Legislature:
Category:
Reset
Active:

Assistenti Personali - Stennija biex tingħata s-servizz

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna kienet qiegħda tistenna (total ta’ kull fażi ta’ assessjar) li tkun infurmata jekk hix intitolata għas-servizz ta’ assistent personali fl-aħħar tas-sena 2023, fl-aħħar tas-sena 2024 u preżentement?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tirreferi għat- tweġibiet numru PQ13799, PQ20256, PQ22114, PQ23167 u PQ31659.

Assistenti Personali - Persuni li bbenefikaw jew li qegħdin jibbenefikaw

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna bbenefikat mis-servizz ta’ Assistent Personali fis-sena 2023 u kemm kienet l-ispiża totali għal din l-istess sena? Kemm-il persuna bbenefikat mis-servizz ta’ assistent personali fis-sena 2024 u kemm kienet l-ispiża totali għal din l-istess sena? Tista’ tgħid ukoll kemm-il persuna qiegħda tibbenefika mis-servizz ta’ assistent personali preżentement u kemm hi l-ispiża preżentement?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li n-numru ta’ benefiċċjarji tal-Assistenza Personali, kif ukoll l-ispejjeż relatati, huma indikati fit-tabella hawn taħt u mqassma skont is-sena rispettiva: Sena Benefiċċjarji tas-Servizz Spejjeż 2023 383 €2,962,170.21 2024 463 €3,478,648 01/01/2025 – 15/10/2025 567 €3,524,042

Assistenti Personali - Ħlas

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ħlas li qed jingħata mill-Gvern lil dawk li qed jimpjegaw Assistent Personali mal-persuni b’diżabilità?  Tista’ tgħid ukoll kemm hi r-rata fis-siegħa li qiegħda titħallas?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li klijenti li jitolbu servizz għal inqas minn 30 siegħa fil-ġimgħa jitħallsu rata ta’ €9.22 fis-siegħa, li tinkludi l-aġġustament tal-COLA. Min-naħa l-oħra, klijenti li jitolbu aktar minn 30 siegħa fil-ġimgħa huma eliġibbli għal sussidju skont il-kwotazzjoni ppreżentata mill-klijent stess, kif stipulata mill-Assistent Personali magħżul minnu. Il-Bord tal-Assinjar tas-Sussidju, li jopera b’mod awtonomu mill-Aġenzija Sapport, janalizza kull każ, jieħu deċiżjoni skont id-diskrezzjoni tiegħu, u jinforma lill-benefiċjarji dwar l-ammont ta’ sussidju li jkun ġie assenjat. Għaldaqstant, mhux kull każ jirċievi l-istess rata ta’ sussidju.

Assistenti Personali - Riforma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslet ir-riforma tal-Assistenti Personali u meta hu ppjanat li din ir-riforma tiġi konkluża?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li wara li ġew analizzati l-kummenti u l-fehmiet kollha li waslu waqt il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-assistenza personali, ġew abbozzati żewġ liġijiet relatati ma’ dan is-suġġett. Il-bażi ta’ dawn id-dokumenti speċifiċi ser tiġi ppubblikata fil-ġimgħat li ġejjin għall-konsultazzjoni pubblika finali.

Fondazzjoni Lino Spiteri - Bord - Persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istatut tal-Fondazzjoni Lino Spiteri jitlobx li jkun hemm persuni b’diżabilità fost il-membri li jiffurmaw il-Bord ta’ din l-istess Fondazzjoni? Jekk iva, jista’ l-Ministru jikkwota x’jitlob l-istess statut? Jekk le, jista’ l-Ministru jikkonsidra li jkun hemm emenda fl-istatut sabiex persuni b’diżabilità jiffurmaw parti mill-bord tal-Fondazzjoni Lino Spiteri?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22024.

