San Pawl il-Baħar/Qawra – ħsarat fid-dwal pubbliċi f’diversi partijiet tal-promenade
Question
Billi qed jirriżulta li spiss qed ikun hemm ħsarat fid-dwal pubbliċi li hemm f'diversi partijiet tal-promenade minn ħdejn l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar sal-Qawra, u dan b'mod partikolari meta jkun il-maltemp jew meta tagħmel ix xita, hekk kif, pereżempju, ġara nhar l-10 ta’ Ottubru, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex isiru spezzjonijiet fuq dawn id-dwal, ħalli l-ħsara titnaqqas kemm jista’ jkun?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi l-istess Kunsill dejjem jaġixxi b’mod immedjat biex jirrapporta l-każ u jissewew il-ħsarat.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2698, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar minn liema lokalitajiet, lokalità lokalità, huma dawk il-persuni li qed jieħdu l-mediċina Xeralto bla ħlas u kemm hemm minn kull lokalità? Ta’ liema età huma dawn il-persuni?
Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Iskeda V msemmija fl-istess risposta ta’ mistoqsija parlamentari 2698? Jista’ jagħti tagħrif dwar meta hu maħsub li dan is-servizz jiġi estiż għal pazjenti oħra li sal-lum għadhom mhumiex intitolati għal din il-mediċina b’xejn skont l-Iskeda V imsemmija?
Kemm hu n-numru ta’ persuni li talbu li jingħataw din il-mediċina bla ħlas, iżda din mhux tingħatalhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kopja ta l-Iskeda V u lista bil-lokalitaà u età ta’ dawk il-persuni li qed jieħdu din il-mediċina bla ħlas se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta ta' għada. Kull min hu intitolat għal din il-mediċina skont l-iskeda V jista jgawdi minnha mingħajr ħlas.
San Pawl il-Baħar — Ġnien Borg, Għajn Nastas u San Martin – tqegħid ta’ mains tal-ilma tan-new water
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2557, tista' l-Ministru tagħti indikazzjoni sa fejn fil-fatt se jitwassal l-ilma tan-new water, għaliex ma jidhirx li għandu jkun hemm diffikultà biex l-istess ilma jitwassal sal-inħawi tal-Wardija u taż-Żebbiegħ? Jekk preżentement jirriżulta li hemm xi problemi ta' pressa, billi dawn il-problemi għad jistgħu jiġu indirizzati, tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex dan isir, iktar u iktar meta fl-istess rotta tan-new water jidher li se jkun hemm ukoll mains tal-ilma tax-xorb mibdula?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infakkar lill-Onor. Interpellant fit-tweġiba li diġà tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 2557. Infurmata li x-xogħlijiet se jitwasslu sa fejn teknikament huwa possibbli llum skont il-pressa li hemm fil-post.
Kunsilli lokali – Skema ta’ restawr ta’ postijiet/monumenti storiċi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il Kunsill Lokali applika għall-iskema dwar Restawr ta’ Postijiet/Monumenti Storiċi f’Malta 2022/2023? Liema kienu dawk il-kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex li applikaw? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet ma ġewx aċċettati u x'inhi r-raġuni għal dan f'kull każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt:
Total ta' Kunsilli Lokali li applikaw - 15-il Kunsill Lokali
Lista ta' Kunsilli Lokali li applikaw
Lista ta' min ġie aċċettat
Lista ta' min ma ġiex aċċettat
Raġuni għala ma ġietx aċċettata
Tarxien
Tarxien
Xgħajra
Xgħajra
Rabat
Rabat
Poala
Poala
Ineligible as proposal was not in conformity with Section 3.i. of the application. (i.e owner’s consent to the execution of works was not submitted)
San Ġwann
San Ġwann
Żejtun
Żejtun
Għargħur
Għargħur
