Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar - ERA - Spezzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28586, tista’ l-Ministru tgħid kemm saru iktar spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) minn meta ġiet imwieġba din il-mistoqsija parlamentari sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ twissijiet li nħarġu, u kemm inħarġu ċitazzjonijiet, mit-total ta’ spezzjonijiet li ssemmew fl-istess tweġiba, u mill-ispezzjonijiet li saru minn dakinhar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-1 ta’ Jannar 2024 sat-30 ta’ Novembru 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqet total ta’ 1,082 spezzjoni fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar speċifikament fir-rigward ta’ monitoraġġ għal skart imqiegħed barra meta mhux suppost kif ukoll dwar nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi. Kull spezzjoni tikkonsisti f’shifts ta’ madwar ħames (5) u sitt (6) sigħat ta’ monitoraġġ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm saru spezzjonijiet kull xahar kif ukoll kemm inħarġu twissijiet u multi amministrattivi fl-istess perjodu.

Il-Mellieħa - Dispensers intelliġenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29265, tista’ l-Ministru tgħid jekk is-47 dispensers intelliġenti li kellhom jitwaħħlu, fil-fatt twaħħlux? Tista’ tgħid ukoll f’liema partijiet tal-Mellieħa jinsabu dawn l-istess dispensers u meta huwa mistenni li jitwaħħlu dawk li sa issa għadhom ma twaħħlux?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-ammont indikat f’din il-mistoqsija parlamentari twaħħlu 29 dispenser, biex b’hekk issa fil-lokalità tal-Mellieħa hemm total ta’ 77 dispenser li huma attivi u l-bdiewa diġà qegħdin jagħmlu użu minnhom.  It-18-il dispenser l-oħrajn se jkunu qegħdin jiġu installati fi Triq il-Wilġa (10), Triq il-Biedja (4) u fi trejqa li tagħti għal Triq Għajn Tuffieħa (4).  Dawn għandhom ikunu qed jitħaddmu wkoll fil-ġimgħat li ġejjin.

San Pawl il-Baħar - Burmarrad - Sqaq Ta’ Ċampra - Sistema tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xorb

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29264, dwar servizzi ta’ main ġdid tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xorb fi Sqaq Ta’ Ċampra, f’Burmarrad, San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari minn meta ġiet imwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kważi sitt xhur ilu? Jekk iva, meta hu mistenni jsir ix-xogħol u jekk le, x’qed iżomm milli jkun hemm l-iżviluppi neċessarji?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-preparamenti meħtieġa għat-twettiq tax-xogħol li qed issir referenza għalih jinsabu fl-istadji finali u  tali xogħol mistenni li jibda fl-ewwel kwart tas-sena.

BCRS - Servizz ta’ ġbir minn wara l-bieb

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29862 dwar is-servizz ta’ ġbir minn wara l-bieb tal-BCRS, tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-11-il sit li qed ikunu mmaniġġjati? Tista’ tgħid ukoll jekk mid-data li ngħatat it-tweġiba tal-mistoqsija msemmija sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, żdidux ukoll is-siti li qed jiġu mmaniġġjati? Jekk iva, kemm żdiedu dawn is-siti? Fejn jinsabu s-siti indikati fl-istess tweġiba, u jekk żdiedu fejn huma s-siti li żdiedu? Mil-liema lokalitajiet qed jinġabru l-fliexken, u kemm inġabru sa issa? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm investiment ġdid, u fil-każ kemm sewa, u fuqiex sar? Kemm hu n-numru ta’ persuni bil-blue badge li qed jingħataw dan is-servizz u kif inhuma mifruxa lokalità b’lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif hemm spjegat fit-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 29468, il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni jkunu preżenti fi ħdax-il sit b’domanda għolja għal użu tal-magni tal-BCRS, biex jassistu fiż-żamma ta’ dawn is-siti. Il-ħaddiema qed ikunu f’żewġ hubs f’San Pawl il-Baħar, ir-Rabat (Malta), ix-Xemxija, il-Gżira, Ta’ Xbiex, il-Furjana, il-Belt Valletta, f’San Tumas (Marsaskala), u żewġ hubs oħra f’Tas-Sliema. Is-servizz ta’ ġbir ta’ kontenituri minn wara l-bieb qed jiġi pprovdut fi 32 lokalità differenti u qed jagħmlu użu minnu 3,410 persuna. Ninsab infurmata li l-istatistika li żżomm id-Diviżjoni ma tagħmilx differenza bejn persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u oħrajn li jikkwalifikaw għal din l-iskema bis-saħħa tal-Blue Badge. Minn meta ġie introdott is-servizz fil-bidu ta’ Lulju sa tmiem is-sena li għaddiet, inġabru total ta’ 960,191 kontenitur. Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi kemm inġabru kontenituri minn kull lokalità u l-ammont ta’ klijenti li qed jibbenefikaw mill-iskema.

