San Pawl il-Baħar – Manutenzjoni ta’ faċilitajiet għal-logħob tat-tfal
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29050 dwar faċilitajiet għal-logħob tat-tfal li hemm fl-inħawi tal-Melita Gardens, (Park tas-Salina) f’San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru tgħid liema xogħlijiet huma inklużi fis-sejħa għall-offerti li nħarġet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sejħa għall-offerti li ħarġet Ambjent Malta għall-Park tas-Salina hemm pjanat interventi biex jinbidel l-apparat kollu tal-logħob għat-tfal li hemm fil-parti ta’ fuq tal-park kif ukoll fil-parti t’isfel magħrufa aħjar bħala Kennedy Grove. Se jinbidlu wkoll it-twapet tas-sigurtà li hemm taħt dan il-logħob kif ukoll l-apparat tal-outdoor gym biex isir kollox ġdid.
Il-Qawra, Is-Salina u San Pawl il-Baħar – Azzjoni dwar storbju minn boat parties
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija ħaditx xi passi partikolari fil-konfront ta’ persuni li qed jorganizzaw boat parties fil-bajjiet tal-Qawra/is-Salina u San Pawl il-Baħar, minħabba storbju li qed jikkawżaw? Jekk iva, x’passi ttieħdu, u xi rriżulta minn dawn il-passi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Pulizija taġixxi dejjem inkluż fuq rapporti li jsiru. Jekk l-Onor. Interpellant għandha dettalji speċifiċi ta’ xi każ, inkun nista’ nivverifika.
Tista’ l-Ministru tgħid kif ser titħaddem is-sistema ta’ ġbir ta’ kontenituri tal-plastik/ħġieġ, għall-persuni li għandhom iktar minn 60 sena jew li għandhom il-blue badge? Tista’ tgħid ukoll min ser ikun qed iħallas għal dan is-servizz u f’liema lokalitajiet ser jitħaddem?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ stqarrija (PR251117) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar it-23 ta’ Ġunju 2025. Inżid ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan is-servizz beda bħal-lum ġimgħa u qed jiġi provdut mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni. Is-servizz huwa bla ħlas għal dawk li jikkwalifikaw, waqt li l-operatur liċenzjat se jkun qed iħallas handling fee għal kull flixkun miġbur.
Jista’ l-Ministru jgħid x’investimenti saru fil-pitkalija f’Ta’ Qali matul din il-leġiżlatura? Jista’ jgħid ukoll fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar u kemm sewa?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija għall-Ikel f’Malta wettqet sensiela ta’ investimenti strateġiċi bil-għan li ssaħħaħ l-operat tagħha, l-infrastruttura u s-servizzi fil-qasam agroalimentari.
Bħala parti mill-Inizjattivi ta’ Trasformazzjoni Diġitali, l-Aġenzija investiet fl-implimentazzjoni ta’ sistemi diġitali biex ittejjeb l-effiċjenza operattiva, b’mod partikolari s-sistema ewlenija tal-Pitkalija, permazz ta’
ilbidwi.gov.mt
,
ixxerrej.gov.mt
u t-tnedija ta’ pjattaforma diġitali għall-ġestjoni tal-iskart tal-ikel (
tarmix.gov.mt
), fost oħrajn. Barra minn hekk, ġew akkwistati kompjuters, softwer u tagħmir periferali biex tissaħħaħ l-integrazzjoni diġitali. Dan l-isforz ta’ diġitalizzazzjoni ammonta għal €153,787.
Fl-istabbiliment ta’ faċilità għall-iskjerar tal-patata, u f’kollaborazzjoni mal-FCCS, inbena bini ddedikat biex jintuża għas-separazzjoni, l-iskjerar u l-ippakkjar tal-patata, bl-għan li tittejjeb il-kategorizzazzjoni, il-kwalità u t-tħejjija tal-prodott. Dan il-proġett kien jammonta għall-investiment ta’ €137,177.
