Legislature:
Category:
Reset
Active:

Buġibba, il-Qawra u s-Salina – irwejjaħ ġejjin mill-Miżbla tal-Magħtab

Question

Tista’ l-Ministru tinvestiga x'inhi r-raġuni li għaliha fl-inħawi qrib il-Magħtab, b'mod partikolari Buġibba, il-Qawra u s-Salina, qed ikun hemm ħafna rwejjaħ li jidher li ġejjin mill-Miżbla tal-Magħtab? X'passi qed jittieħdu biex din il-problema tiġi solvuta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’żieda, għar-risposta li kienet ingħata għall-mistoqsija parlamentari 24427 tat-XIII il-leġislatura li għalkemm fil-proċess tal-immanniġġjar tal-iskart il-ħruġ ta’ ċerti rwejjaħ huwa inevitabbli, il-kumpanija Wasteserv tieħu diversi miżuri ta’ mitigazzjoni li wasslu biex dan l-inkonvenjent illum huwa l-inqas li qatt kien. Dan huwa kkonfermat ukoll mit-tnaqqis fin-numru ta’ rapporti u lmenti li jidħlu għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fir-rwol tagħha ta’ regolatur. B’mod ġenerali l-irwejjaħ ikunu ġejjin mill-kontenut organiku tal-borża s-sewda, li b’xorti ħażina għadu jammonta għal madwar erbgħin fil-mija. Min-naħa l-oħra, l-miżuri ta’ mitigazzjoni, li jkopru l-operat kollu fil-kumpless ECO Hive, joħorġu anke mill-permessi IPPC li toħroġ l-Awtorità regolatorja u, fost l-oħrajn, jinkludu misting system mal-konfini kollha tal-miżbla u anke miżuri sabiex jitgħatta ż-żibel tal-wiċċ. Dawn il-miżuri jittieħdu kemm fil-landfill li qed tintuża bħalissa kif ukoll fuq is-sit tal-miżbla l-antika u dan għaliex l-iskart antik jibqa’ attiv għal ħafna snin. Min-naħa tagħha, l-ERA twettaq spezzjonijiet regolari fil-kumpless Eco Hive sabiex jiġi żgurata konformità mal-kundizzjonijiet tal-permessi IPPC inkluż li l-miżuri għall-mitigazzjoni tal-irwejjaħ ikunu qegħdin jiġu osservati. Il-pubbliku ġenerali jista’ jagħmel ukoll il-parti tiegħu billi jissepara l-iskart bil-għaqal u ma jitfax skart organiku fil-borża s-sewda.

Child Developement Assessment Unit — Statementing Report għal servizz ta’ Learning Support Assistant

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar kemm hemm każijiet fejn il-ġenitur/i qed jistennew rapport minn Educational Psychologists tal-Gvern li huwa meħtieġ sabiex uliedhom ikunu jistgħu jirċievu l-istatementing report li jiddetermina jekk l-ulied ikollhomx bżonn Learning Support Assistant, u dan qabel ma wliedhom ikunu jistgħu jibdew jattendu l-iskola? Għal kull sena (Year 1, eċċ.) kemm huma dawk it-tfal li qegħdin jistennew dan ir-rapport? X'inhi r-raġuni li għaliha qed ikun hemm daqstant tfal jistennew dan ir-rapport u x'qed isir biex dan id-dewmien jinqata’? Billi jidher li n-numru ta’ ġenitur/i li qed jirrikorru għand il-privat biex jiksbu dan ir-rapport qed jiżdied, u dan biex ma jintilifx ħin prezzjuż għal uliedhom, jista’ jassigura li dawn il-ġenitur/i jingħataw lura l-ispejjeż li jkunu ħallsu għal dan ir-rapport fil-privat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawk l-applikazzjonijiet li waslu għand is-CDAU (Child developement and Assessment Unit) sal-aħħar ta' Ġunju 2022, fejn ġie ddeterminat li tifel jew tifla kellhom bżonn assessment pskikoloġiku sabiex ikunu jistaw jibdew l-iskola, kollha sarilhom dan l-assessment,

San Pawl il-Baħar — Triq Sir Luigi Preziosi – manutenzjoni tat-taraġ

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-taraġ li jagħti minn Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar, sat-triq t'isfel issirlu l-manutenzjoni neċessarja inkluż li jiġi miżbugħ, biex ma jibqax b'patches ta' ton differenti ta' griż u minflok ikun ta' kulur wieħed tal-istess ton?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li fl-ewwel jiem ta' Settembru 2021, il-ħaddiema ta' FTZD wettqu xogħlijiet estensivi, minn fuq s’isfel tat-taraġ li jinsab bejn Triq Sir Luigi Preziosi u Triq Santa Maria. Infurmat ukoll li dawn x-xogħlijiet saru wara snin sħaħ ta' abbandun totali.