Awtorità tad-Djar - Skemi ta’ aċċessibiltà - Talbiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 29566 u 29859 fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet volontarji u non-governattivi li għamlu talbiet mal-Awtorità tad-Djar biex itejbu l-aċċess għall-ġid tal-komunità, jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm minn meta twieġbu dawn il-mistoqsijiet parlamentari u kif it-tagħrif mogħti f’dawn il-mistoqsijiet inbidel minn meta ngħataw it-tweġibiet? Jista’ jgħid ukoll liema għaqdiet oħra bbenefikaw, jew talbu li jibbenefikaw mit-30 ta’ Lulju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema talbiet intlaqgħu, liema ġew rifjutati u liema għadhom pendenti?

Response (GALDES, RODERICK)

Nistaqsi lill-Onorevoli Interpellant sabiex tikkjarifika xi trid tfisser fuq żviluppi u tibdil b’referenza għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari 29566 u 29859 fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet volontarji u non-governattivi li għamlu talbiet mal-Awtorità tad-Djar biex itejbu l-aċċess għall-ġid tal-komunità.

San Pawl il-Baħar - Reġistri elettorali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li hemm differenza ta’ 239 vot fir-reġistri elettorali ta’ Ottubru, b’din id-differenza tkun bejn ir-reġistru elettorali għall-Kunsill Lokali u r-reġistru elettorali għall-elezzjoni ġenerali, għal dak li jikkonċerna l-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lil l-Onor Interpellanta , li r-Reġistri Elettorali jinħarġu mill-Kummissjoni Elettorali.  Bħala Korp Kostituzzjonali, l-imsemmi Kummissjoni ma taqa’ taħt id-direzzjoni ta’ ebda Ministru.  Għaldaqstant l-Onor Interpellanta tista’ tqajjem din il-materja direttament mal-Kummissjoni Elettorali.

Skejjel primarji - Multi-sensory rooms

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31872, 32170, 32290, 32675 u 32898 u jgħid liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li għandhom multi-sensory room? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li ma għandhomx multi-sensory room?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Fond għall-Kawżi Soċjali - Fondi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32843 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm hemm fondi fil-Fond għall-Kawżi Soċjali preżentement u kemm tqassmu flus minn dawn il-fondi matul l-2024 u l-2025, separatament għal kull sena, u f’kull każ jgħid lil min ingħataw? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura li biha persuna tista’ tapplika biex tibbenefika minn dawn il-fondi?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill Onor. Interpellanta li fis-seduta 369 fit-23 ta' Lulju 2025 tpoġġa r- rapport awditjat tal- Fond għas-sena 2024. Fir-rigward tar-rapport tal-2025, ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-bidu tas-sena d-dieħla jibda jiġi kkompulat ir-rapport annwali ta’ġestjoni. Ġaladarba jiġi kkompulat ir-rapport, dan jiġi awditjat u jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, kif jiġri kull sena. Il-proċedura biex persuna tista’ tapplika biex tibbenefika minn dawn il-fondi hija billi timla applikazzjoni elettronika fuq dan is-sit: https://opm.gov.mt/en/public-bodies/social-causes-fund/

Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024 - Popolazzjoni Maltija

Question

Billi l-popolazzjoni Maltija, kif irrappurtata fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024, hija ta’ madwar 520,000 ruħ, ferm inqas mill-popolazzjoni attwali, jista’ l-Ministru jgħid kif ser jiġi garantit li l-allokazzjoni lill-kunsilli differenti tiġi kkoreġuta biex tirrifletti l-popolazzjoni preżenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li bħalissa għaddejja analiżi interna dwar il-formula li tirregola l-allokazzjoni finanzjarja għall-Kunsilli Lokali biex jekk hemm bżonn aġġustamenti, dawn ikunu jistgħu isiru.

Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024 - Kunsilli Lokali - Supplementary income

Question

Fid-dawl tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kunsilli lokali għas-sena 2024 li jelenka lista tas-Supplementary Income, fejn filwaqt li xi kunsilli ħadu ammonti kbar, hemm kunsilli oħra li ma ħadu l-ebda fondi supplimentari, jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni għal dan, u jgħid għal liema raġuni, f’kull kunsill individwali ingħataw dawn il-fondi supplimentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għal din il-mistoqsija parlamentari għadha qed tinġabar.

Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024 - Kunsilli Lokali - Finanzjament

Question

Fid-dawl tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024, fejn f’paġna 36 hemm referenza għall-fatt li kumitat imwaqqaf apposta biex jistudja l-formula tal-finanzjament tal-kunsilli lokali, kien ħareġ ir-rapport tiegħu f’Diċembru 2023, iżda baqgħu ma ġewx implimentati, jista’ l-Ministru jgħid x’qed iwassal għal dan id-dewmien? Jista’ wkoll iqiegħed kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Il-Mellieħa – Il-Palazz ta’ Selmun – Trasferiment

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32758 u jgħid jekk il-Ministeru, permezz tal-Awtorità tal-Artijiet (Lands Authority), għaddiex il-Palazz ta’ Selmun lil xi entità (privata jew pubblika) oħra u jekk iva, lil min?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bħala art għadha taħt il-Lands Authority u ma gietx trasferita lil ebda entita’, pero’ nirreferi wkoll għal dak li tħabbar fil-Budget għas-sena 2026 referibbli għall-Proġett ta' Selmun Palace.

Il-Mellieħa – Selmun Palace Hotel – Sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32757 u jgħid kemm intefqu flus fuq sigurtà tas-Selmun Palace Hotel? Jista’ jgħid ukoll kemm tħallset il-kumpanija Air Malta, meta din ma baqgħetx responsabbli mil-lukanda msemmija?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Il-Mellieħa – Fortizza Campbell – Studji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32756 u jgħid kemm-il studju sar mill-Awtorità tal-Ippjanar jew minn xi awtorità tal-Ippjanar oħra qabilha, għal dak li jikkonċerna l-ispazju li fih hemm il-Fortizza Campbell, f’Selmun, il-Mellieħa u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn l-istudji?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli li l-valur storiku, kulturali u ambjentali tal-Forti u l-pajsaġġ tal-madwar ġie rikonoxxut mill-Awtorita’ kif jixdhu d-diversi deċiżjonijiet ta’ skedar li ħadet matul iż-żmien abbażi ta’ evalwazzjoni tal-valuri (heritage significance evaluations) – skedar tal-Forti Campbell fl-1997 (GN8/97), skedar  tal-irdumijiet bħala Area of High Landscape Value fl-1996 (GN400/96, GN903/15, GN168/20) u bħala Area of Ecological Importance ukoll fl-1996 (GN400/96). Il-pajsaġġ madwar il-Forti ġie wkoll protett bħala parti miż-żoni ta’ Natura 2000 (GN1379/16) u din iż-żona hi suġġetta għal Management Plan li sar bejn Ottubru 2012 u Marzu 2014.

