Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-policy tal-Enemalta għal dak li jikkonċerna t-twaħħil ta’ bozoz ġodda fil-lokalitajiet? Tista’ tgħid ukoll x’jiġri fil-każijiet fejn is-sidien tal-proprjetà, li magħha suppost jitwaħħlu l-lampi pubbliċi, joġġezzjonaw għal tali twaħħil ma’ proprjetà privata?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif spjegajt fit-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 23202, huma l-Kunsilli Lokali li jwaħħlu l-bozoz ġodda fil-lokalitajiet tagħna.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29719 u 30078 u ċjoè: Peress li jidher li l-iskejjel preżenti mhumiex biżżejjed għat-tfal li joqogħdu fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar (partikolarment fejn jikkonċerna l-iskola tal-Qawra), jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li tinbena skola primarja oħra fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, jew li ssir estensjoni tal-iskejjel eżistenti? Jekk dan mhux ippjanat, kif inhu mistenni li tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s’issa għad m’hemmx pjanijiet sabiex tinbena skola primarja ġdida fl-inħawi msemmija.
Tista’ l-Ministru tgħid liema partijiet tal-front, mix-Xemxija sal-Qawra, qed jiġu maħsula dan is-sajf? Tista’ tgħid ukoll kemm-il darba nħaslu l-bankini matul din is-sena? B’mod partikolari, tista’ tgħid kemm-il darba nħaslet il-bankina mix-Xemxija sal-Veċċja?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni għandha programm ta’ rutina biex f’perjodu ta’ ġimgħa, jinħasel ix-xatt kollu mix-Xemxija sal-Qawra. Matul dan is-sajf il-promenade kollu nħasel 15-il darba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm vetturi tneħħew mil-LESA kull xahar matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll minn liema lokalità ġew imneħħija dawn il-vetturi, bl-informazzjoni separata maqsuma għal kull lokalità? Jista’ jgħid ukoll x’isir mill-vetturi li jitneħħew mit-toroq/postijiet oħra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Aġenzija LESA tirmonka vetturi li jkunu qed jostakolaw permessi tal-Kunsilli Lokali. Il-vetturi jiġu rilaxxati lis-sidien tagħhom u F’każ li dawn ma jinġabrux skont il-provvedimenti tal-liġi, l-aġenzija tiddisponi minnhom.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni li tkopri sal-ħmistax ta’ Awwissu, maqsuma għal kull lokalità.
Il-Qawra, is-Salina u San Pawl il-Baħar — Azzjoni dwar storbju minn boat parties
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29863 u jgħid jekk, matul is-sena 2025, il-Pulizija rċevietx rapporti ta’ storbju ġġenerat minn boat parties fil-bajjiet tal-Qawra/is-Salina u San Pawl il-Baħar? Jekk iva, jista’ jgħid kemm-il każ kien hemm u f’liema xahar saru dawn ir-rapporti? Jista’ jgħid ukoll x’azzjoni ttieħdet f’kull każ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li r-risposta sat-22 t’Awwissu 2025 hija fin-negattiv.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29568 u 29861 u jieħu l-passi neċessarji biex partikolarment matul ix-xhur tas-sajf, tkun stazzjonata ambulanza fl-inħawi tax-Xemxija, ħdejn il-Fire Station tal-Protezzjoni Ċivili, biex tkun tista’ tintuża f’każijiet ta’ emerġenza li jinqalgħu spiss?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li kien hemm diskussjoni fir-rigward, dejjem meta ċ-ċirkustanzi jkunu jippermettu.