Sar investiment qawwi fit-titjib tal-infrastruttura u tal-binjiet tal-Pitkalija li inkludew titjib ġenerali fil-binjiet eżistenti, fis-sheds u f’bini ieħor sabiex il-faċilitajiet jilħqu standards moderni u jkunu jistgħu jservu b’mod aħjar l-operat kif ukoll l-aspetti amministrattivi. Din il-parti tal-investiment kienet tirrikjedi €695,538.
Biex jiġu appoġġjati l-loġistika u t-tkomplija tal-operat, l-Aġenzija investiet ukoll fix-xiri tal-Kaxxi tal-Pitkalija, b’investiment ta’ €148,126, kif ukoll titjib tad-Depot għall-ħasil tal-kaxxi b’investiment ta’ €82,619.
Barra minn hekk, l-Aġenzija investiet fis-sistemi tas-sorveljanza, kontroll tal-aċċess u ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà b’nefqa ta’ €26,914.
Fl-aħħar nett, inħolqot ħanut għall-Bejgħ ta’ Prodotti Lokali fil-binjiet tal-Aġenzija sabiex tiżdied l-aċċessibilità u l-viżibilità tal-prodotti agrikoli Maltin għall-konsumaturi. Dan l-iżvilupp kien appoġġjat b’investiment ta’ €35,390.
B’mod ġenerali, dawn l-inizjattivi jirriflettu investiment komprensiv lejn il-modernizzazzjoni u l-bini, trasformazzjoni diġitali u kapaċitajiet operattivi, b’total ta’ investiment li jammonta għal €1,279,551.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) hix ser twettaq xi xogħol fl-inħawi tal-Miżieb relatat mal-main tal-ilma tax-xorb? Jekk iva, tista’ tgħid x’inhu dan ix-xogħol u meta mistenni li jinbeda?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed taħdem fuq it-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma prinċipali li se jinkludi xogħlijiet fl-inħawi tal-Miżieb. Bħalissa għaddejjin diversi laqgħat mal-entitajiet konċernati biex jiġi stabbilit meta għandhom jinbdew dawn ix-xogħlijiet.
Benefiċċju Addizzjonali għall-għoli tal-Ħajja – Familji li ser jibbenefikaw
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn liema lokalitajiet huma s-97,500 familja li ser jirċievu l-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja, maqsuma lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn jinkludux familji mhux Maltin? Jekk iva, kemm hemm familji mhux Maltin?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija kif qed tkun preżentata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti fil-Mellieħa li qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni, u jekk dawn in-numri jistgħux jiġu indikati skont il-klassifikazzjoni relattiva?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti n-Naxxar li qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni, u jekk dawn in-numri jistgħux jiġu indikati skont il-klassifikazzjoni relattiva?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti l-Imġarr, Malta li qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni, u jekk dawn in-numri jistgħux jiġu indikati skont il-klassifikazzjoni relattiva?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li ngħataw servizzi mill-berġa ta’ San Pawl il-Baħar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Berġa ta’ San Pawl il-Baħar kienet tintuża mit-Tabib, infermiera u patoloġija tal-lingwa mitkellma sas-sena 2019. Ingħalqet fil-COVID fis-sena 2020 bħall-Bereġ l-oħra kollha. Intużat ukoll fis-sena 2021 biex ingħata l-vaċċin tal-COVID. Sadanittant dawk kollha minn San Pawl il-Baħar li jinħtieġu kwalunkwe servizz tas-saħħa, qegħdin jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, 24 siegħa kuljum.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29051, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kif qed jiġi żgurat li l-operaturi fil-qasam turistiku jkollhom arranġamenti biex jiddisponu mill-iskart tagħhom, b’mod partikolari fejn jidħol ir-rimi ta’ ikel matul it-terminu li jkunu qegħdin joperaw, u jiġi aċċertat li l-iskart ikun verament qed jiġi miġbur minn kuntrattur privat?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 29051, fejn intqal li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tivverifika li l-operaturi jkollhom kuntratt validu ma’ kollettur liċenzjat għal dan il-għan. Aċċertamenti operattivi ta’ kif jintrema l-iskart ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tal-Awtorità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li fl-aħħar tas-sena 2024, kellhom l-applikazzjoni tagħhom għal job coaching fuq il-post tax-xogħol li kienet għadha pendenti u li kienu għadhom qegħdin jistennew biex jibbenefikaw minn din l-iskema? