Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija – rapporti dwar storbju eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm-il każ ta’ storbju eċċessiv ġew irrapportati, xahar b’xahar, bejn Jannar 2021 u d-data ta’ meta qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’liema lokalità ġie rrapportat kull wieħed minn dawn il-każijiet u għal liema tip ta’ storbju kien qed jirreferi dan ir-rapport? Kemm minn dawn ir-rapporti kienu jikkonċernaw ħsejjes wara l-11.00 p.m. u wara s-1.00 a.m. separatament?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill- Onorevoli interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Speed cameras

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1312 dwar speed cameras, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-linji gwida li qiegħed jirreferi għalihom u jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji msemmija għal kull speed camera? F’kull każ, jista’ jagħti tagħrif dwar liema kien l-avviz legali li permezz tiegħu kull speed camera ġiet stabbilita? Billi l-ispeed limits indikati fir-risposta huma kważi kollha differenti min-national speed limit ta’ 80 km fis-siegħa, jista’ jinforma lill-Kamra dwar kif daħlu fis-seħħ l-istess speed limits?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kopja tal-linji gwida msemmija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ispeed cameras huma regolati minn LS 65.11, artiklu 127. Il-limitu tal-velocità jiġi stabbilit skont il-ġeometrija tat-triq fl-istadju tat-tfassil tal-istess triq skont is-setgħat mogħtija lill-istess awtorità u regolati minn CAP 499 u CAP 65. Fil-linji gwida mehmuża wieħed jista` jsib skeda tal-limitu tal- velocità wara li saru s-surveys meħtieġa. Jista` jagħti l-każ li jkun hemm bdil fil-limitu tal- velocità wara ċertu żmien u dan wara li jsir assessjar mill-ġdid minħabba tibdil fit-triq bħal rikostruzzjoni jew bdil fl-allinjament. Ninforma wkoll li r-regolamenti jippermettu li l-limitu tal- velocità jkun differenti mill- velocità nazzjonali skont SL 65.11, artiklu 127 (2).

Notifika rigward ħlas ta' pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex meta pensjonanti jirċevu l-avviż ta’ kemm tħallsu u/jew kemm ser jitħallsu pensjoni, fin-notifika li tintbagħtilhom ma jkunx hemm miktub in-numru IBAN tal-kont tal-bank tagħhom sħiħ u dan minħabba l-fatt li ladarba n-notifika tintbagħat bil-posta, hi faċli li din tinfetaħ minn terzi u jista’ jkun hemm persuni li jabbużaw jew jagħmlu użu mhux mixtieq minn tali informazzjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Azzjonijiet fuq escooter mixħutin fuq il-bankini

Question

Jista’ l-Ministru jinforma x’azzjoni qed tittieħed biex e-scooters ma jibqgħux jinxteħtu fejn ġie ġie fuq il-bankini u joħolqu ostakli bla bżonn, b’mod speċjali għall-persuni b’diżabilità li jużaw dawn il-bankini?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kemm-il pulizija kif ukoll l-Uffiċjali tal-Komunità, joħorġu taħrikiet ta’ ostaklu, meta jiltaqgħu ma’ e-scooters li jkunu ġew mitluqin jew qed jostakulaw il-passaġġ liberu. Dan barra li biex jipprevenu dan l-abbuż huma jkunu viġilanti biex dan ma jsirx minn dawk li jagħmlu użu minm dawn il-vetturi, waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

