B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33139, dwar is-servizz ta’ ġbir minn wara l-bieb tal-BCRS, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu iktar lokalitajiet mat-32 lokalità li fihom qed jiġi pprovdut is-servizz ta’ ġbir ta’ kontenituri minn wara l-bieb? Jekk iva, liema huma l-lokalitajiet li ser jiżdiedu, u meta ser jiżdiedu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan is-servizz se jkun qed jiġi estiż gradwalment mal-pajjiż kollu sal-aħħar tas-sena.
San Pawl il-Baħar - ERA - Multa amministrattivi u ittri ta’ twissija
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33142, dwar spezzjonijiet mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru tgħid meta tinħareġ multa amministrattiva u meta tinħareġ ittra ta’ twissija? Tista’ tgħid ukoll kemm-il multa amministrattiva u ittri ta’ twissija nħarġu f’San Pawl il-Baħar, matul is-snin 2024 u 2025, separatament għal kull triq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, fejn jikkonċerna l-liġi tar-Rimi u s-Separazzjoni tal-Iskart per se, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) toħroġ multa amministrattiva meta:
Persuna tinqabad toħroġ skart mhux skont il-ġurnata stipulata fl-iskeda nazzjonali għall-ġbir tal-iskart.
L-iskart ikun inħareġ f’ħin skorrett.
Persuna tiddepożita skart qrib laned taż-żibel, skips, jew reċipjenti oħra li jinsabu f’post aċċessibbli għall-pubbliku.
L-uffiċjali tal-infurzar isibu dettalji mill-iskart mitfugħ diġà li jwasslu biex jiġi identifikat persuna.
Apparti dan, ittra ta’ twissija uffiċjali tinħareġ meta l-uffiċjali jaraw persuna tiddepożita borża tal-iskart sewda bi skart organiku u/ jew skart riċiklabbli fiha li juri li l-persuna qed tonqos milli tirriċikla l-iskart kif stipulat fil-liġi rispettiva. F’każ li din l-istess persuna tkun diġà nqabdet f’inċident separat toħroġ skart mhux separat b’mod korrett, din tirċievi multa amministrattiva mill-Awtorità mhux ittra ta’ twissija oħra.
Fir-rigward ta’ multi amministrattivi li nħarġu fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar għall-kontravenzjonijiet indikati hawn fuq, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li turi l-multi amministrattivi maħruġin mill-ERA, skont it-triq fejn saret il-kontravenzjoni. Fir-rigward ta’ ittri ta’ twissija, l-ERA ma żżommx lista ta’ toroq, iżda huma klassifikati bil-lokalità. Għaldaqstant, apparti l-multi, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, l-ERA ħarġet 207 ittri ta’ twissija fis-sena 2025 u mija u 114 fis-sena 2024.
Tajjeb infakkar li apparti l-multi u ittri ta’ twissija maħruġa mill-ERA, tali liġi hija nfurzata wkoll mill-LESA u mill-Pulizija.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – Ittri ta’ twissija u multi amministrattivi
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 33169 u tgħid kemm inħarġu ittri ta’ twissija u multi amministrattivi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), għal kull lokalità f’ Malta u Għawdex, matul is-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll kif jitqabblu dawn iċ-ċifri, maċ-ċifri tal-2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet total ta’ 1,206 ittri ta’ twissija uffiċjali u 1,302 multi għad-diversi illegalitajiet ambjentali mwettqa madwar Malta u Għawdex kollha matul l-2024. Matul is-sena 2025, l-Awtorità ħarġet 1,168 ittra ta’ twissija u 1,401 multa amministrattiva.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31872, 32170, 32290, 32675, 32898, 33130 u 33158 u jgħid liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li għandhom multi-sensory room? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li ma għandhomx multi-sensory room?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-multi-sensory rooms jiġu installati skont il-ħtieġa tal-iskola.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il trasferiment ta’ impjegati ngħata fl-Aġenzija Sapport f’dawn l-aħħar xahrejn u jekk għadx baqa’ trasferimenti xi jsiru fil-ġimgħat li ġejjin? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm xi tibdil fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema b’riżultat ta’ dawn it-trasferimenti, u x’kienu r-raġunijiet għaċ-ċaqliq? Dawk l-impjegati li sarilhom trasferiment, kemm kienu ilhom jaħdmu fiċ-Ċentru li ngħataw trasferiment minnu?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li ċ-ċaqliq tal-ħaddiema jsir minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi operattivi, bil-għan li jiġi assigurat servizz xieraq u denju lil persuni b’diżabilità, u skont il-policy tal-Aġenzija Sapport kif ukoll il-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiema. Kull impjegat, fil-bidu tal-impjieg tiegħu, jiffirma dikjarazzjoni li jista’ jiġi mċaqlaq minn ċentru, residenza, servizz jew dipartiment għal ieħor. Il-ħaddiema ma tilfu l-ebda benefiċċju li huma intitolati għalih, marbut mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Fir-rigward tal-ħaddiema taċ-ċentri, iż-żmien li ilhom jaħdmu f’ċentru jvarja bejn 39 sena u 5 snin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba kellha tintervjeni l-Pulizija minħabba rapporti ta’ ġlied bejn studenti fl-iskejjel rispettivi tagħhom matul l-2021, 2022, 2023, 2024 u 2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll f’liema skejjel saru dawn ir-rapporti?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba kellha tintervjeni l-Pulizija minħabba rapporti ta’ ġlied bejn studenti fl-iskejjel rispettivi tagħhom matul l-2021, 2022, 2023, 2024 u 2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll f’liema skejjel saru dawn ir-rapporti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ vjolenza domestika matul l-2021, 2022, 2023, 2024 u 2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni skont il-lokalità u skont is-sess?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni hija kif impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal tweġibiet parlamentari 33645 fejn sħaqt kif il-vjolenza domestika hija pjaga fis-soċjetà li rridu nibqgħu niġġielduha ta’ kuljum bħala soċjetà lkoll flimkien. Huwa għalhekk li hemm għaddejjin inizjattivi minn entitajiet differenti fi ħdan il-Gvern.
Spjegajt ukoll kif irridu nibqgħu noħolqu l-kuxjenza u l-ambjent fejn wieħed ma jiddejjaqx jersaq ‘il quddiem u jirrapporta. Kien għalhekk li fl-2020 għall-ewwel darba l-Korp tal-Pulizija ħatar skwadra speċjalizzata, il-Gender Based and Domestic Violence, biex jagħti servizz aħjar u aktar speċjalizzat lil vittmi ta' vjolenza domestika. Dan hu servizz multi dixxiplinarju li ma jinkludix biss lill-pulizija, iżda wkoll professjonisti oħra.
Dan wassal biex infetħu hub f’Santa Luċija u ieħor f’Għawdex biex jingħata dan is-servizz speċjalizzat. Issa lestejna x-xogħol ukoll fl-Imtarfa, fejn f’dawn il-jiem se jinfetaħ hub ieħor u jibda jopera.
Fost inizjattivi oħra minn dan il-Ministeru, is-sena li għaddiet beda jingħata wkoll servizz ta' panic alarms u komplejna nsaħħu s-servizzi li jingħataw mill-Victim Support Agency.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji biex wieħed jibbenefika mill-fondi tal-Fond għall-Kawżi Soċjali?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi l-linji gwida fuq il-Mejda tal-Kamra, liema dokument huwa diġa fid-dominju pubbliku:
https://opm.gov.mt/public-bodies/fond-ghal-kawzi-socjali/
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm fondi fil-Fond għall-Kawżi Soċjali preżentement? Jista’ jgħid ukoll kemm tqassmu flus minn dan il-fond matul l-2024 u lil min ingħataw?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill Onor. Interpellanta li fis-seduta 369 fit-23 ta' Lulju 2025 tpoġġa r-rapport awditjat tal-Fond għas-sena 2024.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Transport Malta matul l-2025? Kemm minn dawn il-liċenzji nħarġu lil persuni Maltin, u kemm lil persuni mhux Maltin? Minn liema pajjiżi huma l-persuni mhux Maltin li nħarġitilhom il-liċenzja tas-sewqan u x’inhu n-numru ta’ liċenzji maħruġa, maqsuma skont in-nazzjonalità? Jista’ jgħid ukoll jekk tinżammx statistika tal-etajiet ta’ dawk li tinħarġilhom il-liċenzja?
Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex jiġi żgurat li l-ħsara kkawżata mix-xogħol li sar mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) lill-ħajt li jifred l-għelieqi mit-triq (fiż-żona tal-Miżieb, fuq l-għolja li twassal għall-Imbordin) tissewwa kif suppost, peress li l-ilma qed jinżel fl-għelieqi u qed jikkawża ħsara li qed tissarraf f’danni lill-bdiewa tal-madwar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandhiex rapporti ta’ tiswijiet pendenti fiż-żona indikata, nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tipprovdi iktar dettalji speċifiċi f’każ li jirriżultalha li hemm xi tiswijiet li jeħtieġ isiru min-naħa tal-Korporazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid x’wassal biex partijiet sostanzjali ta’ San Pawl il-Baħar kienu bla ilma bejn l-24 u l-25 ta’ Diċembru, 2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li kien hemm ħsara fuq il-mejn ewlieni li jissupplixxi Buġibba bis-servizz tal-ilma, u l-provvista kellha tingħalaq sakemm tissewwa din il-ħsara. Il-ħaddiema tal-Korporazzjoni raw li din il-problema tiġi solvuta fl-iqsar żmien biex l-inkonvenjent kien mill-inqas possibbli.
Tista’ l-Ministru tgħid x’qed iwassal għall-qtugħ frekwenti tad-dawl fl-inħawi tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll, b’mod partikolari, ir-raġuni li għaliha d-dawl inqata’ diversi drabi matul il-jum tat-8 ta’ Jannar, 2026?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fid-data indikata ma daħal l-ebda rapport ta’ qtugħ ta’ dawl fix-Xemxija, kemm fuq livell ta’ vultaġġ baxx kif ukoll fuq livell ta’ vultaġġ medju, u lanqas ma ġiet sospiża l-provvista minħabba xogħol ippjanat.
San Pawl il-Baħar – Triq l-10 ta’ Frar – Ċitazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet fi Triq l-10 ta’ Frar, San Pawl il-Baħar, mill-uffiċjali tal-LESA, bejn Jannar u Diċembru 2025, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll għal liema kontravenzjonijiet inħarġu dawn iċ-ċitazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fi Triq l-10 ta’ Frar, San Pawl il-Baħar, inħarġu total ta’ 179 ċitazzjonijiet mill-uffiċjali tal-LESA. It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tindika wkoll il-kontravenzjonijiet li għalihom inħarġu dawn iċ-ċitazzjonijiet matul il-perjodu bejn Jannar u Diċembru 2025.
Kennedy Grove – Attivitajiet ta’ żmien il-Milied – Nefqa
Question
Tista’ l Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa biex inżamm il-programm ta’ attivitajiet ta’ żmien il-Milied fl-inħawi ta’ Kennedy Grove? Fiex kienu jikkonsistu dawn in-nefqiet, u kif kienu maqsuma, bħal: armar, tiżjin, dwal eċċ.? X’tip ta’ sigurtà kien hemm waqt l-attivitajiet u minn min ġiet ipprovduta? Tista’ tagħti dettalji ta’ nefqiet oħra li kienu involuti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l‑avveniment pubbliku msejjaħ ‘Christmas in the Park’ jagħti opportunità lill‑familji u lill‑viżitaturi biex, filwaqt li jgawdu l‑ispazji miftuħa u jqattgħu ħin ta’ kwalità mal‑għeżież tagħhom, jitgħallmu kif jagħmlu għażliet aktar għaqlin u sostenibbli fil‑ħajja ta’ kuljum. Dan kollu jsir f’atmosfera festiva tipika tal‑Milied, li tgħaqqad id‑divertiment mal‑edukazzjoni u l‑għarfien ambjentali.
