Skejjel – Naxxar, Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Qawra – Preżenza tal-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux qed ikun hemm il-preżenza tal-Pulizija jew uffiċjali biex jikkontrallaw it-traffiku fil-ħinijiet tad-dħul u tal-ħruġ tat-tfal mill-iskola madwar l-iskejjel li hemm fil-lokalitajiet tan-Naxxar, Mellieħa u San Pawl il-Baħar (inkluż il-Qawra)? Jekk iva, jista’ jinforma lill-Kamra bil-ġranet u ħinijiet li fihom ikun hemm il-preżenza tal-pulizija jew uffiċjali għal kull skola fil-lokalitajiet imsemmija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni relatata mitluba.
Attachments:PQ567_PAPERS LAID_Naxxar Mellieħa San Pawl il-Baħar Qawra Preżenza tal-Pulizija.pdf
San Pawl il-Baħar/Qawra – Triq il-Luzzu u Triq l-Istamnar – zebra crossing
Question
Jista’ l-Ministru jinforma jekk irċevix talba biex issir zebra crossing f’Dawret il-Qawra, preċizament bejn Triq il-Luzzu u Triq l-Istamnar, il-Qawra, San Pawl il-Baħar? Jekk iva fiex waslet din it-talba? Jekk le, tista’ tikkunsidra li hawnhekk issir zebra crossing sabiex tgħin lil persuni li jridu jaqsmu t-triq f’dawn l-inħawi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba għal zebra crossing fi Triq Dawret il-Qawra fiż-żona msemmija. L-awtorità ser tkun qed tinforma lill-kunsill lokali b’din it-talba ħalli jkun jista’ jissottometti applikazzjoni jekk meħtieġ.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar xi proġetti hemm ippjanati għal Fort Campbell (Fortizza ta’ Campbell, Selmun, Mellieħa), sabiex din ma tibqax titfarrak u titpoġġa għal xi użu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin studji mill-Awtorità kompetenti tal-Gvern li ngħatat l-inkarigu biex tistħarreġ il-potenzjal ta’ dan is-sit.
Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni dwar liema huma t-toroq li fihom ġie installat dawl LED? Liema huma t-toroq li fihom hemm ippjanat li d-dawl jinbidel għal wieħed LED matul is-sena li ġejja? Liema huma t-toroq li fihom hemm ippjanat li d-dawl jiżdied permezz ta’ dawl LED matul is-sena li ġejja?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ toroq li fihom diġà ġie installat dawl LED. Fix-xhur li ġejjin se jkunu qed jitwettqu proġetti simili fi Triq ir-Repubblika u fit-triq ta’ madwar il-Belt Valletta, fi Triq il-Katakombi fis-Salina u fi Triq San Leonardu f’Ħaż-Żabbar. Din l-inizjattiva hija waħda kontinwa u timxi wkoll id f’id max-xogħol li tkun qed twettaq Infrastructure Malta. Barra minn hekk, qed jiġi installat dawl LED kull fejn ikun hemm il-ħtieġa ta’ bdil ta’ bozoz jew manutenzjoni oħra fid-dwal tat-toroq. Sadanittant, Enemalta plc qed tħejji pjan ta’ tliet snin sabiex id-dawl fit-toroq residenzjali jinbidel ukoll.
Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni jekk hemmx pjan kif it-toroq arterjali u distribitorji kollha jkollhom dawl LED? Jekk iva, meta hemm pjan li dan jitlesta? Jekk le, x’inhu l-pjan tal-Gvern dwar id-dawl fit-toroq arterjali u distributorji sabiex innaqqsu t-tniġġis ambjentali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 653.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Port Ruman – żona ta’ parkeġġ — indafa
Question
Jista’ l-Ministru jassigura li ż-żona tal-parkeġġ fi Triq il-Port Ruman, biswit l-iskola Primarja fil-Qawra, San Pawl il-Baħar, tinżamm nadifa?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tindif ta’ din iż-żona jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u għaldaqstant nitlobha tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat. Ninfurmaha wkoll li kien hemm diversi okkażjonijiet fejn sar intervent fiż-żona mit-Taqsima tat-Tindif u Manutenzjoni sabiex din tinżamm nadifa. Hekk ser jibqa’ jsir sabiex l-indafa f’pajjiżna tkompli titjieb.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 112 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24311 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar jekk hemmx pjan li dan il-parkeġġ jinfetaħ sal-aħħar ta’ Mejju, 2022? Jekk iva, meta hi d-data li hemm il-ħsieb li fiha dan il-parkeġġ jinfetaħ? Jekk le, meta hi d-data li hemm il-ħsieb li fiha dan il-parkeġġ jinfetaħ?
Response
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzzjoni, flimkien mall-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, jinfurmaw lill-Onor. Interpellanta li l-parkeġġ huwa maħsub li jinfetaħ għall-pubbliku fix-xahar ta Lulju.
San Pawl il-Baħar — interruzzjoni fis-servizz tal-ilma - ħruġ ta' avviżi
Question
B’referenza għall-avviż li deher fid-9 ta’ Mejju, 2022 rigward interruzzjoni fis-servizz tal-ilma f’numru ta’ toroq f’San Pawl il-Baħar fil-11 ta’ Mejju, 2022, tista’ l-Ministru tara li meta jkun hemm qtugħ ta’ ilma fi Triq il-Bardnell, San Pawl il-Baħar, hekk kif ġara fil-11 ta’ Mejju, 2022, din it-triq tiġi mniżżla wkoll fl-avviżi li jinħarġu, dan wara li din it-triq ingħatat isem matul ix-xhur li għaddew? Tista’ l-Ministru tara li jsir l-istess meta jinħarġu avviżi minn entitajiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, kif ukoll Enemalta plc., ħadu nota tat-triq imsemmija sabiex din tiġi inkluża fi kwalunkwe avviż li jkun jikkonċerna r-residenti tagħha.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 236 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24688 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni li l-Iskejjel tal-Knisja ma jingħatawx fondi apposta biex ikun hemm security mal-iskejjel, filwaqt li jidher li l-iskejjel tal-Gvern jingħataw fondi għal dan?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qatt m’għadda l-ebda fondi lill-iskejjel tal-Istat fir-rigward ta’ xiri ta’ servizzi ta' security.
Żona tal-imbordin – triq bejn san pawl il-baħar u l-mellieħa – stallazzjoni ta’ dawl
Question
Jista’ l-Ministru jassigura li t-triq bejn San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa fiż-żona Ta’ l-Imbordin ikollha iktar dawl installat? Meta jista’ jitwettaq dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minħabba regolamenti ambjentali u spiża pjuttost kbira, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar mhuwiex fil-pożizzjoni li jsaħħaħ id-distribuzzjoni tad-dawl fi Triq Limbordin, fil-parti li taqa’ taħt ir-risponsabilità tiegħu. Minkejja dan, tlesta xogħol biex tliet bozoz imwaħħla fl-inħawi jingħataw il-kurrent bi spiża ta’ mhux inqas minn €5,333.60.
Min-naħa tiegħu, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa attwalment m’għandux pjani li jintroduċi dwal ġodda fit-triq tal-Miżieb fil-parti li taqa’ fil-konfini tiegħu.
L-introduzzjoni ta’ skemi ġodda ta’ dwal f’żoni ’l barra mill-konfini tal-iżvilupp (ODZ) tirrikjedi permess mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Żona tal-imbordin – triq bejn san pawl il-baħar u l-mellieħa – stallazzjoni ta’ dawl
Question
Tista’ l-Ministru tassigura li t-triq bejn San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa fiż-żona Ta’ l-Imbordin ikollha iktar dawl installat? Meta jista’ jitwettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li f’partijiet kbar it-triq indikata hija klassifikata bħala ODZ u għalhekk ma jistgħux jitwaħħlu arbli tad-dawl. Sadanittant, l-Enemalta ma rċeviet l-ebda talba għal dawl ġdid fl-inħawi.