San Pawl il-Baħar – rotta tal-karozza tal-linja 250

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-frekwenza tar-rotta bin-numru 250 li tgħaddi minn San Pawl il-Baħar lejn l-Isptar Mater Dei? Jista' jara li tiżdied il-frekwenza ta' din ir-rotta hekk kif din ir-rotta qiegħda tintuża wkoll minn persuni biex mill-Għadira jmorru l-Belt Valletta u allura diversi persuni li jkunu qegħdin jistennew il-karozza tal-linja f'San Pawl il-Baħar jispiċċaw ma jirkbux għax tkun diġà mimlija bil-konsegwenza li jaslu tard għall-appuntamenti li jkollhom l-isptar? Jista' jara li tiżdied rotta oħra biex ir-residenti tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar jaslu fil-ħin l-Isptar Mater Dei bil-possibilità li l-aħħar waqfa tkun dik fl-Isptar Mater Dei?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni fuq din ir-rotta mil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, qed tiġi studjata sabiex tinstab soluzzjoni li tkun ta' benfiċċju ghar-residenti tal-lokalità.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Port Ruman – knis ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kull meta tinkines Triq il-Port Ruman, Qawra, San Pawl il-Baħar? Jista’ l-Ministru jara li jitpoġġew iktar litter bins fl-istess triq, b’mod speċjali n-naħa tal-għelieqi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali illi Triq il-Port Ruman tinkines bi skeda ta’ kuljum. Rigward istallazzjoni ta' litter-bins, ninsab informat li ġew istallati diversi litter-bins fi Triq il-Port Ruman matul il-leġiżlatura tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u hemm pjan li jiżdiedu meta jkun il-waqt.

Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – Bini ta’ binjiet tal-Gvern li għadhom ma tlestewx

Question

B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 1516, jista’ l-Ministru jindika l-indirizz fejn skont it-tweġiba għall-istess domanda qed isiru l-preparamenti neċessarji fuq binja ġdida fil-lokalità tal-Mellieħa? Fiex waslu dawn il-preparamenti? Meta hu mistenni li din il-binja titlesta? Meta hu mistenni li din tibda tintuża bħala residenza? Jista’ jgħid x’inhu n-numru tal-permess mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-istess binja filwaqt li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istess permess u l-pjanti approvati għall-istess binja u jindika kemm-il appartament se jkun fiha l-istess binja? Din il-binja se tkun aċċessibbli għall-persuni b’dizabilità?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi l-Appalt tal-Kostruzzjoni tal-Binja li tinsab fi Triq N. Caruana Dingli Mellieħa bil-permess PA3336/20 kien ħareġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti bin-numru tar-referenza tiegħu huwa CT 2372/2020. Sfortunatament ħabba li kien hemm żieda qawwija fir-rati, il-prezzijiet li tefgħu ma kienux aktar sostenibbli u għalhekk il-kuntrattur rebbieħ tal-appalt irrifjuta li jiffirma l-kuntratt. Għaldaqstant l-appalt il-ġdid qed jiġi fformulat bit-tibdiliet neċessarji u b’rati ġodda. Hu mistenni li l-binja tkun lesta fis-snin li ġejjin. Il-binja ħa jkun fiha 8 appartamenti u kollha ħa jkunu aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – Bini ta’ residenzi

Question

B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 1516, jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx pjanijiet li jinbnew residenzi fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar (li tinkludi żoni bħal Buġibba, il-Qawra u x-Xemxija) sabiex dawn jintużaw bħala postijiet ta’ residenza matul il-ħames snin li ġejjin? Jista’ jagħti tagħrif dwar fejn qiegħda kull binja ppjanata u meta mistennija titlesta u tibda tintuża?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Nru 1858.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – postijiet ta’ residenza

Question

B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 1045, jista’ l-Ministru jindika ż-żewġ indirizzi fil-Mellieħa fejn skont it-tweġiba għall-istess domanda nbnew żewġ binjiet għall-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli? Għal kull binja, kemm-il appartament hemm b’kollox, minn dawn kemm qegħdin jiġu użati u taħt liema skema, u jekk hemm xi appartamenti li mhux qegħdin jiġu użati mill-Awtorità tad-Djar, kemm hu l-ammont ta’ dawn l-appartamenti u x’inhi r-raġuni għal dan?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-binjiet imsemmija huma Entraturi A u B, Binja Miżieb, Triq Mons Ġużeppi Schembri, Mellieħa. Iż-żewġ binjiet jikkonsistu f’sitt appartamenti. Ir-residenzi li mhumiex mikrija ġew mibjugħa lir-residenti bi skemi ta’ housing affordabbli mnedija fil-passat.

