Skola Dun Manwel Attard Resource Centre - Studenti ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33899 u jgħid jekk hux ser ikun hemm intake ta’ studenti ġodda għas-sena skolastika 2026-2027 fl-Iskola Dun Manwel Attard Resource Centre, il-Wardija? Jekk iva, kemm hu n-numru ta’ studenti li ser ikunu qegħdin jidħlu għall-ewwel darba fil-bidu ta’ din is-sena skolastika? Jekk le, x’inhi r-raġuni għal dan?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33554 dwar l-attività li ttellgħet f'Kennedy Grove bl-isem ta’ 'Christmas in the Park', tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa għal kull waħda mill-items li wasslu għat-total ta’ €323,069? Tista’ tgħid ukoll xi ħlas irċevew kull wieħed jew waħda minn dawk li fil-fatt tħallsu u jekk kienx hemm min ta servizzi mingħajr ħlas, u jekk iva, min kienu dawn l-operaturi?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 33554, ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-nefqa (VAT eskluża) marbuta mal-items imsemmija għall-għaxart’ijiem li damet għaddejja din l-attività kienet kienet kif ġej:
Servizzi ta’ disinn u reklamar – €86,918.70; Loġistika – €8,990; Armar, tiżjin u set-up ġenerali – €163,311.63; Programm ta’ divertiment u attivitajiet għat‑tfal – €52,440; Trasport – €4,480; Servizzi ta’ saħħa u sigurtà, u polza ta’ assigurazzjoni – €8,653.50. Kien hemm ukoll dħul ta’ €1,725 minn ħlasijiet tal-parteċipazzjoni minn operaturi kummerċjali li jrid jitnaqqas mill-ispiża finali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ħlas fis-sena għal kull waħda mill-Assistenza għal Diżabilità, Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa u Assistenza għal Diżabilità Severa (separatament għal kull benefiċċju)?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Assistenzi għal Diżabilità jitħallsu b’rata fissa fil-ġimgħa u l-pagamenti jitħallsu kull erba’ ġimgħat bil-quddiem. Ir-rati pagabbli fil-ġimgħa taħt l-artikolu 27 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap318) tal-Liġijiet ta’ Malta, huma skont it-tabella li ssegwi. Tajjeb jiġi nnutat illi skont l-emendi li saru fl-aħħar snin bis-saħħa ta’ diversi budgets, dawn l-assistenzi m’għadhomx
means tested
,u ħlief għal l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa li hija ekwivalenti għall-Paga Minima Nazzjonali netta, min jirċevihom jista’ jkun qed jaħdem ukoll.
Dawn l-assistenzi jiżdiedu bl-ammont sħiħ tal-għoli tal-ħajja waqt li l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa tiżdied b’90% taż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali, liema żieda ma tkunx anqas mill-COLA. Barra minn hekk dawn il-benefiċċjarji huma ntitolati wkoll għal ħlas ta’ bonus addizzjonali ta’ €3.12 fil-ġimgħa u bonus ta’ €135.10 kull sitt xhur.
Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa
€206.50
Assistenza għal Diżabilità Severa u għal Persuna b’Vista Batuta
€134.56
Assistenza għal Diżabilità
€107.28
Benefiċċju għal Diżabilità
€80.46
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kriterji li wieħed irid jissodisfa sabiex ikun eleġibbli għal Assistenza għal Diżabilità, Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa u Assistenza għal Diżabilità Severa, separatament għal kull benefiċċju? Jista' jgħid ukoll kif jiġi deċiż għal liema assistenza wieħed ikun intitolat għaliha?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta, illi persuna b’diżabilità tista tibbenefika minn Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, Assistenza għal Diżabilità Severa jew Assistenza għal Diżabilità, skont is-severità tal-kundizzjoni tagħha. U issa, b’effett minn Jannar 2026, bis-saħħa ta’ miżura tal-Budget ġie ntrodott ukoll il-Benefiċċju għal Diżabilità bħala r-raba’ livell ta’ għajnuna.. Dan minbarra l-Assistenza għal Viżta Batuta.
Infakkar li permezz ta’ miżura tal-Budget 2024, ġie emendat l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318), prinċiparjament l-Artikolu 106 (g) li permezz tiegħu ġie kompost bord inter-professjonali sabiex jevalwa l-applikazzjonijiet għall-Assistenzi (jew Benefiċċju) ta’ Diżabilità hawn fuq imsemmija. Il-bord inter-professjonali jibbaża l-evalwazzjoni ta’ tali applikazzjonijiet fuq il-mudell tal-World Health Organisation International Classification of Functioning, Disability, and Health (ICF).
