San Pawl il-Baħar - Triq Sant’ Aristarku - WSC - Spezzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid xi spezzjonijiet saru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) dwar ħruġ ta’ drenaġġ fi Triq Sant’ Aristarku, San Pawl il-Baħar, matul ix-xahar ta' Ottubru? Tista’ tgħid ukoll x’kienu r-riżultati ta’ dawn l-ispezzjonijiet, x’tiswija saret, meta saru l-ispezzjonijiet u meta saret it-tiswija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li s-sitwazzjoni li qed tagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellanta ġiet solvuta fit-28 t’Ottubru 2026. Inżid li dan kien każ fejn ġebla, flimkien ma’ wipes, xugamani u skart ieħor mormi b’mod illeċitu u irresponsabbli daħlu ġewwa mejn u mblukkawh. Sabiex issolvi din is-sitwazzjoni, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kellha tħaffer parti mit-triq u jinqata’ l-mejn li kellu l-problema.
Il-Parlament – Liġijiet mressqa għal persuni b’diżabilità
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema liġijiet tressqu quddiem il-Parlament Malti li jaffettwaw il-persuni b'diżabilità? Tista’ tgħid ukoll x'inhu t-titlu ta' kull waħda minn dawn il-liġijiet?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Gvern jibqa’ impenjat li jsaħħaħ id-drittijiet u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità permezz ta’ liġijiet u miżuri, inklużi dawk imħabbra fil-Baġit u marbuta mar-riforma fl-assistenza għal diżabilità, sabiex ikompli jissaħħaħ l-appoġġ lil dawn il-persuni u lill-familji tagħhom.
Infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellanta li l-abbozzi ta’ liġi mressqa quddiem din il-Kamra huma soġġetti għall-iskrutinju parlamentari. Is-sit elettroniku tal-Parlament jinkludi sezzjonijiet apposta għall-abbozzi ta’ liġi u għall-Atti tal-Parlament, fejn wieħed jista’ jikkonsulta t-titli u d-dokumentazzjoni relatata. Għaldaqstant billi l-mistoqsija ma tispeċifikax perjodu partikolari, nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għal din l-informazzjoni.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31824 tal-Erbatax-il Leġislatura, tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju wasal l-audit tal-Parlament Malti?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-audit qiegħed jiffoka fuq l-aspett ta' inklużjoni fejn tidħol aċċessibilità għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll dik fiżika. Bħalissa qiegħed jitħejja r-rapport finali li abbażi tiegħu ser jiġu formulati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità li għandhom iwasslu għat-tisħiħ tal-imsemmija aċċessibilità fix-xogħol siewi mwettaq mill-Kamra.
Bħala parti mill-audit, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ rappreżentanti ta’ taqsimiet differenti fi ħdan il-Parlament. Saru wkoll intervisti lill-Whips taż-żewġ naħat tal-Kamra. Barra minn hekk, sar audit dwar il-binja li tilqa’ fi ħdanha l-uffiċini tal-impjegati u fil-futur għandu jsir audit taċ-chamber.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' dar fil-Balluta mmexxija minn Richmond Foundation? Tista' wkoll tagħti iktar dettalji dwar dan il-proġett?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-binja għaddejja minn rinnovazzjoni sħiħa sabiex tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-operat ta’ din id-dar. Ix-xogħlijiet, li qed isiru b’kollaborazzjoni ma’ Richmond Foundation, huma skedati li jitlestew fit-tieni kwart tas-sena 2027.
Il-proġett huwa maħsub sabiex jilqa’ sitt żgħażagħ b’dijanjosi doppja ta’ diżabilità intellettwali u kundizzjonijiet tas-saħħa mentali, li jeħtieġu servizz residenzjali speċjalizzat li jipprovdi kura komprensiva u mfassla skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' Ċentru ta' Waranofsinhar li tħabbar fl-aħħar baġit u tagħti aktar dettalji dwar dan il-proġett?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-proġett ikkonċernat jirrigwarda ċentru ta’ filgħaxija u mhux ċentru ta’ waranofsinhar, kif indikat fil-Miżura tal-Baġit 51 (BM 51), li tgħid:
“Ċentru ta' Filgħaxija għal persuni b'diżabilità severa - Proġett pilota fiċ-Ċentru ta’ Malta biex għall-ewwel darba se nipprovdu servizz ta’ filgħaxija lil persuni b’diżabilità severa”.