San Pawl il-Baħar/Buġibba – Triq l-Imrejkba –sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar xi pjanijiet hemm imfassla biex is-sistema tad-drenaġġ fi Triq l-Imrejkba, Buġibba, San Pawl il-Baħar u ż-żona tal-madwar isiru tiswijiet fuqha jew inkella tinbidel l-istess sistema ta’ drenaġġ fl-istess triq u żona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min evalwazzjoni teknika riċenti li saret fl-inħawi ndikati ma jidhirx li hemm bzonn ta’ interventi urġenti fuq infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Ninsab infurmata li f’din it-triq għaddejja nvestigazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fuq sors ta’ ilma li qed joħloq inkonvenjent. Il-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma tikkolabora bis-sħiħ f’dawn l-investigazzjonijiet skont il-htieġa.

Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar – xogħol fuq slielem tal-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jaċċerta li x-xogħol kollu relatat mas-slielem tal-baħar fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar (inkluż Xemxija, Qawra u Buġibba) hu lest u li s-slielem kollha tpoġġew fil-baħar? Jekk le meta hu mistenni li dan ix-xogħol jitlesta?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-infrastruttura tas-slielem kollha fil-lokalitajiet imsemmija twaħħlu kollha. Madanakollu sellum li s-soltu jeħel taħt il-Pjazza ta’ Buġibba, din is-sena ma setax jeħel peress li l-maltemp daħħal ħafna ramel u m’hemmx fejn jeħel is-sellum. Fl-istess post twaħħal railing biex jissostitwixxi s-sellum.

Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar – bajjiet aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-bajjiet li huma aċċessibbli (għall-persuni b’diżabilità) permezz ta’ tagħmir apposta fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar (inkluż Xemxija, Qawra u Buġibba)? Jista’ jgħid jekk dan it-tagħmir tpoġġiex f’postu u jekk le meta hu mistenni li dan ix-xogħol jitlesta?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 509.

Salina National Park – logħob bil-ballun

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-park ta’ Kennedy Grove (Salina National park), San Pawl il-Baħar, hemmx żoni fejn wieħed jista’ jilgħab bil-ballun, hekk kif jidher li xi pulizija waqqfu lil xi tfal milli jilagħbu bil-ballun f’dan il-park? Jekk iva, liema huma dawn iż-żoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Park tas Salina inkluz wkoll l-parti ta’ Kennedy Grove hu intenzjonat sabiex l-familji u l-vizitaturi jkollhom spazju miftuħ fejn jirrekrejaw ruhom f’ ambjent naturali. Filwaqt li wieħed jifhem li jkun hemm tfal żgħar li okkażjonalment jilagħbu bil-ballun f’ diversi żoni ġewwa dan il-park mingħajr ma’ jkun hemm periklu għalihom jew għal-vizitaturi oħrajn, logħob bil-ballun minn żgħażagħ jew persuni adulti li jista’ jkun ta’ periklu ghal vizitaturi ohra hija xi haga differenti. Huwa f’ ċirkustanzi bħal dawn li l-uffiċjali tas-sigurtà u uffiċjali tal-pulizija, li jkunu preżenti regolarment biex josservaw l-bon ordni, jiġbdu l-attenzjoni u ma jħallux li jkun hemm periklu għall pubbliku u anki li ma ssirx ħsara fuq il-post.

San Pawl il-Baħar – smart meters

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar ir-residenzi għandhomx kollha smart meters installati? Jekk le, x'inhi r-raġuni għal dan? Għal dawn ir-residenzi li fihom hemm smart meters, x'inhi r-raġuni li kull tant żmien ħaddiema jaqraw il-meters? Meta jsir dan x'tip ta' informazzjoni tkun qed tinġabar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fejn jirrigwardja l-elettriku, fil-lokalità msemmija, l-persentaġġ ta’ smart meters jiżboq id-99% tal-meters installati. Mill-meters li jifdal (effettivament inqas minn 1%), hemm aktar min-nofshom ma jistgħux jinbidlu għax is-servizz huwa sospiż, filwaqt li l-kumplament jistgħu jinbidlu la darba jkun hemm l-arranġamenti meħtieġa mas-sidien. Fejn jirrigwardja l-ilma, il-qari awtomatiku jiżboq it-80%. Il-qari fiżiku tal-ismart meters ikun meħtieġ fejn għal xi raġuni l-konsum ma jidħolx b’mod awtomatiku jew fejn ikunu meħtieġa verifiki addizzjonali.