Marsaskala
Marsaskala
Kirkop
Kirkop
Fgura
Fgura
Ħaż-Żebbug
Ħaż-Żebbug
Żurrieq
Żurrieq
Santa Venera
Santa Venera
Ħal Lija
Ħal Lija
Birkirkara
Birkirkara
Ineligible as proposal was not in conformity with Section 3.i. of the application. (i.e. owner’s consent to the execution of works was not submitted)
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-frekwenza tar-rotot 41 u 42, mit-Tramuntana ta’ Malta lejn il-Mosta? Jista' jara li tiżdied il-frekwenza ta' dawn ir-rotot fl-ewwel żewġ ħinijiet ta' filgħodu, hekk kif dawn il-buses qegħdin ikunu mimlija u ma jkunx possibbli li jintużaw mill-persuni li jkunu qegħdin jistennew fuq il-bus stops ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jara li tiżdied rotta oħra biex ir-residenti ta' San Pawl il-Baħar jaslu fil-ħin fid-destinazzjoni li jkunu jridu jmorru fiha? Jista' jassigura li s-servizz ikun adegwat f'dawn il-ħinijiet sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn għalkemm il-bus tkun mimlija, issir pressjoni fuq il-bus driver biex itella' iktar nies minħabba l-ammont kbir ta' persuni li jkunu qegħdin jistennew fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fix-xitwa il-frekwenza tar-rotot 41 u 42, li miċ-Ċirkewwa tmur il-Belt Valletta, hija ta’ kull tletin minuta u għaldaqstant bejniethom ikun hemm frekwenza ta 15-il minuta. Il-frekwenza fis-sajf tiżdied għal kull għoxrin minuta fil-ħinijiet meqjusa bħala “peak”.
Ittieħdet nota ta’ suġġeriment li jiżdiedu il-frekwenzi sabiex jiġu ikkunsidratti fil-futur qarib. Ta’ min wieħed jinnota li Triq San Pawl u Triq Parades huma servuta ukoll mir-rotta 49 li ukoll tagħti konnessjoni ta’ kull siegħa għal Belt Valletta. Ma dawn ir-rottot, Triq Mosta tingħaqad ir-rotta 48 li ukoll tagħti konnesjoni lejn il-Belt Valletta. Din ir-rotta topera bi frekwenza ta’ kull tletin minuta.
San Pawl il-Baħar – Buġibba — Dawret il-Gżejjer – żbir ta’ pjanti u siġar
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex jinżabru l-pjanti, siġar, eċċ li jinsabu f’Dawret il-Gżejjer, Buġibba, San Pawl il-Baħar, hekk kif minħabba fihom mhux qed ikun possibbli li n-nies ipoġġu fuq il-bankijiet li hemm fl-istess promenade kif ukoll qegħdin inaqqsu mill-wisa’ aċċessibbli tal-bankina, liema xogħol kien għadu ma sarx sa meta saret din id-domanda parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ġaladarba huwa rrakkomandat li ż-żbir tas-siġar u pjanti jsir fix-xhur tax-xitwa, dan ser isir fiż-żmien opportun.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2538, jista’ l-Ministru jwieġeb il-partijiet tad-domanda li ma ġewx imwieġba? Billi issa għaddew bosta xhur minn mindu l-parkeġġ ta’ taħt l-Iskola Primarja tal-Qawra kellu jibda jintuża mill-pubbliku, jista’ jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni li għaliha dan għadu mhux qed jintuża? Ma’ min saru d-diskussjonijiet biex il-parkeġġ jinfetaħ? Jista’ jgħid jekk il-Ministeru jew xi entità oħra hux qed joġġezzjonaw biex iż-żewġ livelli tal-parkeġġ (għal madwar 400 karozza) jibdew jintużaw? Jekk iva, x’inhi r-raġuni għal dan? Jekk mhux il-każ, għaliex l-istess Ministeru li bena l-iskola u l-parkeġġ mhux qed joffri dan l-ispazju għall-użu tal-pubbliku? Jista’ jikkonferma li hemm/kien hemm diffikultajiet dwar aċċessibilità u ingress ta’ ilma fl-istess parkeġġ? Jista’ jikkonferma li għad jonqos joħroġ compliance certificate mill-Awtorità tal-Ippjanar qabel il-parkeġġ ikun jista’ jintuża mill-pubbliku? Jekk dan hu minnu, fiex wasal dan il-proċess? Jista’ jgħid meta hi d-data l-ġdida li fiha issa dan il-parkeġġ ser ikun miftuħ għall-pubbliku?
