’ manutenzjoni u installazjoni ta’ diversi għamara tal-baħar, fosthom slielem. Matul il-kosta tal-Mellieħa twaħħlu 35 sellum, li huwa l-istess ammont ta’ snin preċedenti.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm slielem tal-baħar twaħħlu minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul il-kosta tal-Imġarr, Malta, din is-sena? Jista’ jgħid ukoll fejn tnaqqsu/żdiedu dawn is-slielem din is-sena meta mqabbla mas-slielem tal-baħar li twaħħlu s-sena l-oħra?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-TZRA waħlet walkways, showers, surveillance towers, bins etc fil-bajjiet li huma Blue Flag u Beaches of Quality fil-Bajja tal-Ġnejna u l-Bajja tal-Mixquqa. F’dawn il-bajjiet ma twaħħlu ebda slielem mit-TZRA.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti tagħrif dwar kemm slielem tal-baħar twaħħlu minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul il-kosta tal-Imġarr, Malta, din is-sena? Jista’ jgħid ukoll fejn tnaqqsu/żdiedu dawn is-slielem din is-sena meta mqabbla mas-slielem tal-baħar li twaħħlu s-sena l-oħra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru/i kkonċernat/i.
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm slielem tal-baħar twaħħlu minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha matul il-kosta tal-Imġarr, Malta, din is-sena? Tista’ tgħid ukoll fejn tnaqqsu/żdiedu dawn is-slielem din is-sena meta mqabbla mas-slielem tal-baħar li twaħħlu s-sena l-oħra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Bħal kull sena, d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni tagħmel xogħol ta’ manutenzjoni u installazjoni ta’ diversi għamara tal-baħar, fosthom slielem. Ġew installati 2 slielem fil-bajja tal-Ġnejna, li huwa l-istess ammont ta’ snin preċedenti.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema nħawi jaqgħu taħt id-distrett taċ-Ċentru tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) fix-Xemxija? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ kollaborazzjoni għandu dan iċ-ċentru ma’ awtoritajiet oħra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-istazzjon tax-Xemxija jirrispondi għal emerġenzi li jseħħu f’dawn l-inħawi: il-Mellieħa, Ċirkewwa, l-Aħrax, Għadira, Selmun, Xemxija, Mosta (Ta’ Żokrija), parti mir-Rabat (Malta), l-Imdina u l-Imtarfa.
F’każ ta’ inċident ta’ natura serja jew fuq skala kbira, l-istazzjon jista’ jirċievi għajnuna minn stazzjonijiet oħra, jew jagħti għajnuna lilhom, skont il-bżonn. Fir-rigward ta’ kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra, dan isir mill-Korp tal-Protezzjoni Ċivili ċentralment, u mhux mill-istazzjon individwali.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Knisja - Tibdil fil-kulur tal-ilma tal-Menqa
Question
Fid-dawl li matul dawn l-aħħar jiem il-kulur tal-ilma fil-Menqa ta’ San Pawl il-Baħar (Triq il-Knisja) sar aħdar skur, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi testijiet partikolari mid-Dipartiment tas-Sanità u jekk iva, x’irriżulta minn dawn it-testijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li uffiċjal mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali investigat u vverifikat każ ta’ żbroff ta’ drenaġġ fil-viċinanza tal-Menqa, San Pawl il-Baħar.
L-investigazzjoni kkonfermat li kien hemm sadd fis-sistema tad-drenaġġ ta’ blokka ta’ appartamenti fil-viċinanzi, li wassal għal żbroff li kien qed jinfirex sal-baħar (Menqa). Dan ġie kkonfermat ukoll permezz tal-użu ta’ sustanza fluorexenti (fluorescein), li wriet li l-ilma kontaminat spiċċa fil-baħar tal-Menqa (żona li mhix klassifikata bħala żona ta’ għawm).
Kampjuni ta’ ilma ttieħdu miż-żona uffiċjali ta’ għawm fil-viċinanzi, u r-riżultati ma ndikawx l-ebda kontaminazzjoni. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda ħtieġa li tingħalaq iż-żona ta’ għawm.
Is-sitwazzjoni ġiet indirizzata fi żmien qasir permezz tal-ftuħ tas-sadd, u l-problema ġiet solvuta.
Bridging the Gap Scheme — Applikazzjonijiet pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom l-applikazzjoni tagħhom għall-‘Bridging the Gap Scheme’ pendenti u għadhom qed jistennew biex jibbenefikaw minn din l-iskema fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lil Onor. Interpellant tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 29230.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm slielem tal-baħar twaħħlu minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar din is-sena? Jista’ jgħid ukoll fejn tnaqqsu/żdiedu dawn is-slielem din is-sena meta mqabbla mas-slielem tal-baħar li twaħħlu s-sena l-oħra?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-TZRA waħlet slielem, walkways, showers, surveillance towers, bins etc fil-bajjiet li huma Blue Flag u Beaches of Quality bħal Qawra Point u Perched Beach. Fil-postijiet imsemmija, it-TZRA waħħlet 5 slielem, liema ammont huwa l-istess bħas-sena l-oħra.