B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29263 dwar l-art li fuqha hemm il-Ġnien Anton Buttigieg fi Triq Parades, f’San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet (Lands Authority) tatx permess lil xi entità privata biex tuża partijiet mill-istess sit, peress li jidher li nbena taraġ, li jidher li qed jokkupa parti mill-art indikata bħala proprjetà tal-Gvern? Jekk iva, x’kundizzjonijiet kienu imposti dwar l-użu tal-ispazju mgħoddi lill-privat?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant tikjarifika eżatti għal-liem taraġ qegħda tirreferi
Empowerment Scheme – Persuni li qegħdin jibbenefikaw
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27945, tista’ l-Ministru tgħid kif inbidlu n-numri ta’ benefiċċjarji li qed jibbenefikaw mill-Empowerment Scheme? Tista’ tgħid ukoll x’inhuma l-etajiet ta’ dawn il-persuni u fiex jikkonsisti l-benefiċċju li qed jirċievu?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Iskema tal-Empowerment taħdem b’sistema ta’ applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja fuq ix-xiri ta’ apparat assisstiv jew servizzi ta’ trasport għall-persuni b’diżabilità. Fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-31 ta’ Diċembru 2025, ġie approvat total ta’ 1,204 applikazzjonijiet. Dawn huma mqassma kif muri fit-tabella t’hawn taħt:
0-18-il sena
19-30 sena
31-45 sena
46-65 sena
66+ sena
Total ta’ applikazzjonijiet approvati
55
49
65
199
836
1,204
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29141, tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta’ ‘new water’ li tqassam mill-impjant taċ-Ċumnija, matul l-2025 u kif jitqabbel dan l-ammont ma’ dawk tas-snin preċedenti? Tista’ tgħid ukoll jekk is-sistema tad-dispensers intelliġenti hix qed tiġi mħaddma fl-intier tagħha u kemm ilma tqassam għal kull lokalità servuta b’dan l-ilma?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul l-2025 l-ammont ta’ new water imqassam mill-impjant taċ-Ċumnija kien ta’ 739,605m3. Matul is-sena li għaddiet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet il-qalba għad-dispensers intelliġenti ġodda fejn issa l-ammonti li jutilizzaw il-bdiewa huma kkalkulati skont il-bżonn mill-Ministeru għall-Agrikoltura u għaldaqstant meqjusin ġusti u iktar kontrollati. Dan il-kontroll jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-MAFA fejn jiġi kkalkulat skont il-kobor tal-art maħduma u l-ħsad. Kif ġie spjegat kemm-il darba din hija sistema li qed tiżviluppa u għaldaqstant wieħed jistenna żieda fl-ammonti fiż-żmien li ġej.
San Pawl il-Baħar u x-Xemxija – Mini tad-drenaġġ – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol relatat mal-mina tad-drenaġġ li mill-inħawi tal-Erba’ Mwieżeb twassal sal-inħawi tax-Xemxija, f’San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll kemm hu mistenni li tiġi tiswa din l-istess mina?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġett huwa mmirat li jitlesta din is-sena. L-investiment għal dan il-proġett fit-totalità tiegħu hu stmat li se jammonta għal €6.4 miljun.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – Ittri ta’ twissija u multi amministrattivi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu ittri ta’ twissija u multi amministrattivi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), għal kull lokalità f’ Malta u Għawdex, matul is-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll kif jitqabblu dawn iċ-ċifri, maċ-ċifri tal-2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Mosta – Żbroff regolari tad-drenaġġ
Question
Peress li b’mod regolari fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar, qed ikun hemm żbroff tad-drenaġġ, liema drenaġġ jibqa’ nieżel minn Triq Toni Bajada għall-baħar fl-inħawi tal-Menqa, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il intervent sar mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fuq din il-parti tas-sistema tad-drenaġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li kien hemm erba’ stanzi fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma intervjeniet matul is-sena 2025 u l-każi kollha kienu kkawżati minn blockages. Kif diġà kont infurmajt lill-Onor. Interpellanta permezz ta’ tweġibiet li tajtha għal mistoqsijiet preċedenti, huwa ppjanat li l-mejn tad-drenaġġ fit-triq indikata jiġi rinovat meta jitlesta l-proġett tal-mina tad-drenaġġ, biex parti sostanzjali tal-influss ta’ drenaġġ li bħalissa qed jgħaddi mill-mejn konċernat, jiġi ddevjat għal ġol-mina. Dan il-proġett jifforma parti minn pjan ħolistiku ta' tisħieħ tan-netwerk prinċipali tad-drenaġġ fit-Tramuntanta ta' Malta.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29226 dwar kemm twaħħlu slielem matul il-Kosta ta’ San Pawl il-Baħar (mill-Qawra sax-Xemxija) matul l-2025, tista’ l-Ministru tgħid liema huma s-siti li fihom jitpoġġew l-istess slielem? Peress li matul is-sajf li għadda kien hemm diversi persuni li insistew li hemm postijiet fejn għandhom jiżdiedu slielem ġodda, tikkonsidra li qabel jasal iż-żmien tat-tqegħid tas-slielem qabel is-sajf 2026, jiġi deċiż fejn jistgħu/għandhom jiżdiedu slielem ġodda? Tista’ tara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex is-slielem li jitwaħħlu minn entitajiet oħra, jibdew jitwaħħlu mill-entità li taqa’ taħtha sabiex ikun hemm pjan wieħed għat-tqegħid ta’ dawn is-slielem, kif ukoll tara li għas-sajf li ġej, jiżdiedu l-faċilitajiet li jkunu jistgħu jintużaw minn persuni b’diżabilità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi liema huma s-siti fejn twaħħlu s-slielem mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni matul il-Kosta ta’ San Pawl il-Baħar (mill-Qawra sax-Xemxija).
