Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-popolazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar? Kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess tal-persuna?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt:
Lokalità
Maltin
Barranin
Total
Irġiel
Nisa
Irġiel
Nisa
San Pawl il-Baħar
7,454
7,506
15,795
9,449
40,204
Dawn il-figuri jirreferu għall-aħħar figuri ppubblikati mill-NSO fl-aħħar tas-sena 2024.
Restawr ta’ knejjes u kappelli - Fond għall-Kawżi Ġusti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28163 dwar restawr ta' knejjes u kappelli mill-fond għall-kawżi ġusti, jista' l-Prim Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm minn meta ngħatat it-tweġiba fid-19 ta’ Mejju 2025? Jista’ wkoll jaġġorna l-informazzjoni mitluba sal-aħħar ta’ Settembru 2025?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28162 dwar benefiċjarji mill-fond għall-kawżi ġusti, jista’ l-Prim Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm minn meta ngħatat it-tweġiba fid-19 ta’ Mejju 2025? Jista’ wkoll jaġġorna l-informazzjoni mitluba sal-aħħar ta’ Settembru 2025?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill Onor Interpellanta li fis-seduta 369 fit-23 ta' Lulju 2025 tpoġġa r- rapport awditjat tal-2024.Fir-rigward ir-rapport tal-2025, nirreferi lill-Onor Interpellanta
għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 30654.
Il-Wardija - Skola Dun Manwel Attard - Studenti ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ser tkun qiegħda tidħol għall-ewwel darba fl-Iskola ta Dun Manwel Attard - Resource Centre Wardija, fil-bidu tas-sena skolastika 2025-2026?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li din is-sena, iċ-ċentru tal-Wardija se jilqa’ 114-il student.
San Pawl il-Baħar - Triq il-Pwales - Main tal-ilma
Question
Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex jinbidel il-main tal-ilma fi Triq il-Pwales, f’San Pawl il-Baħar peress li ta’ spiss qed ikun hemm ħsarat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li għadni kemm tajtha l-ġimgħa l-oħra għall-istess mistoqsija bin-numru 30107.
San Pawl il-Baħar - Skema tal-bini fuq artijiet ta-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-artijiet tal-Gvern li jinsabu fl-iskema tal-bini fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tas-siti kkonċernati?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tippreċiża l-mistoqsija tagħha u tispeċifika għal liema art/sit jew artijiet/siti qedha tirreferi.
Issa li nbeda x-xogħol fi Triq il-Pwales fl-inħawi tas-Simar, f’San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru tagħti dettalji dwar fiex jikkonsisti dan il-proġett u tqiegħed kopja tal-pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li għadni kemm tajtha l-ġimgħa l-oħra għall-istess mistoqsija bin-numru 30104.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta’ ilma tad-drenaġġ li twassal sal-impjant taċ-Ċumnija fil-limiti tal-Mellieħa minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Tista’ tgħid ukoll kemm hu maħsub li jkompli jiżdied l-ammont ta’ drenaġġ li jitwassal f’dan l-impjant u kif inhu mistenni li jiġi msaffi u wżat dan l-istess drenaġġ matul iż-żmien li ġej?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kontinwament taħdem u tistinka biex tittratta d-drenaġġ kollu li jidħol fin-network tagħha.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28158 dwar meta ser ikun possibbli li l-bdiewa kollha li qribhom tpoġġew il-mains tan-New Water fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, ikunu jistgħu jagħmlu użu minn dan l-ilma, tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ dispensers li għadhom mhux qed ifornu l-ilma għall-bdiewa tal-inħawi? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li dawn l-istess dispensers ikunu jistgħu jipprovdu dan l-ilma?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn total ta’ 15-il dispenser li ġew installati fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, sebgħa qegħdin jiffunzjonaw u jista’ jagħmel użu minnhom kull bidwi li huwa reġistrat. It-tmienja l-oħra mistennija li jitħaddmu għall-aħħar ta’ din is-sena.