San Pawl il-Baħar: Triq l-Imrejkba u Triq il-Konz — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex isir ix-xogħol neċessarju fi Triq l-Imrejkba u Triq il-Konz, Qawra, San Pawl il-Baħar biex jiġu rranġati, għaliex jinsabu fi stat ħażin ħafna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar illi dwar ‘Triq l-Imrejkba’ huwa mifhum, anke wara testijiet xjentifiċi li saru, illi l-ħsara msemmija f'wiċċ it-triq kienet ġejja minn żbroff tad-drenaġġ kontinwu fl-istess triq li kien ġej minn binja privata. Infurmat li dawn il-ħsarat ser jiġu msewwija hekk kif il-Kunsill jirċievi r-rapport uffiċjali maħruġ mid-Dipartiment tas-Sanità. Rigward ‘Triq il-Konz’, ninsab infurmat illi mhuwiex magħruf li hemm il-ħsara allegata mill-Onor. Interpellant.

Birkirkara – Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx ħsieb li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Birkirkara jingħalaq matul il-jiem li ġejjin? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li dan iċ-ċentru ma jkomplix jopera? X'inhi r-raġuni għal dan l-għeluq, jekk l-għeluq hux wieħed temporanju u meta hemm ħsieb li dan iċ-ċentru jerġa’ jiftaħ? Jista' jikkonferma li dawk li s-soltu kienu jinqdew minn dan iċ-ċentru, issa se jkollhom jinqdew miċ-Ċentri tas-Saħħa fil-Mosta, il-Gżira u l-Floriana? X’inhi r raġuni li għaliha mhux se jkun hemm ċentru temporanju minn fejn jinqdew in-nies li normalment kienu jinqdew miċ-Ċentru ta' Birkirkara?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Birkirkara għalaq għal perjodu temporanju fit-8 ta’ Lulju 2022 biex jibda l-programm ta’ xogħol ta' refurbishment ġenerali u mmodernizzar. Huwa ppjanat liċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Birkirkara jerġa jiftaħ il-bibien tiegħu fl-ewwel kwart tal-2023. Pazjenti li jissejħu walk-in, jiġifieri pazjenti li jkollhom bżonn lit-tabib dak il-ħin. issa qed jinqdew miċ-Ċentri tas-Saħħa fil-Mosta, il-Gżira u l-Floriana. Il-pazjenti li jkollhom appuntament, jew għandhom bżonn ta’ appuntament mal-professjonisti mediċi jistgħu jagħmlu l-appuntament fejn ikunu jixtiequ huma, inkluż fil-Klinici fil-Komunità. Is-Servizz tat-Teħid tad-Demm, li jaqdi madwar 50 pazjent kuljum għadu jsir miċ-Ċentru Ċiviku ta’ B’Kara.. Iċ-Ċentru tal-Podiatrija li qiegħed ukoll fiċ-Ċentru ta’ Birkirkara qed jibqa’ joffri s-servizzi tal-podjatrija normali .

San Pawl il-Baħar: Triq Damasku u Triq Raddet ir-Roti – rapporti ta’ ħsarat relatati mad-drenaġġ jew ilma

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċevietx rapporti ta’ ħsarat relatati mad-drenaġġ jew ilma ħiereġ fi Triq Damasku u Triq Raddet ir-Roti, San Pawl il-Baħar, fl-aħħar sitt xhur? Jekk iva, meta rċeviet dawn ir-rapporti, dwar xiex kienu r-rapporti u x’passi ttieħdu biex dan id-drenaġġ u/jew ilma ma jibqax jiġri fit-toroq imsemmija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċeviet 12-il każ relatati ma' ħruġ ta’ ilma jew drenaġġ. Minn dawn, ħamsa kienu rigward ħruġ ta’ ilma potabbli filwaqt li sebgħa kienu rigward ħruġ ta’ drenaġġ. Fil-maġġor parti tal-każijiet instab li l-ħsara kienet ġejja minn infrastruttura ta’ terzi. F’dawn il-każijiet, min għamel ir-rapport ingħata l-informazzjoni meħtieġa u, fejn kien hemm bżonn, anke ġew infurmati l-awtoritajiet kompetenti. F’dawk il-każijiet fejn il-problema oriġinat mill-infrastruttura tal-Korporazzjoni, saru l-interventi meħtieġa.