Azzjonijiet fuq e-scooters mixħutin fuq il-bankini

Question

Jista’ l-Ministru jinforma x’azzjoni qed tittieħed biex e-scooters ma jibqgħux jinxteħtu fejn ġie ġie fuq il-bankini u joħolqu ostakli bla bżonn, b’mod speċjali għall-persuni b’diżabilità li jużaw dawn il-bankini?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda fi stadju fejn qed jiġu aġġornati l-liġijiet biex tkun tista iżżid l-infurzar fuq dawn il-mezzi.

Mellieħa – drenaġġ li qed jasal sal-impjant taċ-ċumnija

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kif varja l-volum tad-drenaġġ li qed jasal sal-impjant taċ-Ċumnija limiti tal-Mellieħa, kull sena, mill-2010 sal-lum?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Sena Drenaġġ Ittrattat Miljun Metru Kubu 2010 2.42 2011 2.98 2012 3.17 2013 3.40 2014 3.04 2015 3.15 2016 3.67 2017 3.60 2018 3.56 2019 3.47 2020 2021 3.16 3.21

Mellieħa – ilma li jkun issaffa mid-drenaġġ fl-impjant taċ-Ċumnija

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol marbut mal-provvista ta' ilma wara li jkun issaffa mid-drenaġġ fl-impjant taċ-Ċumnija limiti tal-Mellieħa? Meta kellu jitlesta x-xogħol marbut mat-twassil ta' dan l-ilma għand il-bdiewa? Fiex wasal ix-xogħol u meta mistenni jitlesta l-proġett kollu? Kemm bdiewa huma mistennija li jingħataw ilma minn din is-sistema? Sal-lum liema nħawi huma diġà pprovduti minn dan l-ilma u kemm bdiewa qed jużaw l-istess ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġett tan-New Water fit-Tramuntana ta’ Malta qed iwassal għar-riżultati pożittivi. B’dan l-investimenti bla preċedent li sar minn dan il-Gvern f’din il-miżura innovattiva u ambjentali, fl-2021 ilħaqna rekord ta’ 831,000 metru kubu ta’ New Water f’dak li jirrigwarda produzzjoni, id-doppju ta’ dak li konna ilħaqna fis-sena 2019, u 6% iżjed mill-ammont li lħaqna fl-2020. Se nkomplu ntejbu fuq li diġà sar sabiex nilħqu iżjed bdiewa, se nkomplu ninvestu biex insaħħu u intejbu l-produzzjoni, iva anke b’investiment dirett fuq l-impjant. Bħalissa għadna kemm nedejna espansjoni tan-network fiż-żona b’investiment ta’ kważi sitt miljun ewro. Network ġdida li tkompli żżid ma’ dak li diġà hemm biex inkomplu nilħqu l-aspettattivi u l-bżonnijiet tal-bdiewa tagħna. Bdiewa li qed jirrikorru b’fiduċja għal dan is-servizz, bin-numri jiżdiedu minn sena għal oħra. Fis-sena 2021 kellna 'l fuq min 1100 klijent tan-New Water, żieda ta’ 'l fuq min 300 utent fuq is-sena ta’ qabel.

Bdiewa reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm bdiewa reġistrati, kemm full time kif ukoll part time, separatament għal kull wieħed minn dawn l-age groups: a) taħt l-20 sena, b) bejn il-21 u t-30 sena, c) bejn il-31 u l-40 sena, d) bejn il-41 u l-50 sena, e) bejn il-51 u s-60 sena, u f) ‘l fuq minn 60 sena?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentaru Nru 142.

Ta’ Qali: Pitkalija – xogħol ta’ tibdil strutturali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta mistenni jsir xogħol ta' tibdil strutturali fil-Pitkalija f'Ta’ Qali? Meta mistenni jitlesta dan ix-xogħol? Fiex jikkonsisti x-xogħol li għandu jsir?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Post fejn jiġi pproċessat il-ħalib

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li jinbidel il-post li fih jiġi pproċessat il-ħalib qabel jitwassal għand il-konsumatur, kemm bħala ħalib frisk kif ukoll bħala prodotti oħra li jsiru mill-istess ħalib? Jekk fil-fatt hemm il-pjan li din il-bidla sseħħ, jista' jagħti tagħrif dwar meta mistenni li din il-bidla sseħħ u fejn hu mistenni li tiġi rilokata?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet dwar is-suġġett.