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28244 dwar jekk il-Ministeru hux qed jikkunsidra li titkabbar l-Iskola Primarja tal-Qawra, fejn ġie mwieġeb li “f’dan l-istadju din mhux fil-pjanijiet.”, jista’ l-Ministru jgħid kif inhu mistenni li jiġu pprovduti l-faċilitajiet neċessarji għal numru dejjem ikbar ta’ tfal li jattendu din l-iskola? Jista’ jgħid ukoll kemm hu fil-preżent, in-numru ta’ tfal li huma mistennija jibdew is-sena skolastika 2025-2026 f’din l-iskola? Kemm kien in-numru ta’ tfal li għalih kien maħsub u li kien hemm faċilitajiet meta nfetħet l-istess skola ftit tas-snin ilu, u jekk iż-żieda fin-numru ta’ tfal li jattendu din l-iskola kiber ħafna, ifissirx li kellhom jitnaqqsu xi faċilitajiet oħra li kienu maħsuba oriġinarjament?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28244.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28208 dwar kemm ġew irrappurtati atti kriminali fuq persuni b’diżabilità mis-sena 2020, fejn ġie mwieġeb li “s-sistema tal-Pulizija mhix imfassla biex toħloq distinzjoni bejn min għandu diżabbiltà jew le.”, u peress li atti kriminali kontra persuni b’diżabilità huma iktar gravi minn atti kriminali normali, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx ħsieb li tali ċirkostanzi ta’ diżabilità jibdew jiġu reġistrati fir-rapporti li jsiru?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li filwaqt li bħala regola s-sistema elettronika ma tagħmilx distizjoni bejn persuni, dan ma jfissirx li atti lejn persuni b’diżabbiltà, li jien nikkundannahom bl-ikbar qawwa, ma jittieħdux b’serjetà. Fil-fatt tali dettalji jiġu nklużi fl-akkużi meta persuna b’diżabilità tagħmel rapport dwar att kontriha li jkun motivat lejn id-diżabilità tagħha jew ikun att speċifikament kontra persuna minħabba diżabilità tagħha.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena kienx hemm talbiet għal żieda/bdil ta’ swimming zones madwar Malta u Għawdex? Kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu u kemm għadhom pendenti? Xi proċedura trid tintuża biex individwi jkunu jistgħu jagħmlu proposti u jipproponu tali bidliet? Jista’ jgħid ukoll lil liema awtorità għandhom jiġu indirizzati tali talbiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul din is-sena ġew sottomessi sitt talbiet relatati mas-swimmers’ zones. Tlieta ġew milqugħa filwaqt li tlieta oħra għadhom pendenti.
Il-proċedura applikabbli għal individwi jew entitajiet li jixtiequ jipproponu tali bidliet hija li tintbagħat rikjesta formali lill-Awtorità għat-Trasport f’Malta. Din ir-rikjesta tiġi evalwata mid-Dipartiment tal-Yachting and Mooring u, sussegwentement, tiġi diskussa mal-Harbour Master.
Jista’ l-Ministru jgħid xi proċedura trid tintuża biex persuna li tkun tixtieq li jiżdiedu l-faċilitajiet, bħal slielem, bridges, showers u bins ħdejn ix-xtut tagħna, fil-fatt tressaq is-suġġerimenti tagħha għal tali faċilitajiet? Peress li issa wasalna fi tmiem is-sajf, u allura tali żidiet mhux ser ikunu għal din is-sena, jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-postijiet kollha fejn tali faċilitajiet huma installati, biex talbiet għall-futur ikunu jistgħu jittieħdu in konsiderazzjoni għal dawk il-faċilitajiet diġà eżistenti?
Response (BONETT, CHRIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, ninfurmaha li TZRA toffri servizz ta’ ħaddiema lill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu biex jintramaw u jiżżarmaw l-assi tal-bajjiet li huma akkreditati
Blue Flag
jew bajjiet ta’ kwalita’. Kien hemm każijiet fejn it-TZRA installat slielem fil-Mellieħa (fejn Starbucks), San Pawl il-Baħar (is-simenta) u St Peter’s Pool. Saret ukoll walkway taħt it-Torri ta’ Wignacourt.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi għal dak li jikkonċerna l-ftuħ ta’ ċentru tal-Gvern (berġa) li minnha jkunu jistgħu jingħataw is-servizzi li jingħataw fil-lokalitajiet? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm rispons pożittiv meta nħarġu sejħiet ta’ interess biex jiġu pprovduti tali ċentri? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rispons għal dak li jikkonċerna ċentru f’San Pawl il-Baħar? Jekk iva, fiex wasal il-proċess tal-għażla ta’ tali post?