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-funzjoni tan-Noise Control Commission? X’inhi l-proċedura li tintuża biex jibdew investigazzjonijiet minn din il-Kummissjoni? Minn kemm ilha mwaqqfa, sena b’sena, kemm-il każ ġie investigat u f’kemm-il każ instab li kien hemm ksur ta’ liġi? X’kienet ir-raġuni għall-ksur ta’ liġi f’kull każ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li n-Noise Control Commission kienet Kummissjoni ffurmata ad hoc fil-passat u kellha l-funzjoni li tagħti parir lill-Ministru fuq kwistjonijiet ġenerali relatati mal-istorbju. Il-Kummissjoni qatt ma kellha poteri investigattivi u qatt ma għamlet investigazzjonijiet. Din il-Kummissjoni m’għadhiex stabbilita.
San Pawl il-Baħar – Telgħet ix-Xemxija — xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu t-tħejjijiet għal xogħlijiet relatati mas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ f’Telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Fiex jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet? Tista’ tgħid jekk hemmx pjanijiet għal xogħlijiet oħra minn entitajiet oħra u fiex jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet? Meta hu skedat li jibda u jitlesta dan ix-xogħol? X’inhu t-traffic management li ser ikun qed jintuża waqt ix-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħalissa qed tkun imfassla s-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet li hemm ippjanati fit-triq inkwistjoni.
Ix-xogħlijiet relatati mas-sistema tad-drenaġġ f’telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar jikkonsistu f'sistema ta’ rinovar tal-mejnijiet tad-drenaġġ eżistenti permezz ta’ 'lining' tal-mejnijiet.
L-intervent se jsir minn ġot-tappieri eżistenti u huwa ppjanat li x-xogħol kollu jsir matul il-lejl. Għaldaqstant l-inkonvenjent fuq ir-residenti u fuq kull min juża din it-triq se jkun minimizzat. Dan il-proġett se jkun illokalizzat fuq il-mejnijiet tad-drenaġġ u mhux se jinkludi xogħol fuq servizzi oħra.
Żona tal-Imbordin – ilma lewn safrani fil-5 ta’ Ottubru
Question
Tista’ l-Ministru tinvestiga x'inhi r-raġuni għalfejn l-ilma fiż-żona tal-Imbordin kien ta' lewn safrani, fil-5 ta' Ottubru, 2022? Tista' l-Ministru tikkonferma li t-tiswijiet neċessarji tlestew u li l-provvista tal-ilma reġgħet ġiet lura għan-normal?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fit-3 ta’ Ottubru 2022, kien hemm ħsara fuq mejn tal-ilma li jissupplixxi din il-parti u kellu jingħalaq l-ilma biex tissewwa din il-ħsara. Il-provvista tal-ilma reġgħet ġiet għan-normal minnufih.
Buġibba, San Pawl il-Baħar – żbroff ta’ drenaġġ taħt il-pjazza
Question
Tista’ l-Ministru tinvestiga x'inhi r-raġuni għalfejn id-drenaġġ reġa’ żbroffa taħt il-Pjazza ta' Buġibba, San Pawl il-Baħar? Tista' tinforma x'passi qegħdin jittieħdu biex dan l-iżbroff ta' drenaġġ ma jibqax iseħħ? Tista' tagħti tagħrif jekk tfassalx jew jekk hux qed jitfassal pjan komprensiv għas-sistema kollha tad-drenaġġ fl-inħawi ta’ Burmarrad, Buġibba, Qawra, ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar u fil-madwar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata illi l-iżbroff tad-drenaġġ taħt il-pjazza ta’ Buġibba ġie kkawżat minn bankina li ġġarrfet fuq il-mejn tad-drenaġġ. Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 1683 fejn aċċenajt li huwa ppjanat li fit-tliet snin li ġejjin il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tinvesti direttament 'il fuq minn 10 miljun ewro biex issaħħaħ l-infrastruttura tal-ilma u drenaġġ fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar.