Triq it-Turisti kantuniera ma’ Triq Ras il-Qawra — Tiswijiet
Question
Tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex fil-kantuniera ta’ Triq it-Turisti ma’ Triq Ras il-Qawra, fejn reċentement infaqa’ main tal-ilma, isiru t-tiswijiet meħtieġa fuq l-istess triq u dan fid-dawl tal-fatt li l-wiċċ tat-triq tħalla bil-konkos u qed ikun perikoluż għall-vetturi li jgħaddu mill-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li waqt xogħlijiet ta’ tiswijiet mill-Enemalta fuq cable fit-triq indikata, intlaqat main tal-ilma. Wara li saru t-tiswijiet neċessarji, kif isir f’każijiet bħal dawn, ix-xogħol jingħalaq bil-konkos qabel isir l-asfalt. Dan il-konkos jieħu madwar 28 ġurnata biex ikun jista’ jilħaq is-saħħa totali tiegħu. Wara dan il-perjodu jsiru t-testijiet neċessarji u wara li jkun hemm ċertifikazzjoni mil-laboratorju jingħata l-asfalt skont il-kundizzjonijiet fil-permessi ta’ Transport Malta.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Pwales – Main tal-ilma
Question
Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-main tal-ilma fi Triq il-Pwales, f'San Pawl il-Baħar jinbidel, peress li qed ikun hemm ħsarat ta’ spiss?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tali proġett diġà jinsab fil-pjanijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
San Pawl il-Baħar — Artijiet tal-Gvern fl-iskema tal-bini
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-artijiet tal-Gvern li jinsabu fl-iskema tal-bini fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tas-siti kkonċernati?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tippreċiża l-mistoqsija tagħha u tispeċifika għal liema sit jew siti qed tirreferi.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li nbdew għall-proġett fiż-żona tas-Simar, Triq il-Pwales, San Pawl il-Baħar u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għal stqarrija (PR251455) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar it-18 ta’ Awwissu 2025, li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-pjanti mitluba huma aċċessibbli minn fuq l-eApps u n-numru tal-applikazzjoni huwa PA/07759/23.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29719 u ċjoè: Peress li jidher li l-iskejjel preżenti mhumiex biżżejjed għat-tfal li joqogħdu fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar (partikolarment fejn jikkonċerna l-iskola tal-Qawra), jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li tinbena skola primarja oħra fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, jew li ssir estensjoni tal-iskejjel eżistenti? Jekk dan mhux ippjanat, kif inhu mistenni li tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Il-Mellieħa — Sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29615 u jgħid kemm kien hemm sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza fl-inħawi tal-Mellieħa (lokalità kollha), minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
San Pawl il-Baħar — Sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29616 u jgħid kemm kien hemm sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29617 u jgħid kemm kien hemm sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza fl-inħawi tan-Naxxar (lokalità kollha), minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’wassal biex partijiet kbar minn San Pawl il-Baħar spiċċaw bla dawl fil-lejl ta’ bejn il-15 u s-16 ta’ Lulju 2025? Peress li għadhom kif saru meded sħaħ ta’ cables ġodda, tista’ tagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jerġgħu jinqalgħu t-toroq biex isiru iktar cables?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li grazzi għax-xogħol estensiv li għamilna biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni f’pajjiżna, f’każ ta’ qtugħ ta’ dawl, il-klijenti jingħataw il-provvista lura f’qasir żmien. Tant hu hekk li fil-każ parikolari msemmi f’din il-mistoqsija parlamentari, l-ewwel klijenti ngħataw l-provvista wara biss 4 minuti. F’San Pawl il-Baħar l-Enemalta poġġiet 18-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art, sar xogħol fuq numru ta’ substations u kabbret iċ-ċentru ta’ distribuzzjoni permezz ta' transformer ta’ 30MVA biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni f’dan il-lokal.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba kien hemm qtugħ ta’ dawl ippjanat (scheduled) f’San Pawl il-Baħar minn Lulju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm-il darba kien hemm qtugħ ta’ dawl mhux ippjanat, f’San Pawl il-Baħar fl-istess perjodu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-qtugħ fil-provvista kien skont ma jiġri f’ċirkostanzi normali, jew minħabba ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien b’mod naturali, jew inkella s-sospensjonijiet tas-servizz kienu ppjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba kien hemm qtugħ ta’ ilma li kien skedat, bejn Lulju 2024 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm kien hemm qtugħ ta’ ilma mhux skedat fl-istess perjodu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qtugħ tal-ilma min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jkun ippjanat għajr għal ħsarat li jinqalgħu li fil-maġġoranza tagħhom ikunu kkawżati minn terzi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm organizzazzjonijiet volontarji u non-governattivi għamlu talbiet mal-Awtorità tad-Djar biex itejbu l-aċċess għall-ġid tal-komunità, minn l-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kif ukoll jindika liema kienu dawn l-għaqdiet li kull sena għamlu dawn it-talbiet?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29567 u jgħid kemm kien in-numru ta’ twelid minn ommijiet ta’ taħt l-għoxrin sena matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena u maqsuma wkoll skont l-età tal-omm?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta' Jannar 2020 u l-aħħar ta’ Diċembru 2024 ġew irreġistrati li twieldu 553 tarbija lill-ommijiet ta’ taħt l-għoxrin sena f’Malta u Għawdex.
It-tabella li turi kemm twieldu lil dawn l-ommijiet, maqsumin sena b’sena u skont l-età tal-omm qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.