Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skemi għal għaqdiet volontarji tal-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-dipartimenti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu, fil-fatt għandhomx skemi partikolari li permezz tagħhom jistgħu jibbenefikaw għaqdiet volontarji li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità? Jekk iva, liema huma, u liema għaqdiet ibbenefikaw matul l-2021 u l-2022 u kemm ġew allokati fondi għal kull waħda minn dawn is-snin? Jista' l-Ministru jgħid jekk għall-2023 hux ser ikun hemm skemi partikolari li permezz tagħhom jistgħu jibbenefikaw għaqdiet volontarji li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità u kemm huma l-fondi allokati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Naxxar – partijiet li għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet mil-lokalità tan-Naxxar għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ? F'kull każ, meta hu maħsub li din is-sistema titwassal fl-inħawi fejn sa issa għad ma hemmx tali sistema? Xi studji wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tipprepara għal din l-estensjoni fis-sistema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika għal liema parti qed tirreferi.

Bars, ristoranti, hotels u stabbilimenti kummerċjali – liċenzja biex idoqqu l-mużika

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3107 u jagħti tagħrif dwar kemm hemm bars, ristoranti, hotels u stabbilimenti kummerċjali oħra li għandhom liċenzja biex idoqqu l-mużika? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-isem, indirizz u lokalità għal kull wieħed minn dawn il-permessi? Sa xħin huma liċenzjati li jdoqqu dawn l-istabbilimenti? Kemm minn dawn għandhom liċenzja li jdoqqu open air? Jista’ jgħid x’inhu l-ħin sakemm tista’ tindaqq il-mużika skont il-liġi li taqa’ taħt l-Att dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hemmx stabbilimenti li għandhom ukoll konċessjonijiet speċjali biex idoqqu wara l-ħin stabbilit? Jekk iva, kemm hemm u liema huma?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3106. Rigward is-sigħat li fihom tista' tindaqq mużika, nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 441.08.

Awtorità tal-Ippjanar – Reviżjoni parzjali tal-Local Plans

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3245 u 2918 u jgħid kemm-il reviżjoni parzjali tal-local plans saret mill-Awtorità tal-Ippjanar (jew mill-MEPA), mill-2013 sal-lum? Min talab għal dawn ir-reviżjonijiet, ċjoè jekk, f'kull każ, kinux individwi jew kumpaniji privati, jew inkella xi entità tal-Gvern eċċ. li talbu għal dawn ir-reviżjonijiet? Fejn jinsabu l-postijiet li saru r-reviżjonijiet fuqhom? X'kienu r-reviżjonijiet li fil-fatt seħħew? Kemm hemm talbiet għal reviżjoni li għadhom pendenti, u għal liema lokalitajiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni kif mitluba hi diġà pubblika fuq il-websajt tal-Awtorità tal-Ippjanar. Waqt li nippreċiża li tali talbiet isiru mill-Ministeru jew mill-istess awtorità bil-kunsens tal-Ministeru, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dak mitlub.