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull talba għal installazzjoni ta’ slielem ġodda, li ssir uffiċjalment lid-Diviżjoni tiġi evalwata b’mod li jiġi assigurat li tkun konformi mal-ħarsien tas-saħħa u sigurtà tal-post mitlub. Għaldaqstant, mhux kull talba tkun tista’ tiġi akkomodata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Kif diġà spjegajt fit-tweġiba li tajt għall- mistoqsija parlamentari 29226, id-Diviżjoni ghat-Tindif u Manutenzjoni tikkomunika wkoll mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) rigward installazjoni ta’ diversi għamara tal-baħar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29227 dwar inġenji tat-tindif, tista’ l-Ministru tgħid kif intużaw l-inġenji elenkati fl-istess tweġiba? Ma’ liema kunsilli ġie ffirmat ftehim sabiex dan l-apparat jintuża fil-lokalità tagħhom u x’servizzi taw dawn l-inġenji fil-lokalitajiet differenti, maqsuma lokalità b'lokalità? Tista’ tgħid ukoll kemm servizzi ngħataw f’kull waħda mil-lokalitajiet li magħhom sar il-ftehim, u minn liema fondi tħallsu dawn is-servizzi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sa tmiem is-sena 2025, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni ffirmat ftehim, li permezz tiegħu toffri servizzi fil-lokalità rispettiva inkluż bil-makkinarju msemmi, mal-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, Iklin, Kirkop, Luqa, Bormla, Kalkara, Marsa, Marsaskala, Marsaxlokk, Birżebbuġa, Żurrieq, Gżira, Ta’ Xbiex, Rabat, Mtarfa, Santa Venera, Birgu, Mqabba, Qrendi, Gudja, Għaxaq, Mellieħa, Msida, Santa Luċija, Mġarr, Għargħur, Qormi, Isla, San Ġiljan, Sliema, Żejtun, Dingli u Mosta.
Barra minn hekk, id-Diviżjoni jsirulha wkoll talbiet minn Kunsilli Lokali oħrajn għal servizzi ta’ tindif meta jiġu organizzati avvenimenti speċifiċi fil-lokalità tagħhom bħalma huma festi jew attivitajiet oħrajn varji. F’dawn il-każi, kemm -il darba jkun possibbli, d-Diviżjoni toffri s-servizzi tagħha anke bl-apparat imsemmi fejn applikabbli.
Rigward il-kwantità ta’ servizzi li ngħataw f’kull lokalità, dan ma jistax jiġi indikat għaliex fil-każ tal-Kunsilli Lokali li d-Diviżjoni għandha ftehim magħhom, is-servizzi jingħataw fuq bażi kwotidjana (mit-Tnejn sas-Sibt). L-istess Kunsilli ma jħallsu ebda fondi biex jingħataw is-servizzi għajr l-obbligi kuntrattwali stabbiliti. Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li fiha l-informazzjoni dwar l-użu tal-inġenji.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 28718 u 28719, tista’ l-Ministru tgħid kemm żdiedu l-azzjonijiet meħuda mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq ksur ta’ regoli tas-separazzjoni tal-iskart?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-25 ta’ Mejju 2025 sat-30 ta’ Novembru 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma qabdet lil ħadd jikser ir-regoli tas-separazzjoni tal-iskart fil-lokalità tal-Imġarr (Malta) u għaldaqstant ma nħarġet l-ebda multa amministrattiva jew ittra ta’ twissija. Matul l-istess perjodu, fil-lokalità tan-Naxxar, l-ERA ħarġet erba’ ittri ta’ twissija fir-rigward ta’ nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi. Fir-rigward ta’ skart maħruġ barra fil-ġurnata jew il-ħin meta mhux suppost, l-ERA ħarġet multa amministrattiva waħda fin-Naxxar fil-perjodu inkwistjoni.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – Skart fil-parapetti – Passi meħuda
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet li fihom l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħadet passi dixxiplinari kontra persuni li ħallew il-parapetti privati tagħhom mimlija b’kull tip ta’ skart, matul l-2025, fil-lokalitajiet tal-Gżira, tas-Sliema, is-Swieqi, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-Imġarr u n-Naxxar, maqsuma lokalità b'lokalità? Tista’ tgħid ukoll kemm persuni ttellgħu l-qorti jew ġew immultati wara li l-ERA ħadet l-ewwel passi min-naħa tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li, fejn ikun hemm parapetti privati li ma jkunux magħluqin bi grada jew mod ieħor u jkunu direttament aċċessibbli għall-pubbliku, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tieħu miżuri ta’ infurzar, fosthom bi twissijiet uffiċjali kif ukoll multi amministrattivi, kontra l-persuni li jħallu l-parapetti privati tagħhom mimlijin b’tipi differenti ta’ skart direttament għall-pubbliku. Dan isir bil-għan li titnaddaf il-proprjetà u ma jkomplix jiġi attirat rimi ta’ skart ieħor. Id-database tal-Awtorità ma tikklassifikax b’mod separat dawn it-tip ta’ każi, għax dawn jiġu klassifikati taħt twissijiet relatati ma’ skart.