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fl-aħħar tas-sena 2024 ma’ kienx hemm persuni qed jistennew li jingħatalhom is-servizz ta’ job coaching. Dan is-servizz jiġi provdut immedjatament lil kull persuna b’ diżabilta’ matul l-esperjenza fuq post tax-xogħol (work placement) jew impjieg skont il-bżonn tal-individwu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li fil-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kellhom l-applikazzjoni tagħhom għal job coaching fuq il-post tax-xogħol li kienet għadha pendenti u li kienu għadhom qegħdin jistennew biex jibbenefikaw minn din l-iskema? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fil-25 ta’ Ġunju ma kienx hemm persuni qed jistennew li jingħatalhom is-servizz ta’ job coaching. Dan is-servizz jiġi provdut immedjatament lil kull persuna b’diżabilità matul l-esperjenza fuq post tax-xogħol (work placement) jew impjieg skont il-bżonn tal-individwu.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Ħatriet ta’ Heads/Diretturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx appuntati diretturi jew heads ġodda mill-Ministeru tiegħu matul din is-sena? Jekk iva, jista’ jgħid min huma u f’liema pożizzjoni ġew appuntati? Jista’ jgħid ukoll fuq liema kriterji ntgħażlu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru tliet ħatriet ġodda fil-livell ta’ Direttur. Il-kriterji li ntużaw sabiex jiġu magħżula dawn id-diretturi ġew stabbiliti b’mod ċentrali u jaqgħu taħt il-linji gwida tas-SAAC.
Tista’ l-Ministru tgħid liema proġetti ġew jew ser jiġu ffinanzjati mill-qligħ tal-bejgħ ta’ oġġetti mir-reuse centres?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-donazzjonijiet miġbura mir-Reuse Centres se jmorru għal proġetti ambjentali. L-ewwel proġett li se jiġi implimentat b’dawn id-donazzjonijiet huwa l-bini ta’ santwarju fil-landfill riabilitata ta’ Wied Fulija, iż-Żurrieq, biex tinżamm u tiġi protetta l-ispeċi indiġena tan-naħla Maltija, li għandha rwol importanti fid-dakkir u li qed tiffaċċja sfidi ambjentali kbar. Din l-inizjattiva tikkonferma li Wasteserv tkompli tikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti mal-kunsilli lokali dwar nuqqasijiet fil-ġbir tal-iskart fir-Reġjun Tramuntana fis-sena 2024? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni għal kull lokalità tal-istess reġjun?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili.
San Pawl il-Baħar – Persuni li jirċievu xi pensjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti f’San Pawl il-Baħar li qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni, u jekk dawn in-numri jistgħux jiġu indikati skont il-klassifikazzjoni relattiva?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt:
Pensjonijiet
San Pawl il-Baħar
Pensjoni tal-Età mhux Kontributorja
125
Pensjonijiet Kontributorji
2,549
Pensjoni tar-Romol
557
Pensjoni tal-Invalidità
87
Total
3,318
Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva — Re-audit - Rapport
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27943 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27424, dwar rapport ta’ re-audit li ntalab mill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, dwar l-edukazzjoni inklużiva, jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li titlesta l-evalwazzjoni ta’ dan ir-rapport?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sar pjan t'azzjoni filwaqt li bdiet l-implimentazzjoni li qed timxi id f'id mat-tielet pilastru tal-istrateġija tal-Edukazzjoni.
Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva — Re-audit - Rapport - Evalwazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27893, 28049 u 28243 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25666, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-evalwazzjoni tar-rapport tar-re-audit dwar l-edukazzjoni inklussiva li ntalab lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva li kellu jitlesta ‘fix-xhur li ġejjin’ kif imwieġeb fl-istess tweġiba, tlestiex? Jekk tlesta, jista’ jqiegħed kopja tal-istess rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-evalwazzjoni għadha għaddejja.