Matul l-għaxart’ijiem li damet għaddejja, bejn it-12 u l-21 ta’ Diċembru 2025, din l-attività żaruha għadd kbir ta’ viżitaturi li ngħataw l-opportunità li jiltaqgħu ma’ rappreżentanti mid-diversi entitajiet tal-Ministeru. Dawn laqgħu lill‑pubbliku u permezz ta’ attivitajiet u logħbiet edukattivi, komplew iwasslu messaġġi b’saħħithom favur il‑ħarsien tal‑ambjent u s‑sostenibbiltà. L‑esperjenza kienet imsaħħa b’attivitajiet bħal realtà virtwali, wirjiet interattivi, logħob edukattiv u diversi dimostrazzjonijiet tematiċi oħra. L‑ispiża netta tal‑avveniment kienet ta’ €323,069. Din tinkludi spejjeż relatati ma’ servizzi ta’ disinn u reklamar, loġistika, armar, tiżjin u set-up ġenerali, programm ta’ divertiment u attivitajiet għat‑tfal, trasport, servizzi ta’ saħħa u sigurtà, polza ta’ assigurazzjoni u tindif.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex ser ikun qed jikkonsisti x-xogħol marbut mal-grid tal-elettriku, fuq firxa ta’ disa’ snin imħabbar mill-Ministeru u l-Enemalta? Tista’ tgħid ukoll kif ser jiġi żgurat li l-infrastruttura meħtieġa, issir b’mod li ma tkissirx lill-infrastruttura eżistenti, fl-istess toroq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għal stqarrija (PR260019) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar it-8 ta’ Jannar 2026, li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.
San Pawl il-Baħar – Il-Veċċja – Tenders marbuta ma’ xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol li huwa mistenni li jsir fejn l-għar tal-Veċċja sabiex jitneħħa kull periklu li jista’ jinħoloq jekk jaqgħu partijiet mill-blat? Fid-dawl li l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar ġew approvati, jista’ jgħid jekk inħarġux it-tenders għax-xogħol neċessarju? Jekk iva, dawn it-tenders ġewx aġġudikati?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fejn l-għar tal-Veċċja huwa mistenni li jinbeda lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Id-dokumenti tat-tenders qegħdin jigu ppreparati.
Bridging the Gap Scheme – Persuni li aċċettaw li jieħdu sehem
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29230, jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew identifikati minn Jobsplus matul l-2025 sabiex ikunu jistgħu jingħataw is-sapport skont l-iskema ‘Bridging the Gap’? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-persuni hekk identifikati, fil-fatt aċċettaw li jieħdu sehem f’din l-iskema?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Diċembru 2025, wieħed u għoxrin (21) persuna ġew identifikati u aċċettaw li jieħdu sehem f’din l-iskema. L-iskema tal-Bridging the Gap tiġi offrutha lil kull persuna b’diżabilità jew vulnerabbli li għandha bżonn esperjenza ta’ xogħol.
Bridging the Gap Scheme - Persuni li qed jibbenefikaw
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 29228 u 29229 jista’ l-Ministru jgħid kif inbidlu n-numri ta’ persuni li bbenefikaw mill-‘Bridging the Gap Scheme’, matul l-2025? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li l-benefiċċji maħsuba f’din l-iskema jiġu estiżi għal persuni oħra jew għal persuni b’kundizzjonijiet oħra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Diċembru 2025 wieħed u għoxrin (21) persuna ibbenefikaw minn din l-iskema matul is-sena. Din l-iskema hi miftuħa għal persuni b’diżabilità jew vulnerabbli biss. Persuni oħra jistgħu jibbenefikaw minn skemi simili oħra offruti minn Jobsplus.