B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 24672 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jagħti iktar tagħrif dwar iż-żewġ applikazzjonijiet li kienu/għadhom qegħdin jiġu evalwati mill-Awtorità tal-Artijiet għall-forti msemmija? Fiex jikkonsistu dawn l-applikazzjonijiet u f’liema stadju waslu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onorevoli interpellanta tirreferi għat-tweġiba li ngħatat lill-mistoqsija numru 110
San Pawl il-Baħar – konsum tal-alkoħol f’postijiet pubbliċi — ċitazzjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 24673 u 24339 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm-il ċitazzjoni nħarġet dwar ksur tal-bye-law K.L.B.L 55/05/2021, liema bye-law hi dwar il-konsum tal-alkoħol f’postijiet pubbliċi f’San Pawl il-Baħar, minn meta daħlet fis-seħħ din il-bye law sal-lum maqsuma xahar b’xahar? Minn dawn iċ-ċitazzjonijiet li nħarġu, kemm minnhom irriżulta li l-persuna lil min inħarġet iċ-ċitazzjoni kienet ħatja, ma kenitx ħatja u kemm huma l-każijiet li għadhom pendenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif, anke sussegwentament għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23496, għandu jkun dak li qiegħed nagħti f'din it-Tweġiba. Minn meta ħarġet il-bye-law K.L.B.L 55/05/2021 f’Mejju 2021 għal San Pawl il-Baħar, li tippenalizza il-konsum ta’ alkoħol u/jew it-tlajjar ta’ persuni li jġorru xi kontenitur miftuħ ta’ xorb alkoħoliku f'postijiet pubbliċi, kien hemm tlieta u sittin (63) persuna li nħarġitilhom ċitazzjoni relatata ma’ dan il-ksur ta’ liġi, sa l-aħħar ta’ April 2022. Wħud minnhom kellhom aktar minn kontravenzjoni waħda relatata mal-bye-law fuq l-istess ċitazzjoni. Mill-persuni li nħarġulhom iċ-ċitazzjonijiet, sebgħa u għoxrin (27) minnhom kienu ddikjarati ħatja, fosthom għax ma dehrux quddiem it-Tribunal jew wara li ħallsu l-piena dovuti fil-ħin. Tmien persuni (8) ma nstabux ħatja jew kellhom l-akkuzi irtirati mit-Tribunal. L-esitu għall-erbgħa (4) ċitazzjonijiet li nħarrġu f’Jannar 2022 għadu pendenti. Hemm numru ta’ ċitazzjonijiet li l-każ tagħhom għad irid jinstemgħa quddiem it-Tribunal fix-xhur li ġejjin.
Naxxar – Skola Primarja – preżenza tal-pulizija biex jikkontrollaw it-traffiku
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 24674 u 24424 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jinvestiga jekk nhar l-Erbgħa 2 ta’ Frar, 2022 u t-Tlieta 8 ta’ Frar, 2022 kienx hemm il-preżenza tal-pulizija jew uffiċjali biex jikkontrollaw it-traffiku fil-madwar tal-Iskola Primarja tan-Naxxar fil-ħinijiet tad-dħul u tal-ħruġ tat-tfal mill-iskola, hekk kif informata li f’dawn id-dati ma kienx hemm il-preżenza tal-pulizija jew uffiċjali fil-ħinijiet tal-ħruġ tat-tfal mill-iskola?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Naxxar, Mellieħa, San Pawl il-Baħar – stallazzjoni ta’ bus shelters
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-istallazzjoni ta’ bus shelters fil-lokalitajiet tan-Naxxar, Mellieħa u San Pawl il-Baħar? Fejn u meta hu mistenni li jiġu installati iktar bus shelters f’dawn il-lokalitajiet?