Charging pillars fis-Seba’, l-Għaxar u t-Tnax-il Distrett Elettorali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27999 dwar charging points, tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess ta’ installazzjoni ta’ charging points madwar Malta, u b’mod partikolari tgħid kemm minn dawn iċ-charging points għad iridu jiġu installati fl-Imġarr, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, in-Naxxar u tas-Sliema, separatament għal kull lokalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 32058.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31872, 32170, 32290, 32675, 32898 u 33130 u jgħid liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li għandhom multi-sensory room? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li ma għandhomx multi-sensory room?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024 - Kunsilli Lokali - Supplementary income
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33090 u ċjoè: Fid-dawl tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kunsilli lokali għas-sena 2024 li jelenka lista tas-Supplementary Income, fejn filwaqt li xi kunsilli ħadu ammonti kbar, hemm kunsilli oħra li ma ħadu l-ebda fondi supplimentari, jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni għal dan, u jgħid għal liema raġuni, f’kull kunsill individwali ngħataw dawn il-fondi supplimentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif inġabret mill-Kunsilli rispettivi.
Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024 - Kunsilli Lokali - Finanzjament
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33089 u ċjoè: Fid-dawl tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024, fejn f’paġna 36 hemm referenza għall-fatt li kumitat imwaqqaf apposta biex jistudja l-formula tal-finanzjament tal-kunsilli lokali, kien ħareġ ir-rapport tiegħu f’Diċembru 2023, iżda baqgħu ma ġewx implimentati, jista’ l-Ministru jgħid x’qed iwassal għal dan id-dewmien? Jista’ wkoll iqiegħed kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li r-rapport intern li qed issir referenza għalih ma kienx konklussiv allura ma kienx implimentat. Sadanittant, ġie ikkummissjonat studju ieħor li ser ikun konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Wardija - Dun Manwel Attard Resource Centre - Studenti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31185, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti li bħalissa qegħdin jattendu fl-Iskola Dun Manwel Attard Resource Centre, fil-Wardija u x’età għandhom dawn l-istudenti li qed jattendu f’din l-iskola?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28585, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ prodott agrikolu li ddaħħal fil-Pitkalija iżda ma nbiegħx, matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar? Kemm kien il-prodott agrikolu li ngħata lill-għaqdiet volontarji kif imsemmi fl-istess tweġiba matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar u kemm kien il-prodott li għadda biex isir kompost, matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll jekk il-bidwi li jkun daħħal tali prodott fil-Pitkalija jingħatax l-opportunità li jivverifika li fil-fatt il-prodott li ma jkunx inbiegħ ikun il-prodott tiegħu u mhux ta’ xi bdiewa oħra?
Response (REFALO, ANTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 28585 fir-rigward ta’ prodotti agrikoli li ma jinbiegħux, ngħarraf ukoll li kull bidwi li jirreġistra fis-suq tal-Pitkalija mal-Aġenzija u jwassal il-prodott agrikolu għall-bejgħ fil-Pitkalija, għandu aċċess għall-informazzjoni dwar il-bejgħ u prodotti li mhux mibjugħa li jkun sar tramite il-portal tal-bidwi, magħruf bħala ilbidwi.gov.mt.