Qawra: Skola Primarja — parkeġġ

Question

B’referenza għal numru ta’ mistoqsijiet parlamentari li għamilt dwar il-parkeġġ tal-Iskola Primarja tal-Qawra, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet ma’ dawk kollha involuti biex dan il-parkeġġ ikun jista’ jinfetaħ għall-użu tar-residenti fl-inħawi? X’qed iżomm milli fil-fatt jintlaħaq ftehim biex dan il-parkeġġ jinfetaħ għall-użu tal-pubbliku u b’hekk jonqsu l-inkonvenjenzi lir-residenti tal-inħawi? Jista’ jikkonferma jew jiċħad li hemm diffikultajiet dwar aċċessibbiltà u ingress ta’ ilma li qed itellfu milli jinfetaħ dan il-parkeġġ? Jista’ jgħid kif se jkun qed jopera dan il-parkeġġ? Meta hi d-data meta dan il-parkeġġ se jinfetaħ għall-użu tal-pubbliku? Kemm-il laqgħa saret dwar din il-materja mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jew ma’ rappreżentant/i tiegħu, min kien mistieden, min attenda u meta saru dawn l-istess laqgħat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari 318 u 432, ninformaha wkoll li wara laqgħat ma' diversi rappreżentanti tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar kif ukoll fuq il-post, il-preparazzjonijiet issa jinsabu fil-fażi finali.

Salina – irwejjaħ ħerġin mill-kanal madwar is-salini tal-melħ

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-irwejjaħ kbar li ħerġin mis-sukkorzju tas-Salina (il-kanal madwar is-salini tal-melħ fis-Salina), liema proġett kien sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, jiġu mnaqqsin kemm jista’ jkun jew jiġu eliminati, għax qed ikunu ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti tal-inħawi, b’mod partikolari r-residenti tas-Salina u tal-Qawra? Billi dawn l-irwejjaħ probabbilment qed jirriżultaw minħabba l-fatt li partijiet mill-kanal huma imblukkati bl-alka u materjal ieħor, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan il-kanal jitnaddaf u jekk dan it-tindif ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jikkordina mal-Ministeru kkonċernat?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej b’diskussjoni mal-entitajiet konċernati sabiex jingħata permess għat-tindif tal-post li qed issir referenza għalih.

Applikazzjonijiet u appelli pendenti għall-Blue Sticker

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-Blue Sticker u kemm hemm appelli pendenti għall-każijiet fejn il-Blue Sticker ma ġietx approvata? Kemm hi l-medja ta’ żmien ta’ stennija sabiex jinħareġ permess għall-Blue Sticker minn mindu ssir l-applikazzjoni? Kemm hi l-medja ta’ żmien ta’ stennija sabiex tingħata d-deċiżjoni għall-appelli minn mindu wieħed jinforma li qed jappella d-deċiżjoni?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-ewwel ġimgħa ta' Ġunju 2022 kien hemm 197 talba għall-Blue Badge. Fl-istess perjodu kien hemm 81 applikazzjoni quddiem il-Bord tal-Appell. Il-medja taż-żmien ta’ stennija minn meta wieħed japplika għall-blue badge sakemm jirċievi deċiżjoni hi ta' madwar 8 ġimgħat. Il-bord tal-appell hu differenti mill-bord li jawtorizza l-ħruġ tal-blue badges.