Response (BONNICI, OWEN)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant tinsab fit-tabella t’hawn taħt:
Kunsill Lokali
Tweġiba mill-Kunsill
Mellieħa
Proposti li jinvolvu toroq arterjali li saru lil Transport Malta:
1. Triq il-Marfa (Skrajda - Direzzjoni Ċirkewwa)
2. Triq il-Marfa (Qammieħ - Direzzjoni Ċirkewwa)
3. Triq il-Marfa (Qammieħ - Direzzjoni Valletta)
4. Triq il-Marfa (L-Aħrax - Direzzjoni Ċirkewwa)
5. Triq iċ-Ċirkewwa (Batterija - Direzzjoni Ċirkewwa)
Proposti li jinvolvu toroq distributorji li saru the Faces Consultants Ltd skont ftehim li sar mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali:
6. Triq il-Latnija (Paradise – Direzzjoni Valletta)
7. Triq il-Marfa (Luna – Direzzjoni Valletta)
8. Triq il-Marfa (Adenau – Direzzjoni Valletta)
9. Triq il-Biedja (Xifer – Direzzjoni Valletta)
Naxxar
Il-Kunsill m’ghandux pjanijiet li jinstalla
bus shelters
f’dan l-istadju.
San Pawl il-Baħar
Infurmat li l-Kunsill daħħal 6 DNOs fuq bus shelters.
Naxxar, Mellieħa, San Pawl il-Baħar – stallazzjoni ta’ bus shelters
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-istallazzjoni ta’ bus shelters fil-lokalitajiet tan-Naxxar, Mellieħa u San Pawl il-Baħar? Fejn u meta hu mistenni li jiġu installati iktar bus shelters f’dawn il-lokalitajiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-Mistoqsija Parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Mellieħa – Palazz ta’ Selmun – xogħlijiet ta’ restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex isiru xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Palazz ta’ Selmun, Mellieħa, sabiex ma jkomplix jitfarrak u jiddeterjora?
Ħlas ta’ eko-kontribuzzjoni għal kull min iżur il-gżejjer Maltin
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-eko-kontribuzzjoni (50 ċenteżmu għal kull lejl għal kull min iżur il-gżejjer Maltin) li kienet ġiet introdotta numru ta' snin ilu, għadhiex titħallas? Minn mindu ddaħħal dan il-ħlas, kemm kienet is-somma totali li nġabret sena b’sena? Fiex intużaw il-flus li nġabru?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat, nirreferiha wkoll għar-risposta tal-mistoqsijiet parlamentari 9573 (Leġiżlatura XIII). Ninfurmaha li permezz ta’ dawn il-fondi sar ukoll:
· restawr u tisbiħ tal-ġnien storiku magħruf bħala Ġnien tal-Kmand f’Ħal Safi;
· tisbiħ ta’ Ġnien Ġirolamo Cassar ġewwa Ħal Għaxaq fejn ġie nstallat wkoll “play equipment” ġdid u modern;
· il-bini ta’ parkeġġ għal madwar 300 karozza fl-Għadira; u
· ġiet imwaqqfa unit ta’ tindif u manutenzjoni speċifikament għaż-żoni ta’ San Pawl il-Baħar, Xemxija, Buġibba u l-Qawra sabiex ikun jista’ jsir aktar tindif frekwenti.
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar liema huma dawk il-kunsill/i lokali li minn Jannar, 2021 sa April, 2022 urew interess sabiex jintroduċu Residents’ Parking Scheme fil-lokalità rispettiva tagħhom?
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24688 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni li l-Iskejjel tal-Knisja ma jingħatawx fondi apposta biex ikun hemm security mal-iskejjel, filwaqt li jidher li l-iskejjel tal-Gvern jingħataw fondi għal dan?
Response (GRIMA, CLIFTON)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tkun qed tingħata f’seduta oħra.