Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – Mażżri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hijiex qed titlob lil sidien ta’ dgħajjes biex ineħħu l-mażżri li hemm f'waħda mill-bajjiet li hemm f’San Pawl il-Baħar u jekk iva. f'liema bajja u x'inhi r-raġuni għal dan?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35445.

San Pawl il-Baħar – Mażżri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hijiex qed titlob lil sidien ta’ dgħajjes biex ineħħu l-mażżri li hemm fil-bajja ta’ San Pawl il-Baħar, wara l-breakwater ta’ Buġibba, għax se jsir proġett fil-bajja?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-mooring holders qed jiġu infurmati minn qabel sabiex ineħħu t-tagħmir tagħhom u mhux sabiex ineħħu l-mażżra. Dan ix-xogħol qed isir sabiex jinħoloq spazju għal fairway ġdida b’rabta mas-servizz tal-ferry, kif ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju tal-Harbour Master fl-Avviż għall-Baħħara Nru. 213/2025.  Madanakollu nserraħ ras l-Onor. Interpellant li bħalma sar fl-Għadira s-sena l-oħra, ħadd mhu ser jitlef l-irmiġġ, anzi l-irmiġġi kollha ser jiġu regolarizzati u mċaqalqa minn Transport Malta.

Ix-Xemxija - BCA - Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35172 u jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) fl-area tax-Xemxija, matul l-aħħar tnax-il xahar u fuq liema siti saru dawn l-ispezzjonijiet?  Jista’ jgħid ukoll f’kemm-il każ kienu meħtieġa azzjonijiet oħra kif ordnati mill-BCA?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Matul l-aħħar 12-il xahar il-BCA wettqet total ta’ 1008 spezzjoni fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, li tinkludi x-Xemxija. Dawn l-ispezzjonijiet saru fuq total ta’ 238 sit ta’ kostruzzjoni. Fuq dawn l-istess siti inħarġu 9 avviżi ta’ infurzar u ngħataw 18-il penali.

Reġistrazzjoni ta’ art agrikola – Proċess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ art agrikola għadux jista’ jsir fil-pitkalija f’Ta’ Qali? Jista’ jgħid ukoll jekk il-bdiewa hux ser ikunu jistgħu jmorru jirreġistraw l-art li huma jaħdmu, mingħajr appuntament u jekk iva, fejn?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta li r-Reġistrazzjonijiet tal-art agrikola qed isiru fl-AgriHub Meet and Greet, l-Għammieri. Reġistrazzjonijiet mingħajr appuntament se jintlaqgħu sa nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu 2026. Mit-28 ta’ Marzu ’il quddiem, ir-reġistrazzjonijiet se jsiru permezz ta appuntament. It-talba għal appuntament tista’ ssir billi wieħed iżur l-Għammieri, iċempel fuq 23397777 jew jibgħat email fuq artagrikola.mafa@gov.mt . Dan qed isir sabiex jiġi pprovdut servizz aktar effiċcjenti u biex il-klijenti jkunu jistgħu jinqdew fi żmien qasir.

BCA – Rapporti dwar kostruzzjoni f’San Pawl il-Baħar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm daħlu rapporti għand l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) dwar xogħol ta’ kostruzzjoni li kien/għadu għaddej f’San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sitt xhur tal-2025, u l-ewwel ġimgħat tal-2026, maqsuma xahar b’xahar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għa-tabella t’ hawn tħt bl-informazzjoni mitluba, hekk kif miġbura sat-22 ta' Marzu 2026. Lulju 2025 12 Awwissu 2025 9 Settembru 2025 9 Ottubru 2025 7 Novembru 2025 7 Diċembru 2025 4 Jannar 2026 6 Frar 2026 15 Marzu 2026 16

San Martin, il-Wardija u ż-Żebbiegħ (Limiti ta’ San Pawl il-Baħar) – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’inhu x-xogħol li għaddej bħalissa bejn San Martin u l-Wardija fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar u ż-Żebbiegħ? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta dan ix-xogħol, u tagħti indikazzjoni dwar jekk dan l-istess xogħol/xogħol ieħor, hux mistenni li jsir fid-direzzjoni ta’ Triq Għajn Tuffieħa, f’San Martin, limiti ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol fiż-żona indikata huwa parti minn proġett estensiv li qed tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b’investiment ta’ madwar €11-il miljun, fejn se jsir mejn ġdid għat-trasferiment tal-ilma bejn l-impjant tar-Reverse Osmosis fiċ-Ċirkewwa u l-ġibjuni ta’ Ta’ Qali. Infurmata li tali xogħol huwa mmirat li jieħu madwar sena biex jitlesta, u se jibqa’ għaddej lejn Triq Għajn Tuffieħa sa madwar nofs kilometru ’l isfel mill-grotta ta’ San Martin. Infurmata wkoll li wara li jitlesta x-xogħol min-naħa tal-KSI, se jitpoġġew cables ġodda mill-Enemalta biex titneħħa linja ta’ vultaġġ medju u jiġu eliminati ħsarat li jiġu kkawżati mill-elementi naturali. Din il-linja tinsab fl-akwati u ladarba din titneħħa tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona.

