Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fondi fil-Fond għall-Kawżi Soċjali preżentement u kemm tqassmu flus minn dawn il-fondi matul l-2024 u l-2025, separatament għal kull sena, u f’kull każ jgħid lil min ingħataw? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura li biha persuna tista’ tapplika biex tibbenefika minn dawn il-fondi?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, San Ġiljan u Tas-Sliema – Żieda ta’ Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jkun hemm żieda fin-numru ta’ pulizija li jaqdu d-dmirijiet tagħhom fil-lokalitajiet fejn hemm attività kummerċjali u turistika iktar minn postijiet oħra, bħal San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, San Ġiljan u Tas-Sliema, fost oħrajn?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Korp tal-Pulizija dejjem jara li l-compliment tal-pulizija jkun skont l-esiġenzi tas-servizz u l-intelligence li jkollu l-Korp tal-Pulizija, li jkun ibbażat fuq fatti u esperjenza. Ma’ dan jittieħdu diversi inizjattivi oħra ta’ prevenzjoni u f’dan kollu jkunu involuti diversi taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija u mhux biss dawk allokati fil-lokalità. Dan wassal biex pajjiżna jikseb riżultati bla preċedent fit-tnaqqis ta’ kriminalita fl-ahhar snin u anke Malta ġiet ikklassifikata fit-tnax-il post fid-dinja għall-livell ta’ ordni u sigurtà, skont l-Indiċi tas-Saltna tad-Dritt tal-World Justice Project.
Nirreferi wkoll lill-Onorevoli Interpellant għal tweġibiet parlamentari, 32603 u 32261 li huma fost diversi mistoqsijiet parlamentari li weġibt u li jispjegaw il-ħidma kbira u ffokata li għaddejja mill-korp u r-riżultati li qed jinkisbu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għal clearances mill-Awtorità tal-Artijiet, għal proġetti proposti minn kunsilli lokali li magħhom hemm marbuta applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet u f’kull każ, jgħid meta hu mistenni li l-istess clearances fil-fatt jinħarġu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li LC1 Type C hemm pendenti 25 li huma kollha applikazzjonijiet li daħlu fl-2025 sat-3 ta’ Diċembru 2025. M’hemmx applikazzjoni pendenti li daħlu fi snin preċedenti. L-applikazzjonijiet jiġu pproċessati fi żmien qasir. Sa l-aħħar ta’ din is sena hu mistenni li dawn l-applikazzjonijiet jkunu pproċessati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tnaqqis fl-għoti ta’ injections li jkunu jridu jittieħdu minn tfal żgħar u li suppost huma obbligatorji li jittieħdu? Jekk dan hu l-każ, jista’ jgħid jekk hemmx xi indikazzjoni partikolari dwar x’inhi r-raġuni għal tali tnaqqis? Jista’ jgħid ukoll kemm tfal ingħataw il-vaċċini obbligatorji mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-vaċċini obbligatorji—jiġifieri DTaP-Hib-IPV dożi 1, 2, 3, u 4 żammew rata għolja ta’ tilqim matul is-snin riċenti. Dan jirrifletti l-effettività tal-programm ta’ tilqim ta’ Malta u l-impenn lejn is-saħħa pubblika.
Nieħu din l-opportunità sabiex inħeġġeġ li kull minn għandu l-kustodja ta’ tfal jara li t-tilqim obbligatorji jingħata fil-ħin, għal ġid ta’ l-istess tfal.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Kuntratti kienx involut fil-ħruġ ta’ tenders għar-restawr tal-Palazz ta’ Selmun u jekk iva, jgħid fiex waslet it-tender li ħarġet?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol tad-Dipartiment tal-Kuntratti huwa dak li jissorvelja l-proċess mill-bidu sal-aġġudikazzjoni.