Mellieħa u San Pawl il-Baħar – railings u slielem ħdejn il-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jaċċerta li x-xogħol kollu relatat mar-railings tal-baħar fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar (inkluż Xemxija, Qawra u Buġibba) hu lest u li kollha tpoġġew ħdejn il-baħar/fil-baħar? Jista’ jaċċerta li r-railings u slielem qegħdin kollha fi stat tajjeb u li jsir ix-xogħol meħtieġ fl-iqsar żmien b’mod partikolari fuq ir-railings u s-slielem fil-bajjiet ta’ Triq San Ġeraldu u Triq San Franġisk, San Pawl il-Baħar, hekk kif jidher li hemm minnhom li għandhom xi ħsarat jew inkella tpoġġew f’sit differenti mis-soltu u b’hekk qed ikun diffiċli, speċjalment għall-anzjani, biex jagħmlu użu minnhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol kollu relatat ma’ railings tal-baħar fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar tlesta kollu. Infurmat illi saħansitra xi wħud minnhom saru ġodda sabiex jintużaw għal matul dan is-sajf. Saret spezzjoni f’dawn il-ġranet u ġie aċċertat li dawn kollha jinsabu fi stat tajjeb sabiex jintużaw mill-pubbliku. Ovvjament l-appell huwa li ma jsirx vandaliżmu fuq dawn ir-railings sabiex ikunu jistgħu jitgawdew fit-tul kemm jista’ jkun.

San Pawl il-Baħar – Xemxija – Moll tal-Veċċja

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1419, jista' l-Ministru jassigura li d-dawl kollu ta’ fuq il-moll imsemmi fil-fatt ikun qed jixgħel fil-ħinijiet meħtieġa, speċjalment billejl, għaliex s’issa almenu tlieta mid-dwal imsemmjia għadhom ma xegħlux, jew jekk inxtegħlu fil-fatt reġgħu nqatgħu ftit wara?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi il-mollijiet u l-manutenzjoni marbuta magħhom ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, però l-Kunsill xorta waħda qed jagħmel l-almu tiegħu biex id-dawl ta’ fuq il-moll jinxtgħel kollu.

Awtorità tad-Djar – Kiri ta’ appartamenti/djar għall-użu residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ appartamenti/djar li huma mikrija mill-Awtorità tad-Djar għall-użu residenzjali? Kemm minn dawn il-proprjetajiet huma tal-Gvern u kemm huma tal-privat? F’liema lokalità jinsabu dawn il-postijiet, u jagħti n-numru ta’ appartamenti/djar għal kull lokalità?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Awtorità tad-Djar – teħid lura ta’ ċwievet ta’ appartamenti

Question

Billi ġie rrapportat li matul l-aħħar snin kien hemm it-teħid lura ta’ kważi 500 ċavetta, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu tal-privat u kemm kienu tal-Gvern? F’liema lokalitajiet kienu l-appartamenti li fihom saru l-abbużi?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

San Pawl il-Baħar: Triq Parades – vultaġġ baxx ta’ elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tinvestiga x’inhi r-raġuni li għaliha qed jiġi rrapportat vultaġġ baxx fi Triq Parades, parti minn Triq San Pawl u Triq il-Katidral (fost toroq oħra) f’San Pawl il-Baħar? Wara li ssir din l-investigazzjoni, tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex id-dawl f’dawn l-inħawi jiġi msaħħaħ? Tista’ tagħti wkoll tagħrif dwar jekk l-Enemalta tiġborx informazzjoni dwar inħawi fejn il-vultaġġ ikun baxx?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta qiegħda fil-mument tgħaddi cables ġodda sabiex issaħħaħ l-infrastruttura eżistenti. Hekk kif ix-xogħlijiet ta’ tqattigħ ta’ trinek u tqegħid tal-cables jitlestew, fil-ġimgħat li ġejjin dawn ser jitqabbdu mal-linji sabiex jindirizzaw dawn il-varjazzjonijiet. L-Enemalta qiegħda tanalizza l-akkwati fejn qiegħed isir żvilupp konsiderevoli biex tittieħed l-azzjoni neċessarja u tkompli ssaħħah is-sistema ta’ distribuzzjoni.