Għases tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn hu mistenni li jinfetħu jew jinbnew għases tal-pulizija ġodda matul is-snin li ġejjin? Jista’ jgħid ukoll fejn hemm applikazzjonijiet pendenti għall-bini ta’ tali għases, quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fl-aħħar snin il-Korp tal-Pulizija ħa inizjattivi kbar biex itejjeb l-ambjent fejn jaħdmu l-pulizija, u fejn jintlaqgħu n-nies biex jinqdew mis-servizz tal-istess Korp tal-Pulizija. Il-proġetti jvarjaw minn dawk ta’ binjiet ġodda, għal rinovazzjoni ta’ binjiet eżistenti u l-ftuħ mill-ġdid ta’ binjiet li kienu ilhom magħluqa snin, inkluż dawk li bdew jintużaw bħala hubs tal-vjolenza domestika jew uffiċiji tal-pulizija tal-komunità. Fost oħrajn fl-aħħar snin ħdimna fuq proġetti ta’ dan it-tip f’Marsaskala, is-Siġġiewi, il-Gżira, ir-Rabat, San Ġwann, San Ġiljan, Tas-Sliema, Il-Belt, il-Mosta, Santa Luċija, l-Imtarfa, Marsalforn, Santa Venera, il-Marsa, Marsaxlokk, il-Floriana u l-Birgu fost oħrajn. Fil-mument li qed titwieġeb din id-domanda għaddej ukoll xogħol qawwi ta’ rinovament fuq l-għases tal-Ħamrun, l-Imsida, l-Għadira u Ħ’Attard. Iktar xogħolijiet huma maħsuba għaż-żmien li ġej, fosthom dak li jissemma fil-budget għal din is-sena.

Devoluzzjoni ta’ art/proprjetà – Talbiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti minn kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex għal devoluzzjoni ta’ proprjetà lill-istess kunsilli, maqsumin lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma t-talbiet mingħand il-kunsilli rispettivi?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif miżmuma mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali.

Ġbir ta’ skart organiku – Tqassim ta’ boroż

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru hux se jerġa’ jibda jipprovdi l-boroż li jintużaw għall-ġbir ta’ skart organiku lill-Kunsilli Lokali biex jitqassmu lir-residenti, kif kien isir sa ftit xhur ilu? Fid-dawl tal-fatt li ma nħarġet l-ebda stqarrija li dawn il-boroż mhux se jibqgħu jitqassmu, u peress li r-residenti għadhom qed jistaqsu għalihom minkejja li l-kunsilli ilhom xhur ma jingħataw dawn il-boroż, meta huwa mistenni li dan jerġa’ jibda jsir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31704.

San Pawl il-Baħar - Burmarrad - Sqaq Ta’ Ċampra - Sistema tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xorb

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33140, dwar is-sistema tad-drenaġġ u tal-ilma tax-xorb fi Sqaq ta’ Ċampra, f’Burmarrad, San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru taġġorna l-Kamra bl-iżviluppi li kien hemm mid-data ta’ din l-istess tweġiba?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li qegħdin isiru taħdidiet mal-bdiewa biex jinstab l-aħjar mezz ta’ aċċess sakemm isiru x-xogħlijiet meħtieġa.

Awtorità tad-Djar - Skemi ta’ aċċessibiltà – Talbiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 29566, 29859 u 33138, jista’ l-Prim Ministru jgħid liema kienu l-għaqdiet kollha li bbenefikaw mill-iskema tal-Awtorità tad-Djar, għal għajnuna lill-għaqdiet volontarji, soċjali jew kulturali, biex dawn ikunu jistgħu jtejbu l-aċċess għal dawk li jużaw l-istess faċilitajiet? Jista’ jgħid ukoll kemm mit-talbiet li waslu għand l-awtorità fil-fatt intlaqgħu, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti, u f’kull każ jgħid fejn it-talbiet kienu milqugħa u kemm kien l-ammont ta’ flus li fil-fatt ingħataw?

Response (ABELA, ROBERT)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva - Re-audit - Rapport - Evalwazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 33946, 34260, 34644 u 34885 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28439 dwar l-evalwazzjoni tar-rapport tar-re-audit dwar l-edukazzjoni inklużiva li ntalab lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva, fejn intqal li “l-evalwazzjoni għadha għaddejja”, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar l-istess rapport issa li għaddew tmien xhur oħra minn meta ngħatat it-tweġiba? Jekk iva, x’kienu dawn l-iżviluppi u liema partijiet mir-rapport fil-fatt iddaħħlu fis-seħħ minn meta tlesta? Jekk le, x’qed iżomm ir-rapport milli jiġi konkluż u kemm hi n-nefqa li tirriżulta biex jitwettaq dak li hu meħtieġ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-evalwazzjoni għadha għaddejja.