Jidher li t-tender in kwistjoni kien ikkanċellat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, permezz tal-Awtorità tal-Artijiet (Lands Authority), għaddiex il-Palazz ta’ Selmun lil xi entità (privata jew pubblika) oħra u jekk iva, lil min?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq sigurtà tas-Selmun Palace Hotel? Jista’ jgħid ukoll kemm tħallset il-kumpanija Air Malta, meta din ma baqgħetx responsabbli mil-lukanda msemmija?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il studju sar mill-Awtorità tal-Ippjanar jew minn xi awtorità tal-Ippjanar oħra qabilha, għal dak li jikkonċerna l-ispazju li fih hemm il-Fortizza Campbell, f’Selmun, il-Mellieħa u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn l-istudji?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Binja fejn jingħataw is-servizzi tal-counselling - Lift ma jaħdimx
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32294 u jgħid jekk matul din is-sena, kienx hemm ġranet meta l-lift fil-binja fejn jingħataw is-servizzi tal-counselling ma kienx qed jaħdem, tant li rriżulta li kien hemm min kellu jħassar is-sessjoni tiegħu minħabba f’hekk? Jekk iva, meta kienu dawn il-ġranet u x’azzjoni ttieħdet f’kull każ?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika għall-liema binja qed tirreferi.
Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Skemi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-postijiet ta’ importanza storika f’kull lokalità madwar Malta u Għawdex li bbenefikaw minn xi skema tal-Ministeru, jew ta’ xi entità oħra li taqa’ taħt l-istess Ministeru, matul dawn l-aħħar sentejn? Kemm kien il-ħlas li bbenefikaw minnu u fejn jinstabu dawn l-istess binjiet? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li jinħarġu skemi oħra simili għal restawr?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-lista tal-postijiet ta’ importanza storika li bbenefikaw mill-Iskema tal-Kunsilli Lokali maħruġa mir-Restoration and Preservation Department għas-snin 2024 u 2025 u mill-Cottonera Projects and Initiatives Fund – Rehabilitation Opportunities għas-snin 2024 u 2025 kif mgħoddija lili.
Infakkar li l-iskema tar-Restoration and Preservation Department tipprospetta xogħol dirett mill-ħaddiema tad-Dipartiment u mhux ogħti ta’ fondi.
Kemm l-iskema u kemm il-Fond se jerġgħu jinfetħu fi żminijiet differenti matul is-sena 2026.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31872, 32170 u 32290 u jgħid liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li għandhom multi-sensory room? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li ma għandhomx multi-sensory room?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi – Xogħlijiet ta’ restawr u riabilitazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet ta’ restawr jew ta’ riabilitazzjoni mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Liema kienu l-postijiet li bbenefikaw minn dawn ix-xogħlijiet u f’liema lokalità jinstabu? Jista’ wkoll jagħti dettalji tax-xogħol li għaddej preżentement mill-istess dipartiment u f’liema lokalitajiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dwan l-aħħar ħames snin id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għamel ħdax -il proġett ta’ restawr:
Post
Lokalità
Sena
Il-Binja tad-Domus
Ħad-Dingli
2021
Il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija Assunta
Ħad-Dingli
2022
Ir-Ridott ta’ Ximenes fis-Salini
In-Naxxar
2022
Palazzo Xara
Ir-Rabat
2022
Il-Kappella ta’ Santa Marija ta' Duna
Ir-Rabat
2023
Il-Kappella tal-Kunċizzjoni
Ir-Rabat
2023
Il-Mitħna tax-Xarolla
IżŻurrieq
2023
Il-Funtana tal-Iljun fi Triq Sant’Anna
Il-Floriana
2024
Id-Dar Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu
Valletta
2024
Il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija
L-Imqabba
2025
Il-Knisja ta’ San Mark fi Triq Santu Wistin
Ir-Rabat
2525
Bħalissa d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jagħmel dawn ix-xogħlijiet:
Postijiet fejn qed isir ix-xogħol
Lokalità
Blokk A, Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi
Il-Floriana
Blokk B, Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi
Il-Floriana
Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija Assunta
Ħad-Dingli
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ pulizija li ddeċidew li jħallu x-xogħol tagħhom bħala pulizija, f’kull livell, matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li ħallew is-servizz qabel il-25 sena servizz kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid liema modi biex ikun kontrollat il-ħamiem selvaġġ (li qed jikkawża problemi f’diversi lokalitajiet) qed jiġu awtorizzati mill-Kumitat ORNIS, jew xi awtorità oħra li taqa’ taħtu? Jista’ jgħid ukoll kif il-qbid ta’ ħamiem qed ikun ikkontrollat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-irwol tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi mhuwiex li tikkontrolla l-popolazzjoni tal-ħamiem. It-Taqsima tista’ tawtorizza deroga mill-metodi projbiti li huma elenkat f’paragrafi (a) sa (e) ta’ regolament (4) ta’ L.S. 549.42.