Aktar informazzjoni dwar dan il-proġett tinsab fit-tweġiba mogħtija għall-PQ 4164.
Tista’ l-Ministru tgħid liema ċentri ta’ respite jeżistu f’Malta u Għawdex?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, bħalissa, is-servizzi ta’ respite għal persuni b’diżabilità, li huma pprovduti permezz ta’ Public Social Partnership (PSP) jew kuntratt, huma offruti minn:
· Fondazzjoni Arka, permezz ta’ Dar Arka f’Għawdex;
· Dar il-Kaptan, fl-Imtarfa; u
· ĦILA, permezz tal-faċilitajiet tagħha f’Malta.
Barra minn hekk, din is-sena se jibdew jilqgħu persuni b'diżabbiltà ċentri oħra ta' respite: wieħed f'Ħal Kirkop u ieħor f'Ħal Dingli.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' Ċentru għal Matul il-Jum li tħabbar fl-aħħar baġit u tagħti aktar dettalji dwar dan il-proġett?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li dan iċ-ċentru, li jinsab fil-Gżira, huwa maħsub biex jilqa’ persuni b’diżabilità li għandhom aktar minn 61 sena u li diġà jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum. Dan il-proġett jagħmel parti mir-riforma li qed issir fiċ-ċentri ta’ matul il-jum, sabiex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jitqassmu skont l-età tagħhom u jingħataw servizzi skont il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tagħhom.
It-tender, li jinkludi l-ħtiġijiet operattivi kollha ta’ dan iċ-ċentru, intrebaħ, u Aġenzija Sapport qed tistenna li dan jiġi aġġudikat mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Fir-rigward tal-binja, Aġenzija Sapport qed twettaq xogħlijiet estensivi ta’ rinnovazzjoni, li jinsabu fi stadju avvanzat. It-tieni fażi tax-xogħlijiet elettriċi (second fix), ix-xogħlijiet finali ta’ tlestija u l-installazzjoni tal-aperturi huma skedati għall-ġimgħat li ġejjin.
It-tlestija tax-xogħlijiet fil-binja u l-konsenja tagħha lill-operatur huma previsti li jsiru matul l-ewwel kwart tas-sena li ġejja.
Tista' l-Ministru tgħid kemm qegħdin igawdu persuni mis-servizzi fil-binja ‘Spalla’ f'Ħal Kirkop? Tista’ tgħid ukoll x'servizzi qegħdin jingħataw f'din il-binja?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li ftit xhur ilu tlestew ix-xogħolijiet fuq il-binja u issa qed isiru diskussjonijiet ma min ser jamministra s-servizz, biex il-proġett SPALLA jibda jopera fix-xhur li ġejjin. Il-proġett se jikkonsisti f’servizzi ta’ respite għal persuni b’diżabilità bl-għan li jissaħħaħ is-sostenn fil-komunità.
Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jibbenefikaw persuni mill-Empowerment Scheme? Tista’ tgħid ukoll min jista' jibbenefika minn din l-iskema, kemm hu l-kumpens li se jingħata lil dawk il-persuni li jkunu applikaw u ġew approvati li ser jieħdu finanzjament taħt din l-iskema?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li bejn Jannar u Ottubru tas-sena 2026, ġew approvati total ta’ 1,115-il applikazzjoni taħt l-Iskema tal-Empowerment. Din l-iskema toffri assistenza finanzjarja lill-persuni b’diżabilità biex ikunu jistgħu jixtru apparat assistiv jew servizzi ta’ trasport li jgħinhom jgħixu ħajja aktar indipendenti fid-dar jew komunità tagħhom. L-Empowerment Scheme titmexxa minn Bord indipendenti li jinkludi numru ta’ professjonisti, persuna b’diżabilita’ u qarib ta’ persuna b’diżabilita’ bħala membri li jiltaqgħu darba fi-xahar biex jevalwaw l-applikazzjonijiet li jkunu ġew sottometti matul dak il-perjodu. Ir-rekwiżiti tal-eleġibilita huma disponibbli fuq il-website tal-Aġenzija Sapport u qed inpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li huma mħarrġa biex jagħtu tagħlim lil studenti neqsin mid-dawl? Jista' jgħid ukoll kemm hemm studenti li huma neqsin mid-dawl?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi għandna żewġ għalliema li huma mħarrġa biex jagħtu tagħlim lil studenti neqsin mid-dawl. Dan flimkien ma’ support ieħor li dawn l-istudenti jirċievu.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema li huma mħarrġa biex jagħtu tagħlim lil studenti neqsin mid-dawl? Tista' tgħid ukoll kemm hemm studenti li huma neqsin mid-dawl?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett tal-hub tal-inklużjoni fir-Rabat, Malta? Tista' tgħid ukoll meta hu ppjanat li titlesta l-ewwel fażi ta' dan il-proġett u meta ser jibda jopera? Tista' tgħid ukoll x'servizzi ser ikunu qegħdin jingħataw minn dan iċ-ċentru u min ser ikun qed jiffinanzja dan il-proġett?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li t-tender ġie aġġudikat. Infurmata li fil-preżent qed ikunu indirizzati kwistjonijiet tekniċi mal-kuntrattur skont il-proċeduri applikabbli tal-akkwist pubbliku. L-iskedi ta’ żmien tal-proġett ikunu aktar ċari ladarba dawn il-kwistjonijiet jiġu solvuti.
Is-sesswalità u s-saħħa sesswali – Tagħlim lill-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità intellettwali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W811 dwar tagħlim fuq is-sesswalità u s-saħħa sesswali lill-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità intellettwali, jista’ l-Ministru jgħid meta beda jingħata dan it-tagħlim? Jista’ wkoll jagħti iktar dettalji dwar il-programmi u gwida li jingħataw lil dawn il-ġenituri?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli interpellant tirreferi għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari numru W811.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm jeżistu kulleġġi f’Malta u Għawdex u liema huma dawn il-kulleġġi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f’Malta u Għawdex għandna 11 -il Kulleġġ:
Kulleġġ Santa Margerita
Kulleġġ St Thomas More
Kulleġġ San Benedittu
Kulleġġ San Injazju
Kulleġġ Santa Tereża
Kulleġġ San Gorġ Preca
Kulleġġ Maria Reġina
Kulleġġ Santa Klara
Kulleġġ San Nikola
Kulleġġ t’Għawdex
Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W796 dwar ir-resource centres, jista’ l-Ministru jgħid mil-liema kulleġġ jifforma kull waħda mill-iskejjel imsemmija fl-istess tweġiba? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom joperaw bħala resource centres kull waħda minn dawn l-iskejjel?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni hi kif tidher mniżżla hawn taħt:
San Miguel Primary School - St. Clare College - l-ewwel sena ta' operazzjoni 1988
Guardian Angel Secondary School - San Gorg Preca College - l-ewwel sena ta' operazzjoni 1963
Hellen Keller School - St Benedict College (previously known as Visually Impaired Unit)
- l-ewwel sena ta' operazzjoni
1958
Skola Dun Manwel Attard, Wardija - St. Nicholas College - l-ewwel sena ta' operazzjoni 1982
Skola Primarja Sannat - Kullegg ta Ghawdex - l-ewwel sena ta' operazzjoni 1977
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq il-karozzi tal-linja matul is-sena 2026 u kemm minn dawn l-ispezzjonijiet irriżultaw li kien hemm is-sistema tal-awdjoannunzji (Audio Announcement System) li ma kinitx qed tiffunzjona kif suppost? Jista’ jgħid ukoll kif jiġi assigurat li ssir il-manutenzjoni meħtieġa sabiex is-sistema terġa’ tiġi f’kundizzjoni tajba għall-benefiċċju tal-passiġġieri?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Settembru 2026 twettqu total ta’ 17,888 spezzjoni fuq il-karozzi tal-linja. Waqt dawn l-ispezzjonijiet, kien hemm 926 każ li fihom instab li l-Audio Announcement Systems ma kienux qegħdin jaħdmu kif suppost.
Ninsab infurmat li wara li tinġibed l-attenzjoni, isiru follow-up inspections sabiex ikun żgurat li n-nuqqas ġie ndirizzat mill-operatur tat-trasport pubbliku.