San Pawl il-Baħar - Triq Għajn Tuffieħa - Akwadott tax-Xemxija - Xogħol ta’ restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux mistenni li jsir xogħol ta’ restawr fuq l-akwadott tax-Xemxija, fi Triq Għajn Tuffieħa, f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Ministeru għandux ħsieb li joħroġ applikazzjonijiet ġodda għal skop ta’ restawr ta’ siti storiċi bħalma hu dan l-akwadott? Jekk iva, meta hu mistenni li jinħarġu tali applikazzjonijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li dwar l-Akwadott tax-Xemxija, id-Dipartiment m’għandu xejn xi jżid mal-mistoqsija preċedenti fuq is-suġġett PQ 28785. Rigward l-iskema tar-restawr, nirreferu għat-tweġiba ta’ PQ 32519.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32757 u 33050 u jgħid kemm intefqu flus fuq sigurtà tas-Selmun Palace Hotel? Jista’ jgħid ukoll kemm tħallset il-kumpanija Air Malta, meta din ma baqgħetx responsabbli mil-lukanda msemmija?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-24 ta’ April 2016 sal-24 t’April 2025, intefqu €1,399,193.59 (eskluż il-VAT), fuq is-sigurtà tas-Selmun Palace Hotel, il-Palazz ta’ Selmun u l-artijiet tiegħu. Dan kien fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd.
Il-kumpanija Air Malta ħadet kumpens ta’ €10,910,000 meta ma baqgħetx responsabbli mil-lukanda msemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il camera twaħħlet mil-LESA madwar Malta u Għawdex matul l-aħħar sena, kemm twaħħlu f’kull lokalità, u fejn twaħħlu? Jista’ jgħid ukoll ma’ min saret il-konsultazzjoni għal dak li jikkonċerna t-tqegħid ta’ dawn l-istess cameras, x’ser ikun l-użu ta’ dawn il-cameras, u min ser ikollu l-kontroll tal-filmati li ser ikunu qegħdin jinġibdu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kif imħabbar fil-Budget l-Aġenzija LESA qed tinvesti fi proġetti teknoloġiċi, inkluż bl-użu ta’ cameras imqabbdin mal-control room tal-aġenzija u l-Korp tal-Pulizija, sabiex iservu mhux biss ta’ deterrent iżda wkoll ta’ azzjoni kontra l-abbuż u l-azzjonijiet kriminali.
Infurmat li matul is-sena li għaddiet, kif ukoll fil-bidu ta’ din is-sena, l-Aġenzija LESA installat 46 kamera ġewwa San Ġiljan u 31 kamera f’San Pawl il-Bahar. F’din il-lokalità, ix-xogħol għadu għaddej skont il-programm stabbilit mill-Aġenzija, u huwa mistenni li jitwaħħlu madwar 50 kamera oħra f’20 żona oħra.
Ninsab infurmat ukoll li s-siti u ż-żoni fejn ġew installati l-kameras intgħażlu wara ricerka u analiżi li permezz tagħhom ġew identifikati l-aktar żoni sensittivi għall-kriminalit, u saret anke konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali rispettivi, mal-Pulizija fosthom tad-Distrett u tal-Komunità. Dawn il-kameras huma intiżi kemm biex iservu bħala deterrent kif ukoll biex jassistu lill-Pulizija fi kwalunkwe investigazzjoni relatata.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li Malta tpoġġiet ukoll mal-iktar 12-il pajjiż sigur fid-dinja fil-World Justice Project Rule of Law Index. Dan għaliex ittieħdu diversi miżuri ta’ prevenzjoni u preżenza kontinwa fil-komunitajiet. Dan ma jfissirx li nistgħu nistrieħu fuq il-ħidma li saret, anke għaliex illum jeżistu realtajiet ġodda li rridu nindirizzaw bi strateġiji ċari fuq quddiem nett dawk ta’ prevenzjoni.
Awtorità tal-Ippjanar - Applikazzjonijiet għal bini ta’ krematorji
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 31242 (li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva) u 31243, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-krematorji, (li jintużaw fil-każ ta’ kremazzjoni tal-bnedmin) quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar? Kemm applikazzjonijiet għal dan l-iskop ġew deċiżi sa issa, u x’kienet id-deċiżjoni? Jista’ jgħid ukoll fejn jinsabu s-siti marbuta mal-applikazzjonijiet ta’ dawn il-krematorji u skont liema policies qed jiġu kkunsidrati dawn l-istess applikazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra it-tabella mitluba. L-Awtorita’ għandha quddiemha applikazzjoni waħda bi proposta għall-Krematorju bir-referenza PA5280/21, liema sit jinsab barra l-Konfini taċ-Cimiterju tal-Addolorata limiti ta’ Raħal Gdid. Din l-applikazzjoni qegħda tiġi evalwata skont il-“Policy and Design Guidance for the Development of standalone Crematoria, September 2024 (Partial Review of the Cemeteries Policy and Design Guidance 2015)”. Il-lista tinkludi dawk l-applikazzjonijiet li fid-deskrizzjoni tal-iżvilupp provduta mill-Perit tal-każ tinkludi l-kliem ‘crematorium...', ‘krem...' jew cremation...').