(Informazzjoni Addizzjoni: Ara Dokument PL6292 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 418, nhar l-Erbgħa 3 ta' Diċembru 2025)
L-Awtorità tal-Ippjanar - Policies dwar użu ta’ fondi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar biddlitx il-policies tagħha dwar il-mod ta’ kif jistgħu jintużaw il-fondi li jinġabru minħabba n-nuqqas ta’ parkeġġi pprovduti minn binjiet li jkunu qed jinbnew? Jista’ jgħid ukoll kif hu mistenni li policies dwar in-nefqa ta’ dawn il-flus jinbidlu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mod kif jintużaw l-imsemmija fondi huwa direzzjonat miċ-Ċirkulari tal-Awtorita bir-referenza PA Circular 1/22. Din iċ-Ċirkolari hija pubblikata fil-websajt tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.
(Informazzjoni Addizzjoni: Ara Dokument PL6291 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 418, nhar l-Erbgħa 3 ta' Diċembru 2025)
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32235, fejn il-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29707, peress li f’din it-tweġiba l-Ministru qed jispjega x’inhu l-proċess meta persuna tingħata blue badge parking bay, jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-kriterji biex persuna tkun eliġibbli għal blue badge parking bay quddiem ir-residenza tagħha?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija pubblika u tista’ titniżżel flimkien mal-applikazzjoni mill-website ta’ Transport Malta. Kopja tal-iscreenshot tal-website qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), jew xi awtorità oħra li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu, hux se jagħmlu investiment fuq il-Heritage Trail, fix-Xemxija, u dan sabiex flimkien mal-Kunsill Lokali jaraw li jsir apprezzament aħjar tal-wirt li hemm fl-inħawi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għadha kemm stabbiliet kuntatt mas-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar sabiex tiddiskuti l-possibilta’ ta’ għajnuna lill-istess Kunsill rigward il-Heritage Trail tax-Xemxija.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-tliet lokalitajiet li fihom kien hemm l-ikbar ammont ta’ persuni li ġew arrestati fuq bejgħ ta’ droga matul is-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm kien l-ammont ta’ persuni f’kull każ? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu Maltin u kemm kienu barranin f’kull każ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi t-tliet lokalitajiet li fihom kien hemm l-ikbar ammont ta’ persuni li ġew arrestati fuq bejgħ ta’ droga bejn Jannar u sa nofs Novembru 2025 kienu fil-lokalitajiet ta’ San Ġiljan/Paceville, il-Gżira u l-Marsa rispettivament kif jidher fit-tabella.
Lokalita
Numru ta’ persuni arrestati
San Ġiljan/Paceville
45
Gżira
20
Marsa
12
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-tliet lokalitajiet li fihom kien hemm l-ikbar ammont ta’ persuni li ġew arrestati fuq bejgħ ta’ droga matul is-sena 2024 u kemm kien l-ammont f’kull każ? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu Maltin u kemm kienu barranin f’kull każ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi t-tliet lokalitajiet li fihom kien hemm l-ikbar ammont ta’ persuni li ġew arrestati fuq bejgħ ta’ droga fis-sena 2024 kienu fil-lokalitajiet ta’ San Ġiljan/Paceville, San Pawl il-Baħar u l- Marsa rispettivament, kif jidher fit-tabella hawn taħt.
Lokalita
Numru ta’ persuni arrestati
San Ġiljan/Paceville
24
San Pawl il-Baħar
15
Marsa
11
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il child care centre ġdid infetaħ matul is-snin 2024 u 2025 u jaqsam din l-informazzjoni separatament għal kull sena? Jista’ jgħid ukoll fejn infetħu dawn iċ-child care centres?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.