Hawn taħt qed nipprovdi tabella bil-persentaġġi ta’ non-funzjonalità li jagħtu eliġibilità skont s-severità tal-kundizzjoni:
Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa
Mhux anqas minn 75%
Assistenza għal Diżabilità Severa
Minn 60% sa 74.99%
Assistenza għal Diżabilità
Minn 45% sa 59.99%
Benefiċċju għal Diżabilità
Minn 30% sa 44.99%
Assistenza għal Persuna b’Vista Batuta
Mhux anqas minn 50%
Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-kriterji ta' eleġibbilità li wieħed irid jissodisfa biex jibda jaħdem f'wieħed miċ-Ċentri tal-Aġenzija Sapport? Tista’ tgħid ukoll jekk jingħatax taħriġ lil dawn il-ħaddiema qabel jew wara li jibdew l-impjieg u jekk iva, x'tip ta' taħriġ jingħata?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tispeċifika liema gradi jew professjonijiet qed tirreferi għalihom fil-mistoqsija tagħha.
Aġenzija Sapport - Tmiem ta’ impjieg - Dipartimenti/Entitajiet/Awtoritajiet oħra
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna ma baqgħetx taħdem mal-Aġenzija Sapport u marret taħdem ma’ dipartiment, entità jew awtorità oħra matul is-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll kemm-il sena kienu ilhom jaħdmu mal-istess aġenzija dawn il-persuni?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Aġenzija Sapport ma għandhiex informazzjoni dwar impjegati li, matul is-sena 2025, telqu mill-Aġenzija u bdew jaħdmu ma’ xi dipartiment, entità jew awtorità oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna temmet l-impjieg tagħha mal-Aġenzija Sapport matul is-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll kemm-il sena kienu ilhom jaħdmu mal-istess aġenzija dawn il-persuni?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li matul is-sena 2025 ġew reklutati 102 impjegat, inklużi wkoll is-sostituzzjonijiet ta' 80 impjegat li temmew l-impjieg tagħhom. 9 minn dawn l-80 impjegat irtiraw. Il-perjodu ta' servizz tal-ħaddiema jvarja bejn ftit ġranet u snin, skont il-każ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li persuna trid tissodisfa biex tkun eleġibbli għall-ħlas tal-ispiża relatata mal-aċċessibilità fid-dar residenzjali tagħha? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm tibdil f'dawn il-kriterji matul dawn l-aħħar sentejn u jekk iva, x'kien dan it-tibdil u minn meta kien applikabbli?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-kriterji sabiex tkun eliġibbli għall-ħlas tal-ispiża relatat mal-aċċessibilità fid-dar residenzjali huwa:-
1. L-applikant irrid ikun sid/inkwilin tar-residenza
2. L-applikant irrid ikun ċittadin ta’ Malta jew l-Unjoni Ewropea
3. L-applikant irrid jagħmel ix-xogħol fir-residenza ordinarja tiegħu
4. L-applikant irrid ikollu diżabilità jew problemi ta’ mobilità.
Ma kien hemm l-ebda tibdil fil-kriterji tal-iskema matul l-aħħar sentejn.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 33569 u 33863 u jgħid kemm kien in-numru ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Transport Malta matul l-2025? Kemm minn dawn il-liċenzji nħarġu lil persuni Maltin, u kemm lil persuni mhux Maltin? Minn liema pajjiżi huma l-persuni mhux Maltin li nħarġitilhom il-liċenzja tas-sewqan u x’inhu n-numru ta’ liċenzji maħruġa, maqsuma skont in-nazzjonalità? Jista’ jgħid ukoll jekk tinżammx statistika tal-etajiet ta’ dawk li tinħarġilhom il-liċenzja?
Response (BONETT, CHRIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32119, ninfurmaha li l-informazzjoni addizzjonali għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid minn liema klinika tal-Gvern (polyclinic) jistgħu jagħmlu użu r-residenti tal-Imġarr, Malta? Jista’ jgħid ukoll x’servizzi jingħataw lill-Imġarrin minn din il-klinika?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li r-residenti tal-Imġarr, Malta jistgħu jużaw iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta bħala l-aktar klinika fil-viċin. Madankollu, għal servizz ta' tabib tal-familja, jistgħu jagħmlu użu minn kull klinika oħra f'Malta u Għawdex minħabba l-introduzzjoni ta' rekords elettroniċi. Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta jipprovdi lir-residenti kollha servizzi ta’ kura primarja inklużi konsultazzjonijiet mat-tabib tal-familja, kura tal-infermierija, tilqim, ġestjoni ta’ mard kroniku u referenzi għal investigazzjonijiet jew kura speċjalizzata meta meħtieġ.