Torrijiet ta’ Żmien il-Kavallieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema mit-torrijiet ta’ Żmien il-Kavallieri għadhom taħt l-amministrazzjoni tal-Gvern Ċentrali u f’kull każ, jgħid x’użu qed isir minn dawn it-torrijiet? Fil-każ fejn il-kontroll m’għadux f’idejn il-Gvern, jista’ jgħid min qed jagħmel użu minn dawn it-torrijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Tista’ l-Onorevoli Interpellanta tkun iktar speċifika u tirreferi għal liema torrijiet qed tirreferi, x’tip ta’ torrijiet, u fejn partikolarment.

Tempji tal-Isqorba, Ta’ Ħaġrat u l-Banjijiet Rumani - Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar investiment fuq it-tempji ta’ Skorba, Ta’ Ħaġrat u fuq il-Banjijiet Rumani li hemm fl-inħawi tal-Imġarr? F’kull każ, jista’ jgħid ukoll x’kienu l-interventi u kemm ġew jiswew?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari nru. 25570. Ix-xogħol fi Skorba u Ta’ Ħaġrat baqa’ għaddej kif deskritt f’dik it-tweġiba. Għal dak li jirrigwarda l-Banjijiet Rumani, f’dawn l-aħħar snin tgħattew il-fdalijiet tas-sit b’materjal apposta sabiex jiġu protetti, bħala miżura ta’ konservazzjoni. Sar ukoll studju u applikazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar sabiex jinbidel il-ħajt li jdawwar is-sit. Ix-xogħol kollu jwettaq internament mill-impjegati tal-aġenzija u, għaldaqstant, ma jistax jiġi kkwantifikat, peress li l-ispiża tiegħu tiġi assorbita mill-pagi tal-ħaddiema.

Child care centres ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il child care centre ġdid infetaħ matul is-snin 2024 u 2025 u jaqsam din l-informazzjoni separatament għal kull sena? Jista’ jgħid ukoll fejn infetħu dawn iċ-child care centres?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-snin imsemmija nfetħu 25 ċentru.

ERA - Ħaddiema tal-kuntrattur - Kwistjoni industrijali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kwistjoni industrijali li kien hemm mal-ħaddiema tal-kuntrattur li jaħdmu mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ġietx riżolta? Jekk le, meta hu mistenni li tiġi riżolta, u fejn waslu t-taħdidiet? Jekk iva, tista’ tgħid kemm damet għaddejja l-kwistjoni industrijali, u kemm kien hemm ħaddiema milquta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mhix involuta fil-kwistjoni msemmija peress li din hija materja bejn kuntrattur privat u Union tal-ħaddiema.

Skejjel primarji - Multi-sensory rooms

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31872, 32170, 32290 u 32675 u jgħid liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li għandhom multi-sensory room? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li ma għandhomx multi-sensory room?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Bormla - Akkomodazzjoni soċjali - Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Bormla u x’inhi r-raġuni għaliex ix-xogħol fuq is-service culvert għall-istess binja ilu wieqaf għal diversi xhur? Jista’ wkoll jara li l-aċċess bil-vettura f’din iż-żona jingħata lura mill-aktar fis?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-company announcement li ħarġet Malita Investments p.l.c. fl-4 ta’ Diċembru 2025, fejn ġie kkonfermat li x-xogħlijiet huma temporanjament sospiżi wara review strateġiku. Fl-istess ħin, il-kumpanija tinsab f’diskussjonijiet attivi sabiex tiġi żgurata s-soluzzjoni finanzjarja meħtieġa biex ix-xogħlijiet jerġgħu jibdew, bil-għan li l-proġett jitkompla fl-interess tal-familji li se jibbenefikaw minn din l-akkomodazzjoni soċjali.