Baġit 2025 - Għajnuna fuq spejjeż ta’ terapiji

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31651 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u tgħid kif qiegħda taħdem l-iskema li ssemmiet fil-Baġit għas-sena 2025 fejn ġenituri li ma jħallsux taxxa jew għax ma jaħdmux, jew għax ikunu fuq benefiċċji soċjali, xorta waħda jingħataw għajnuna fuq spejjeż ta’ terapiji?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fl-2025, l-Iskema ta’ Rifużjoni ta’ Spejjeż għal Terapija ħadet post l-Iskema ta’ Kreditu fuq it-Taxxa marbuta ma’ terapiji. Għaldaqstant, minn din is-sena, l-iskema hija miftuħa għall-ġenituri kollha ta’ tfal b’diżabilità, li huma rreġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, u huma intitolati għal dan il-benefiċċju sal-aħħar jum tas-16-il sena ta’ wliedhom. Il-ġenituri jistgħu jirkupraw direttament l-ispejjeż relatati ma’ sessjonijiet ta’ terapija, anke jekk ma jħallsux taxxa fuq id-dħul. It-terapiji għandhom ikunu pprovduti minn terapisti li għandhom warrant jew liċenzja, kif elenkat fl-iskeda informattiva li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tista’ titniżżel mis-sit elettroniku tal-Kummissjoni. Tajjeb li nfakkru li meta l-Gvern daħħal din l-iskema fl-2023, kien hemm 231 applikazzjoni li bejniethom irċevew €45,131 f’rifużjoni mit-taxxa tad-dħul, b’limitu ta’ €200 għal kull applikazzjoni. Fl-2024, il-Gvern għolla l-limitu għal €500, u kien hemm 395 applikant li bejniethom gawdew minn €180,657 f’rifużjoni. Għas-sena 2025, l-iskema ġiet estiża għall-ġenituri kollha, irrispettivament minn jekk jaħdmux jew iħallsux taxxa fuq id-dħul. Barra minn hekk, il-limitu ġie miżjud għal €750. Sa tmiem it-tielet kwart ta’ din is-sena, kien hemm 335 applikant li bejniethom irċevew €141,639 f’ċekkijiet. Huwa stmat li sal-aħħar tas-sena, il-Kummissjoni tkun ħarġet madwar kwart ta’ miljun ewro f’ċekkijiet. Għas-sena 2026, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità ħabbret li l-iskema se tiġi estiża sabiex tkopri persuni b’diżabilità sa 23 sena. Kif għamilna tul dawn l-aħħar snin, il-limitu tal-għajnuna se jiżdied minn €750 għal €1,000. Dan ifisser li matul perjodu ta’ erba’ snin, il-livell ta’ għajnuna mogħti lil familji Maltin u Għawdxin żdied b’400%.

Salaries and wages - Żieda fl-istima

Question

B’referenza għall-Estimi Finanzjarji għas-sena 2026, Vote 12 Salaries and Wages tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li l-istima żdiedet minn €1,499,308 fl-2025 għal €2,040,617 fl-2026?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li matul din is-sena sar tisħiħ strutturali fil-Ministeru sabiex jitjiebu s-servizzi relatati mal-Inklużjoni soċjali, id-Diżabilità u l-Volontarjat. Dan apparti t-titjib fis-salarji li joħorġu mil-Ftehimiet Kollettivi u Settorjali li ġew ffirmati fl-aħħar xhur u ftehimiet oħra fis-seħħ. B’din l-interpellanza joħroġ biċ-ċar li l-uniku politika tal-Oppożizzjoni, li tifforma parti minnha, hija li tattakka lill-impjegati fis-servizz pubbliku. Infakkarha li f’mistoqsija oħra, f’din il-Kamra, l-Oppożizzjoni diġa fetħet attakk fuq il-ħaddiema Għawdxin u issa, jidher li jridu jattakkaw ż-żidiet fil-pagi lil madwar 33,000 ħaddiem tas-Servizz Pubbliku. Mill-banda l-oħra dan il-Gvern jibqa’ l-uniku garanzija għat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Aġenzija Sapport - Djar fil-komunità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il dar fil-komunità mmexxija mill-Aġenzija Sapport infetħu matul din il-leġiżlatura? Tista’ tgħid ukoll fejn jinsabu u meta nfetħu?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-aħħar dar fil-komunità li nfetħet mill- Aġenzija Sapport kienet ir-residenza taż-Żurrieq fl-2022. Minn dak iż-żmien s’issa, l-istrateġija tal-Aġenzija mxiet lejn il-kunċett ta’ deistituzzjonalizzazzjoni, b’hekk fl-2024 ġie inawgurat il-proġett “ĦOLQA” fil-Qrendi li jikkonsisti f’appartamenti li jintużaw għal placements ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk qed jitkompla xogħol biex jiġi varat il-proġett ta’ Kirkop li se jinkludi sular għal placements ta’ tranżizzjoni. Għaddejjin ukoll diskussjonijiet biex numru ta’ persuni li bħalissa jgħixu fl-isptar Monte Karmeli jagħmlu tranżizzjoni għal dar fil-komunità.