Għar-residenti tal-Imġarr hemm ukoll l-Mgarr Community Clinic, li toffri servizzi b’appuntament għal residenti tal-Imġarr fil-qasam ta' Speech Language Pathology u l-Psikoloġija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li l-iskola fl-Imġarr, Malta, titkabbar? Jekk iva, jista’ jagħti iktar dettalji u jekk le, xi pjanijiet għandu l-Gvern għat-tfal Imġarrin li suppost ser ikunu qegħdin jattendu din l-iskola?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tindika kif is-sitwazzjoni tad-drenaġġ fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar mistennija tiġi indirizzata fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni matul is-sena kollha (esklużi t-turisti u dawk il-persuni li jkunu fil-lokalità biss matul ix-xhur tas-sajf) hija stmata li tlaħħaq 50,000 ruħ u mistennija tkompli tikber? Meta ġew imqiegħda fil-post il-pompi li hemm fil-lokalità bħalissa, u meta ġew upgraded l-aħħar? Tista’ tgħid ukoll jekk hux mistennija li jitqiegħdu iktar pompi tad-drenaġġ fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma twettaq monitoraġġ kontinwu tal-pompli li hemm eżistensti u dawn jinbidlu jew jiżdiedu skont l-esiġenzi. Infurmata li preżentament m’hemmx bżonn ta’ installazzjoni ta’ pompi ġodda.
Infakkar li fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, il-Korporazzjoni għaddejja bi proġett estensiv u ambizzjuz b’investiment ta’ madwar €7 miljun, fejn permezz ta’ teknoloġija moderna ta’ microtunnelling se tkun qed tiddevja d-drenaġġ mill-qalba tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar lejn il-periferiji.
Tista’ l-Ministru tindika meta huwa mistenni li jibdew ix-xogħlijiet fuq l-inħawi ta’ Kennedy Grove, kemm f’Kennedy Grove nnifsu, kif ukoll fl-inħawi tal-Melita Gardens? Peress li ħafna mill-equipment li hemm fuq is-sit għandu bżonn ta’ manutenzjoni serja, tista’ tgħid jekk inħarġux tenders biex isiru x-xogħlijiet neċessarji u meta nħarġu dawn it-tenders? Jekk le, tista’ tgħid min hu mistenni li jwettaq ix-xogħol li hemm bżonn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32059,
inżid ninfurmaha li l-proċess tas-sejħa ġie appellat u jinsab fi stadju ta’ kunsiderazzjoni min-naħa tal-Public Contracts Review Board (PCRB) fi ħdan id-Dipartiment tal-Kuntratti.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-siti ta’ importanza storika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta, fin-Naxxar? Kemm minn dawn is-siti huma mistennija li jgħaddu minn interventi biex jiġi żgurat li ma jsofrux ħsara fiż-żmien li ġej? Meta sar l-aħħar restawr jew intervent ta’ tip ieħor mill-Gvern f’kull wieħed mis-siti li jinsabu fin-Naxxar? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku u kif wieħed jista’ jżurhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-uniku sit li tamministra Heritage Malta fl-inħawi tan-Naxxar huwa l-katakombi tas-Salini. Dawn jinfetħu għall-pubbliku b’appuntament. F’każ ta’ appuntament, il-prezz tad-dħul huwa: €5 għall-adulti, €3.50 għall-istudenti u l-anzjani, €2.50 għat-tfal. Id-dħul ikun mingħajr ħlas f’każ ta’ attività organizzata għal dawk li għandhom il-passaport tat-tfal jew tal-anzjani ta’ Heritage Malta. Is- sit msemmi huwa mantnut regolarment mill-ħaddiema ta’ Heritage Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-siti ta’ importanza storika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta, fil-Mellieħa? Kemm minn dawn is-siti huma mistennija li jgħaddu minn interventi biex jiġi żgurat li ma jsofrux ħsara fiż-żmien li ġej? Meta sar l-aħħar restawr jew intervent ta’ tip ieħor mill-Gvern f’kull wieħed mis-siti li jinsabu fil-Mellieħa? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku u kif wieħed jista’ jżurhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta ma tamministrax siti li jinsabu fil-konfini tal-Mellieħa.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-siti ta’ importanza storika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta, f’San Pawl il-Baħar? Kemm minn dawn is-siti huwa mistenni li jsirulhom interventi biex jiġi żgurat li ma jsofrux ħsarat fiż-żmien li ġej? Meta sar l-aħħar restawr jew intervent ta’ tip ieħor mill-Gvern f’kull wieħed mis-siti li jinsabu f’San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn is-siti huma aċċessibbli għall-pubbliku u kif wieħed jista’ jżurhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li San Pawl Milqu huwa sit storiku fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar li huma fir- responsabbiltà ta' Heritage Malta.
San Pawl Milqi huwa aċċessibbli waqt open days organizzati minn Heritage Malta jew meta l-viżitaturi jibbukkjaw tour apposta b’appuntament. Il-ħlas f’każijiet bħal dawn huwa ta’ €5 għall-adulti, €3.50 għall-istudenti u l-anzjani, u €2.50 għat-tfal. Id-dħul huwa mingħajr ħlas għal dawk li għandhom il-passaport tat-tfal jew tal-anzjani ta’ Heritage Malta.
Is-sit msemmi huwa mantnut regolarment mill-ħaddiema ta’ Heritage Malta.