L-Imġarr - Nuqqas ta’ ilma ‘new water’

Question

Fid-dawl tal-fatt li spiss qed ikun hemm nuqqas ta’ ilma ‘new water’ li jitwassal fl-inħawi tal-Imġarr, tista’ l-Ministru tgħid b’liema frekwenza qed ikun hemm dan il-qtugħ? Tista’ tgħid ukoll x’qed isir biex dan il-qtugħ jonqos, partikolarment issa li jibda joqrob is-sajf u t-tisqija tibda tkun iktar frekwenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mhux il-każ li qed ikun hemm qtugħ spiss fil-provvista tan-New Water fl-inħawi msemmija kif qed tipprova tagħti x’jifhem l-Onor. Interpellanta.  Infurmata li fl-aħħar ġimgħat il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet xogħol ta’ manutenzjoni (tiswija ta’ ġibjun) u rinovar (bdil ta’ membrani), u għaldaqstant matul dak il-perjodu partikolari ma setgħetx issir produzzjoni ta’ New Water.  Dan ix-xogħol twettaq bi pjanar, billi sar proprju fi żmien li fih id-domanda tkun normalment baxxa u mhux f’perjodu meta l-klima tkun aktar sħuna.  Il-bdiewa konċernati ġew avżati dwar dan minn qabel permezz ta’ SMS, kif ukoll  reġgħu kienu infurmati minnufih malli l-provvista marret lura għan-normal.

San Pawl il-Baħar – Il-Veċċja – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fl-inħawi tal-Għar tal-Veċċja, liema xogħol inħargu l-permessi għalih diversi xhur ilu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lix-xogħol fl-inħawi tal-Għar tal-Veċċja huwa mistenni li jinbeda kmieni s-sena dieħla.

San Pawl il-Baħar - Bajja tax-Xama’ - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir ix-xogħol mid-Dipartiment tax-Xogħlijet Pubbliċi fil-Bajja tax-Xama’ li tinsab ħdejn l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed jissottometti applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tinbena rampa u taraġ ġdid biex din il-bajja żgħira bir-ramel tkun iktar aċċessibbli. Wara li dawn il-permessi jiġu approvati, id-Dipartiment jipproċedi  b’sejħa għall-offerti għal dawn ix-xogħlijiet.

Ix-Xemxija - BCA - Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) fl-area tax-Xemxija, matul l-aħħar tnax-il xahar u fuq liema siti saru dawn l-ispezzjonijiet?  Jista’ jgħid ukoll f’kemm-il każ kienu meħtieġa azzjonijiet oħra kif ordnati mill-BCA?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

San Pawl il-Baħar – Tisbiħ tal-lokalità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jieħu l-passi neċessarji sabiex, permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), isir investiment fl-infrastruttura li hemm f’San Pawl il-Baħar, bħalma huma sinjali tat-traffiku u tabelli oħra, inkluż żebgħa fit-toroq, sabiex tingħata dehra aħjar lill-istess lokalità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi dawn it-tip ta’ interventi ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta’ tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, avolja dejjem ikun hemm dispożizzjoni sabiex tingħata għajnuna lill-Kunsilli Lokali.  F’dan il-każ jeżistu Awtoritajiet oħra li huma aktar adattati għal dan il-għan.

San Pawl il-Baħar – Tourist beds

Question

Fid-dawl li l-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar għandha madwar 16,000 sodda għat-turisti, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jara li parti mill-flus miġbura mit-taxxa ta’ kull lejl, li minn din is-sena telgħet għal €1.50 kuljum, tingħadd  lill-Kunsill Lokali sabiex tkun tista’ tiġi investita fil-bosta bżonnijiet tal-lokalità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-flus li jinġabru mill-Eko kontribuzzjoni ta’ kull lejl, dejjem intefqu f’proġetti relatati mat-turiżmu, mill-Ministeri responsabbli għat-turiżmu, b’kollaborazzjoni ma’ numru ta’ stakeholders u mhux l-ewwel darba li gawdiet il-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar. Ninfurmaha wkoll li r-rata ta’ €1.50 għal kull lejl se tkun effettiva mill-1 ta’ Lulju 2026, u mhux mill-bidu tal-2026 kif tat x’tifhem l-Onor. Interpellanta

Il-Bidnija, San Pawl il-Baħar - Triq il-Girna - Mains tad-drenaġġ qabel isir it-tarmak

Question

Tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex qabel ma jsir ix-xogħol ta’ tarmak fi Triq il-Girna, l-Bidnija, fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar, jitpoġġew il-mains tad-drenaġġ, u dan biex jitnaqqsu l-ispejjeż meħtieġa, kif ukoll biex jiġi assigurat li jitneħħew il-fosos eżistenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li l-fosos eżistenti fl-imsemmija triq, li jappartjenu għar-residenzi, huma parti integrali mill-infrastruttura tad-drenaġġ u jitbattlu b’mod regolari. Ma’ dan inżid li l-Korporazzjoni kontinwament għaddejja bi pjanijiet u disinji biex  tibni infrastrutturi ta’ drenaġġ ġodda f’żoni li preżentament huma moqdijin bis-sistema ta’ fosos.