San Pawl il-Baħar - Menqa - Parati biex jitniżżlu d-dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31471 u 31593 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u jieħu l-passi neċessarji biex il-parati ta’ ħdejn il-Menqa f’San Pawl il-Baħar, jiġu rranġati biex ikunu jistgħu jintużaw aħjar minn dawk il-persuni li jtellgħu d-dgħajjes tas-sajd tagħhom minn dawk in-naħat?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ttieħdet nota u ser jiġu investigati ċ-ċirkostanzi u jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex is-sit jiġi rranġat kif xieraq.

Malta u Għawdex – Restawr ta’ wirt storiku

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti ta’ restawr għaddejjin bħalissa madwar Malta u Għawdex, u li fihom hemm involut il-Ministeru tiegħu? F’liema lokalitajiet jinsabu l-postijiet li qed jiġu restawrati? Għal kull każ, jista’ jgħid meta nbeda r-restawr u meta hu mistenni li jitlesta? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura li trid tintuża biex xi wirt storiku jiġi restawrat b’għajnuna mill-Ministeru?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-proġetti li qegħdin taħt l-inkarigu tad-Direttorat tar-Restawr u l-Preservazzjoni. Din tinkludi proġetti li tlestew fl-aħħar xahrejn, dawk li bħalissa jinsabu fil-proċess ta’ implimentazzjoni, kif ukoll il-proġetti ppjanat. Ma tinkludix pero progetti ta' restawr li qed tagħmel Heritage Malta fis-siti tagħha li jgħoddu mat-30 oħra. Intant il-proċedura li permezz tagħha id-Dipartiment tar-Restawr u il-Preservazzjoni jikkonsidra talbiet biex xi wirt storiku jiġi restawrat b’għajnuna mill-Ministeru hi l-iSkema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali. Meta tiġi mħabbra din l-iSkema, il-Kunsilli Lokali jistgħu jibgħatu il-proposti tagħhom għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla, skond kriterji stabiliti fil-Linji Gwida tal-iSkema.

Bagħal taż-żunżan

Question

Fid-dawl li din is-sena reġa’ hawn żieda sostanzjali ta’ bagħal taż-żunżan (hornets), jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-Ministeru biex dawn il-hornets jiġu kkontrollati u meqruda? Jista’ jgħid ukoll kif persuna li għandha minn dawn il-hornets fil-proprjetà tagħha jew taf li hemm minnhom f’art/proprjetà pubblika, tkun tista’ tirraporta u x’għajnuna qed tingħata?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet għall-Annimali joffri assistenza teknika lill-bdiewa u r-raħħala sabiex tiġi kkontrollata l-invażjoni ta’ ċertu pesti u mard tal-pjanti u tal-annimali. Peress li l-ispeċi taż-Żunżan Bagħal (Oriental Hornet) tista’ titqies bħala waħda minn dawn, il-bdiewa jistgħu jiksbu pariri dwar il-kontroll ta’ dan il-pesti. Madanakollu, servizz sabiex jitneħħew iż-żunżan bagħal mill-lokalitajiet u postijiet residenzjali għandu jinkiseb minn professjonisti u servizzi privati tal-kontroll tal-pesti.

Jobsplus - Definizzjoni ta' Assistent Personali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22591, tista’ l-Ministru tgħid xi żviluppi kien hemm dwar id-definizzjoni ta’ ‘Assistent Personali’ ma’ Jobsplus?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Att legali dwar ir-riforma tal-Assistenza Personali ser jinkludi id-definizzjoni ta’ ‘Assistent Personali’.

Terapija ta’ tfal b’diżabilità - Kreditu ta’ taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġenitur ibbenefika mill-kreditu tat-taxxa għal terapija ta’ tfal b’diżabilità għal kull sena minn mindu beda jingħata dan il-kreditu? Jista’ jgħid ukoll għal kemm jammonta l-valur ta’ dan il-kreditu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella hawn taħt: Sena Nurmu ta' Persuni Ammont ta' Kreditu 2023 173 36,505 2024 310 144,400