San Pawl il-Baħar/Xemxija – Triq il-Pwales — manutenzjoni
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2528, jista' l-Ministru jispeċifika x’xogħlijiet saru, u għal kull xogħol li sar, minn liema entità sar u meta sar? Jista' jaċċerta li t-tiswijiet ta' spralli tax-xita u fil-wiċc tal-asfalt fi Triq il-Pwales isiru mill-aktar fis, hekk kif dawn it-tiswijiet ma jidhirx illi saru?
Stabbilimenti kummerċjali li għandhom liċenjza jdoqqu mużika
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm bars, ristoranti u stabbilimenti kummerċjali oħra li għandhom liċenzja biex idoqqu l-mużika? Kemm minn dawn għandhom liċenzja li jdoqqu open air? Sa xħin huma liċenzjati li jdoqqu dawn l-istabbilimenti? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hemmx stabbilimenti li għandhom ukoll konċessjonijiet speċjali biex idoqqu wara l-ħin stabbilit? Jekk iva, kemm hemm u liema huma?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħarġet 62 permess biex tindaqq mużika ġewwa l-istabbilimenti li huma liċenzjati minnha. Il-ħin sakemm tista’ tindaqq il-mużika huwa determinata mil-liġi li taqa’ taħt l-Att dwar il-liċenzji tal-kummerċ. L-Awtorità mhijiex responsabbli li toħroġ konċessjonijiet biex tindaqq mużika wara l-ħin stabbilit.
San Pawl il-Baħar – survey fuq il-moll biswit il-Menqa
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar survey li kien qed isir matul l-aħħar jiem fuq il-moll li hemm biswit il-Menqa ta’ San Pawl il-Baħar? X’inhu l-iskop ta’ dan is-survey? Hemm xogħlijiet ippjanati fuq dan il-moll? Jekk iva, x’inhuma dawn ix-xogħlijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-moll iż-żgħir ta' ħdejn il-Menqa jinsab fi stat ħazin, tant li hu mgħawwar minn taħt u għalhekk hemm bżonn li jsir intervent biex il-moll jissewwa u jissaħħaħ. Meta l-baħar ikun imqalleb, parti mill-ħsarat saħansitra jkunu jidhru. Għaldaqstant, permezz ta’ għaddasa sar survey tal-ħsarat qabel ma jinbeda x-xogħol fuq il-moll fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm preżentament hu l-ammont ta' fondi miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar, f'pagamenti ta' CCPS, Development Planning Fund, jew xi skema oħra għal kull lokalità? Minn dawn il-fondi, għal kull lokalità, kemm hu l-ammont li fuqu diġà hemm ftehim ta' kif ser jintużaw dawn il-fondi, u kemm hu l-ammont li s’issa għad ma hemm l-ebda ftehim fuqu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontribuzzjonijiet, li qed jirreferi għalihom, jinġabru minn tliet sorsi prinċipali, li huma persentaġġ mill-applikazzjonijiet tar-regolarizzazzjoni, persentaġġ mill-kontribuzzjonijiet għan-nuqqas ta’ parkeġġ u f’xi każijiet ta’ gwadann fl-ippjanar fejn jidħlu proġetti kbar. Il-fondi minn dawn is-sorsi jibqgħu marbutin mal-lokalità minn fejn ikunu se jseħħu jew twettqu l-applikazzjonijiet għal żvilupp, tant li 80% minnhom jiġu allokati għall-użu dirett tal-Kunsilli u l-20% l-oħrajn għaqdiet b’interessi partikolari fil-lokal. L-applikazzjonijiet għall-użu ta’ dawn il-fondi jiġu determinati minn kumitat maħtur apposta mill-eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar.