Kunsilli Lokali – Applikazzjoni għal skemi u għajnuniet differenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm skemi ta’ għajnuniet differenti li għalihom setgħu japplikaw il-kunsilli lokali mill-1 ta’ Jannar, 2021 sad-data meta qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema kienu dawn l-iskemi, waħda waħda? Għal kull waħda minn dawn l-iskemi, liema kienu dawk il-kunsilli lokali tas-7 u t-12-il distrett elettorali li applikaw? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet, f’kull każ, ġew aċċettati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija — Membri

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentement in-numru ta’ pulizija mpjegati fil-Korp tal-Pulizija fid-diversi livelli li jifformaw il-Korp, minn kuntistabbli sa kummissarju? Kemm kien in-numru ta’ persuni li rriżenjaw mill-Korp bejn Jannar, 2021 u d-data li qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Minn liema livell fil-Korp kienu dawk li rriżenjaw? F’dan l-istess perjodu, kemm kien hemm persuni li ngħaqdu mal-korp u f’liema livell?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi n-numru ta’ uffiċjali fil-Korp ta’ Pulizija (minn Kummissarju sa’ Kuntistabbli) sal-aħħar ta’ Ġunju 2022 kien ta’ 1949. Fil-perjodu indikat irriżenjaw 4 Spetturi, 4 Surġenti u 18-il Kuntistabbli qabel l-età tal-irtirar. In-numru ta’ uffiċjali li ngħaqdu mal-Korp f’dan il-perjodu kien ta’ 110, 4 minnhom fil-grad ta’ Spettur, u 106 Kuntistabbli. Bħala parti mill-immodernizzar tal-Korp tal-Pulizija, fl-istess perjodu msemmi fil-Korp kien hemm ukoll 159 impjegat ċivili, u 147 Kuntistabbli ta’ Riserva. Meta tgħoddhom mal-perjodu fuq imsemmi jammontaw għal 2255 uffiċjal tas-servizz u ċivili fil-Korp tal-Pulizija.

San Pawl il-Baħar: Triq il-Port Ruman – persuni li jkollhom il-karozza pparkjata

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fi Triq il-Port Ruman, San Pawl il Baħar, quddiem l-Iskola Primarja tal-Qawra, jirrenja l-buon sens u l-persuni li jkollhom il-karozza tagħhom ipparkjata fit-triq jew f’xi garaxx fl-istess triq, jitħallew jitilqu minn fuq il-post mingħajr ma jistennew li jsir il-ħin tat-8.00 a.m. (u wkoll waqt il-ħin tal-ħruġ tat-tfal mill-iskola), dan naturalment mingħajr ma jinħoloq periklu għat-tfal u l-ġenituri li jkunu hemm?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onor. Interpellant tapprezza illi waqt il-ħin tad-dħul u tal-ħruġ tat-tfal mill-iskola msemmija, il-Pulizija dejjem kienet prattika u assistiet lix-xufiera li kellhom il-karozzi tagħhom ipparkjati fit-triq jew f’garaxxjiet fl-istess triq, biex jitnaqqsilhom il-ħin ta’ stennija. Madankollu, il-pulizija hija dejjem kawta u ma tiħux riskji, meta fl-opinjoni tagħha, moviment ta’ vetturi f’ċerti ħinijiet u ċirkustanzi, jista’ jkun ta’ periklu jew detriment ieħor għat-tfal tal-iskola jew għall-persuni li jakkumpanjawhom.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – postijiet ta’ residenza

Question

B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 1045, jista’ l-Ministru jindika ż-żewġ indirizzi f’San Pawl il-Baħar (jekk mhux possibbli jingħata l-indirizz kollu, tingħata l-isem tat-triq u possibbilment l-isem tal-blokka) fejn skont it-tweġiba għall-istess domanda ġew akkwistati żewġ appartamenti mibnija mill-privat li ġew allokati għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – postijiet ta’ residenza

Question

B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 1045, jista’ l-Ministru jindika l-indirizz għal kull post ta’ residenza li tqassam mill-2017 sad-data li fiha ġiet imwieġba l-istess domanda parlamentari u dan sena sena b’mod separat għal kull sena u kull lokalità tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar (li tinkludi żoni bħal Buġibba, il-Qawra u x-Xemxija) (jekk mhux possibbli jingħata l-indirizz kollu, tingħata l-isem tat-triq u possibbilment l-isem tal-blokka)?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ta’ Qali: Pitkalija – xogħol ta’ tibdil strutturali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1687 u jagħti tagħrif dwar meta mistenni jsir xogħol ta' tibdil strutturali fil-Pitkalija f'Ta’ Qali? Meta mistenni jitlesta dan ix-xogħol? Fiex jikkonsisti x-xogħol li għandu jsir?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.