Servizz ta’ assistent personali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni preżentement jistennew risposta dwar jekk hux ser ikunu qegħdin jibbenefikaw jew le mis-servizz ta’ assistent personali? Minn dawn il-persuni, tista’ tgħid ukoll liema hu l-itwal perjodu ta’ stennija minn meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni inizjali?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sal-24 ta’ Ottubru 2025, kien hemm total ta’ 99 applikant adult elenkati fil-lista ta’ stennija għall-assessjar inizjali tas-servizz ta’ Assistent Personali. Din il-lista hija organizzata skont il-prijorità tal-każijiet, u tiġi riveduta mit-tim tal-Personal Budget Assistance Scheme Board (PBAS) perjodikament. Mid-99 applikant adult, 61 ressqu l-applikazzjoni tagħhom fl-2025, filwaqt li 37 applikaw fl-2024. Barra minn hekk, hemm applikant wieħed mill-2023 li għażel li jissospendi temporanjament l-applikazzjoni tiegħu għal raġunijiet personali. Min-naħa l-oħra, bħalissa m’hemm l-ebda lista ta’ stennija ta’ klijenti li qed jistennew li jiġu preżentati quddiem il-Bord għall-assenjar tas-sussidju, peress li l-klijenti kollha li għaddew mill-assessjar inizjali diġà ngħataw appuntament mal-Bord. Għandu jiġi nnotat ukoll li kien hemm 78 applikant minuri għall-Family Assistance Support Scheme (FAS), servizz li huwa distint minn dak tal-Assistenza Personali. Il-klijenti ta’ dan is-servizz jingħataw sussidju li jippermettilhom jimpjegaw persuna ta’ għażla tagħhom sabiex tassisti lill-applikant fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom. Inżid ukoll li matul din is-sena, it-tim għadda minn riforma sabiex ikun allinjat mal-parametri stipulati fir-riforma tal-Personal Budget, bl-għan li jissaħħaħ il-proċess u jitnaqqas il-perjodu ta’ stennija.

L-Awtorità tad-Djar - Skema għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet applikazzjonijiet l-Awtorità tad-Djar għall-iskema għall-persuni b’diżabilità matul is-sena 2025, sabiex jagħmlu r-residenza aċċessibbli? Kemm minn dawn ġew approvati u kemm ġew rifjutati jew għadhom pendenti? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew approvati fondi għal din l-iskema matul l-istess sena?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2025, l-Awtorità tad-Djar irċeviet 888 applikazzjoni taħt l-iskema għall-persuni b’diżabilità. Minnhom, 307 kienu finalizzati, waqt li 386 applikant ieħor jinsab fil-proċess biex jitlestew ix-xogħlijiet approvati. 16-il applikazzjoni kienet invalida, filwaqt li fadal 179 applikazzjoni pendenti. Ninformah ukoll li matul is-sena 2025, taħt din l-iskema, l-Awtorità tad-Djar ħallset l-ammont ta’ €5,941,336.50, waqt li s'issa approvat l-ammont ta’ €5,927,603.

L-Awtorità tad-Djar - Skema għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet applikazzjonijiet l-Awtorità tad-Djar għall-iskema għall-persuni b’diżabilità matul is-sena 2024, sabiex tagħmel ir-residenza aċċessibbli? Kemm minn dawn ġew approvati u kemm ġew rifjutati jew għadhom pendenti? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew approvati fondi għal din l-iskema matul l-istess sena?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2024, l-Awtorità tad-Djar irċeviet 848 applikazzjoni taħt l-iskema għall-persuni b’diżabilità. Minnhom, Infurmat li minnhom 610 kienu finalizzati, waqt li 158 applikant ieħor jinsab fil-proċess biex jitlestew ix-xogħlijiet approvati. 56 applikazzjoni kienet invalida, filwaqt li fadal 24 applikazzjoni pendenti. Ninformah ukoll li matul is-sena 2024, taħt din l-iskema, l-Awtorità tad-Djar ħallset l-ammont ta’ €3,986,653, waqt li approvat l-ammont ta’ €6,527,570

Reġistru tal-qgħad - Persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità fuq ir-reġistru tal-qgħad preżentement u kemm hemm persuni b’diżabilità li preżentement għandhom impjieg? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom jistennew l-opportunità ta’ xogħol dawk li għadhom ma sabux xogħol?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li skont l-aħħar ċifri ppubblikati, f’Mejju 2025, in-numru ta’ persuni b’diżabilità li kienu fl-impjieg kien ta’ 5,668.  Minnhom, 4,215 persuna kienu jaħdmu full-time filwaqt li 453 persuna kienu jaħdmu part-time. Dan b’differenza li f’Diċembru 2012, in-numru ta’ persuni b’diżabilità li kienu fl-impjieg kien ta’ 1,699.  Minnhom, 1,382 persuna kienu jaħdmu full-time filwaqt li 317 persuna kienu jaħdmu part-time. Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni b'diżabilità li kienu qed jirreġistraw għal xogħol full-time ma’ Jobsplus fl-aħħar ta’ Settembru 2025  kien ta` 194 persuna. Infurmat ukoll li fil-maġġoranza tal-persuni ż-żmien huwa ta’ anqas minn tnax -il xahar.