Tista’ l-Ministru tgħid xi proċedura trid tintuża biex toroq li nfetħu reċentement fid-diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, u li għadhom bla dwal pubbliċi, ikollhom dwal pubbliċi installati fihom? Tista’ tgħid ukoll min hu mistenni li jħallas għal dawn id-dwal ġodda?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 30546.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ impjegati ta’ Clean Malta, jew ta’ kuntratturi li għandhom ftehim ma’ Clean Malta, li ġew assenjati biex jagħmlu xogħol mal-kaxxi fejn jitpoġġew il-fliexken, jiġifieri mal-magni tal-BCRS? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn il-ħaddiema huma Maltin u kemm huma ta’ nazzjonalità oħra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni għandha total ta’ 26 impjegat li huma assenjati biex jagħmlu xogħol mal-magni tal-BCRS. Minn dawn il-ħaddiema, 3 huma Maltin u 23 huma ta’ nazzjonalità oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li jkunu qed jispezzjonaw il-lokalitajiet, biex jassiguraw li l-liġijiet dwar ir-rimi tal-iskart ikunu qegħdin jiġu osservati? Tista’ tgħid ukoll:
i. kif inhuma maqsuma fid-diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex;
ii. jekk minbarra l-impjegati tal-istess ERA, hemmx ukoll impjegati tal-kuntratturi, li suppost iwettqu dan ix-xogħol, u jekk iva, kemm hu n-numru ta’ ħaddiema tal-kuntrattur li qegħdin jaħdmu f’dan il-qasam; u
iii. jekk l-istess impjegati, bħalissa għandhomx direttiva li ma jagħtux ċitazzjonijiet lil min jinqabad jikser il-liġi, u dan minħabba xi kwistjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-istess ħaddiema, u jekk iva, kemm ilha din id-direttiva, u fiex waslu d-diskussjonijiet dwarha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtoritá għall Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sal-bidu ta’ Settembru 2025 kellha fi ħdanha 52 uffiċjal tal-Infurzar fejn speċifikament fuq l-infurzar tar-Regolament dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (LS549.40) primarjament isir minn kuntrattur privat li ġie magħżul wara tender pubbliku, fejn fil-preżent għandu 37 uffiċjal li jiġu allokati madwar Malta, Għawdex u Kemmuna skont l-istruzzjonijiet li jingħataw mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) abbażi tal-ħtiġijiet ta’ lokalitajiet differenti, minn osservazzjonjiet li tagħmel l-Awtorità stess u anke minn kollaborazzjoni tal-Kunsilli Reġjonali u Kunsilli Lokali.
L-ERA ġiet notifikata mill-kuntrattur li union partikolari infurmatu b’azzjoni industrijali fuq numru ta’ ħaddiema. Ta’ min jiċċara li l-azzjoni industrijali mhix mal-ERA imma mal-kuntrattur.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru, direttament jew permezz ta’ xi awtorità jew dipartiment li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, ikkunsidrax il-possibbiltà li jitniedu pilot projects għall-installazzjoni ta’ underground bins li jistgħu jintużaw minflok is-sistema eżistenti għal dak li jikkonċerna l-ġbir tal-borża s-sewda, u ta’ boroż oħra jekk ikun il-każ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li sa issa l-organizzazzjonijiet li suppost kellhom jinstallaw bring-in sites (waħda għal kull 2,000 ruħ) għadhom ma għamlux dan? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li dawn l-istallazzjonijiet jitpoġġew fid-diversi lokalitajiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-obbligu tal-installazzjoniji ta’ sett ta’ Bring-in-Sites (BiS) għal kull 2,000 abitant qiegħed fuq il-Kunsilli Lokali nfushom. Sussegwentament, il-Kunsilli rispettivi jidħlu f’arranġament bilaterali ma’ waħda mill-Iskemi (PROs). Hemm numru sinifikanti ta’ Kunsilli li għandhom numru ta’ BiS skont kif mitlub fil-liġi, jew saħansitra iktar u qed iħaddmuhom b’mod tajjeb kemm mil-lat ta’ ndafa u anke mgħammra b’CCTV biex jitnaqqas l-abbuż fir-rimi ta’ skart irregolari u jsir infurzar effettiv.
Hemm ukoll lokalitajiet oħrajn li għal diversi raġunijiet għadhom mhux konformi. Matul dawn l-aħħar snin, l-ERA nediet diskussjonijiet direttament ma’ dawn il-Kunsilli Lokali bil-għan li jottempraw ruħhom mal-obbligi legali u jingħata servizz alternattiv għar-rimi ta’ skart riċiklabbli liċ-ċittadin.