L-informazzjoni mitluba relatata mal-ammonti diġà maqbula jew le biex jintużaw mil-lokalitajiet rispettivi tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Billi fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar u fis-service road tal-istess triq sad-data li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari hemm numru ta’ ħofor li jeħtieġu attenzjoni minħabba l-periklu li qed jiġġeneraw, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan il-periklu jitneħħa mill-aktar fis?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-ħofriet li ġew identifikati mill-Kunsill biex isir ‘patching’ bil-‘cold asphalt’ fi Triq il-Mosta jew is-service road ġew irranġati x-xahar li għadda.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-pazjenti kollha li huma ordnati li jieħdu l-mediċina Xeralto minħabba xi kundizzjoni li għandhom, ikunu jistgħu jieħdu din il-mediċina b’xejn, irrispettivament mid-doża li jridu jieħdu? S’issa kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jieħdu din il-mediċina bla ħlas? X’inhi r-raġuni għala mhux il-pazjenti kollha li huma ordnati jieħdu din il-mediċina qegħdin jingħataw din il-mediċina bla ħlas? Kemm hu n-numru ta’ persuni li talbu li jingħataw din il-mediċina bla ħlas iżda din mhux tingħatalhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 4081 persuna li qed jieħdu din il-mediċina bla ħlas. Kull min hu intitolat għal din il-mediċina skont l-iskeda V jista jgawdi min din il-mediċina mingħajr ħlas.
Persuni li għandhom blue sticker – servizz jew drittijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta
Question
Jista’ l-Ministru jinforma jekk il-persuni li għandhom il-blue sticker (persuni b’diżabilità) għandhomx servizzi jew drittijiet ġewwa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bħal pereżempju li wieħed ma joqgħodx jistenna fil-kju biex jagħmel check-in? Jekk iva x’inhuma dawn?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2699 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar – Kunsill Lokali – ilmenti ta’ percussion instruments fi Ġnien il-Millenju Buġibba
Question
Sad-data li qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar irċieva lmenti dwar numru ta' 'percussion instruments' li l-istess kunsill installa f'parti minn 'Ġnien il-Millenju', Buġibba, San Pawl il-Baħar? Jista’ jikkonferma li l-ilmenti li rċieva direttament il-Kunsill, jew li setgħu ġew mibgħuta lir-rappreżentanti tiegħu (lis-Sindku u/jew lis-Segretarju Eżekuttiv) kollha ġew imwieġba, u jekk le x’inhi r-raġuni għal dan? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk sarux xi studji dwar il-livelli tal-ħsejjes ikkawżati minn dawn l-istess strumenti qabel ma dawn ġew installati? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsill intalabx li jagħti rapporti dwar dawn l-istess ħsejjes lill-Awtorità tal-Ippjanar jew lil xi entità oħra, u jekk iva jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess rapporti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, illi l-istess Kunsill irċieva 3 ilmenti mingħand residenti li joqogħdu f'binja ta' appartamenti li tinsab madwar 30 metru 'l bogħod, fejn il-Kunsill bagħat risposta uffiċjali lill-amministratur tal-binja.
Infurmat illi l-Kunsill iddeċieda li tinġibed l-attenzjoni tal-Pulizija Eżekuttiva għal aktar sorveljanza tal-liġijiet f’dan il-ġnien kif ukoll dwar li jitħaffef il-proċess biex tiġi installata CCTV fl-inħawi.
In-Naxxar – Labour Avenue – kolla jew insetti mas-siġar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru waslulux rapporti dwar xi problemi ta’ kolla u/jew insetti li għandhom is-siġar f’Labour Avenue, Naxxar skont xi residenti ? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar dawn l-istess rapporti u jekk le, jista’ jagħmel spezzjoni ta’ dawn is-siġar biex jara x’passi jistgħu jittieħdu biex jiġu evitati inkonvenjenzi għar-residenti u kull min jipparkja f’din it-triq?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali ma daħlulu l-ebda rapporti dwar din il-lokalità. Madanakollu, l-ispetturi tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti spezzjonaw is-siġar li jinsabu fit-triq ewlenija tan-Naxxar imsemmija, u ma nnutaw l-ebda organiżmi ta’ ħsara li jaffettwaw is-saħħa tal-pjanti madwar dawn is-siġar.