Djar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il dar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità nfetħu matul din il-leġiżlatura? Tista’ tgħid ukoll: i.            Fejn u meta nfetħu? ii.            Min imexxi dawn id-djar? iii.           Kemm-il persuna hi residenti f’kull waħda minn dawn id-djar?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba numru 31654.

Djar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità – Pjan li jiżdiedu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux mistenni li jkun hemm żieda fin-numru ta’ djar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità? Jekk iva, kemm ser jiżdiedu u fejn hu mistenni li dawn jiżdiedu?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Aġenzija Sapport m'għandhiex il-ħsieb tiftaħ aktar djar ta’ dan it-tip, hekk kif bħalissa qed timplimenta l-istrateġija tad-de-institutionalization hekk kif inhu mistenni minn Artiklu 19 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. Din l-istrateġija tħares lejn il-bżonn li kull persuna tingħata l-appoġġ meħtieġ sabiex tkun tista’ tagħżel b’mod awtonomu fejn tgħix u ma’ min tgħix u għalhekk l-Aġenzija qabdet timplimenta din l-istrateġija biex b’hekk diġà għanda 3 persuni b’diżabilità li għaddejin minn din it-tranżizzjoni.

Djar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm u liema huma d-djar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex? Tista’ tgħid ukoll: i.            Min imexxi dawn id-djar? ii.            Kemm hu n-numru ta’ persuni b’diżabilità li jagħmlu użu minn kull waħda minn dawn id-djar fil-komunità? iii.            Kif inhuma mqassma l-etàjiet ta’ dawn il-persuni (age brackets) u kemm hemm persuni f’kull age bracket? iv.            Kemm huma dawk il-persuni b’diżabilità li qegħdin fuq il-lista ta’ stennija tal-Aġenzija Sapport biex jidħlu f’waħda minn dawn id-djar fil-komunità?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Aġenzija Sapport tmexxi 11-il setup komunitarju (varjetà ta’ djar u blokok ta’ appartamenti) madwar Malta u Għawdex (2 sa 7 residenti għal kull unit) fi ħdan is-servizz residenzjali. B’kollox hemm 49 resident f’dawn ir-residenzi. Dawn jinsabu fir-Rabat (Għawdex), Mtarfa, Pembroke, Kirkop, Marsa, Siġġiewi, Żurrieq, Żabbar, Fgura, Birżebbuġa u Bormla. Taħt is-servizz ta’ tranżizzjoni, l-Aġenzija Sapport tmexxi wkoll 3 appartamenti dedikati għall-placements ta’ tranżizzjoni fil-Qrendi u appartament ieħor għall-għajxien indipendenti f’San Ġwann. Bħalissa hemm 2 residenti jirrisjedu f’dawn l-appartamenti. Permezz ta’ kuntratt bejn l-Aġenzija Sapport u entità privata, hemm 45 persuna li jirrisjedu ġo 3 group homes fil-Mosta, Birgu u Raħal Ġdid. Permezz ta’ PSPs bejn il-Ministeru tal-Inklużjoni u l-Volontarjat u diversi NGOs, hemm group homes f’Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, Fgura u Għajnsielem (15 sa 30 resident f’kull group home) u 10 djar fil-komunità fis-Siġġiewi, Żurrieq, Qawra, Birkirkara, Żejtun, Kalkara u Għajnsielem (3 sa 10 residenti f’kull dar). B’kollox hemm 165 resident f’dawn is-setups. L-etajiet tal-klijenti jvarjaw minn 7 snin għal 87 sena kif indikat hawn taħt: Etajiet Numru 7 sa 20 sena 24 20-40 sena 71 40-60 sena 113 60-87 sena 53 Totali 261 Bħalissa hemm 56 persuna fuq il-lista ta’ stennija għall-placement residenzjali: 26 adulti (ġenerali), 5 minuri (ġenerali) u 25 adulti (ALS).