Organizzazzjonijiet volontarji

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hemm organizzazzjonijiet volontarji reġistrati b’mod separat f’Malta u f’Għawdex? Tista’ taqsam dawn l-organizzazzjonijiet skont il-kategorija li fiha huma attivi, bħal pereżempju għaqdiet tal-isport, tal-banda, tal-festa, persuni b’diżabilità, eċċ.?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li f’Malta u Għawdex hawn total ta’ 1775 organizzazzjoni (1619 f’ Malta u 156 f’Għawdex) reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji. Fil-preżent l-uniku kategorizzazzjoni stabbilita fil-liġi hija maqsuma kif ġej: Kultura384 Edukazzjoni u Riċerka98 Saħħa Pubblika51 Servizzi Soċjali135 Avvanz tal-ħarsien u t-titjib tal-ambjent, inkluż il-ħarsien tal-annimali76 Żvilupp tal-komunità12 Promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ir-riżoluzzjoni tal-konflitti, id-demokrazija u r-rikonċiljazzjoni144 Żvilupp Internazzjonali u Għajnuna Umanitarja66 Filantropija81 Organizzazzjonijiet ibbażati fuq il-fidi103 Organizzazzjonijiet professjonali111 Organizzazzjonijiet sportivi368 Rikreazzjoni29 Pjattaformi u federazzjonijiet4 Hemm 113 għad m’għandhomx klassifikazzjoni speċifika. Bħalissa, bħala parti mir-riforma li qed issir fis-settur qed issir analisi iktar dettaljata tal-għaqdiet li tħares lejn il-funzjoni u l-iskop tagħhom. Ir-rikonoxximent ta’ għaqdiet skont l-operat, il-format, il-mod li bih huma amministrati u l-ħidma tagħha hija importanti fit-tfassil tal-politika tas-settur u hija essenzjali biex nindirizzaw ir-riforma neċessarja. L-għaqdiet li jaħdmu jew jipprovdu servizzi lil persuni b’diżabilita huma 58 . Dawn jaqgħu taħt il-kategoriji ta’ saħħa pubblika, servizzi soċjali, promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u filantropja. Dan ma jinkludix għaqdiet, bħal sportivi u kulturali, li fil-ħidma tagħhom jagħmlu wkoll xogħol li jibbenefikaw minnu persuni b’diżabilita, grazzi għall-fatt li jħaddnu policy ta’ inklussività fil-ħidma tagħhom fil-komunitajiet. Għaqdiet li huma b’xi mod marbuta mal- isport hemm 368. B’kollox hemm 94 għaqda li hija meqjusa bħala ‘Każin tal-Banda’ , għalkemm sal-lum m’hemmx kategorizzazzjoni speċifika għal dawn. L-istess jista’ jingħad għal-għaqdiet li b’xi mod jikkontribwixxu lejn l-aspetti tal-festi, bħal għaqdiet tal-armar, fratellanzi u għaqdiet tan-nar. It-total ta’ dawn l-għaqdiet huwa 68. Dawn jaqgħu f’kategoriji varji, fosthom kultura, rikreazzjoni u organizzazzjonijiet bbażati fuq fidi.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet pendenti tal-Palazz ta’ Selmun, il-Lukanda Selmun Palace u l-Fortizza Campbell

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’applikazzjonijiet pendenti hemm mal-Awtorità tal-Ippjanar għal dak li jikkonċerna l-Palazz ta’ Selmun, is-Selmun Palace Hotel u l-Fortizza Campbell? Liema xogħol hemm applikazzjoni għalih quddiem l-Awtorità u f’kull każ f’liema stadju waslet din l-applikazzjoni? Għal kull wiehed minn dawn it-tliet siti, jista’ jagħti tagħrif dwar x’permessi hemm maħruġin mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw il-Palazz ta’ Selmun, is-Selmun Palace Hotel u l-Fortizza Campbell bit-tagħrif kollu hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant għad-dispożizzjoni tagħha.

Richmond Foundation – Mental Health Support Helpline – għajnuna mill-Gvern

Question

Fid-dawl li minn Novembru li ġej l-għajnuna tal-Gvern għall-ħlas tal-Mental Health Support Helpline lir-Richmond Foundation sabiex din topera 24 siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd kienet se titwaqqaf, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni għal dan? Kemm kienet l-għajnuna finanzjarja li kienet tingħata lil Richmond Foundation marbuta ma’ dan is-servizz? Jekk il-Gvern se jkun qed joffri servizz alternattiv għal dak li kienet toffri r-Richmond Foundation, jista’ jagħti tagħrif dwar dan is-servizz, kemm se jkun qed jiswa, minn meta se jibda jopera u kif se jkun informat il-pubbliku inkluż dawk il-persuni li bħalissa qegħdin jużaw is-servizz ta’ Richmond Foundation?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz il-ġdid li se jkun operat mill-Mental Health Service se jkun imħabbar il-ġimgħa d-dieħla.

Lukandi, Ristoranti, Open Air Venues jew stabbilimenti kummerċjali – liċenzja għal daqq ta’ mużika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx lukandi, ristoranti, open air venues, jew xi tipi oħra ta’ stabbilimenti kummerċjali li għandhom liċenzji speċjali biex idoqqu l-mużika wara l-11p.m.? Jekk hemm, kemm hemm u f’liema lokalitajiet jinsabu dawn l-istabbilimenti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3106.

Mellieħa – xogħol li se jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħol hu maħsub li jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu, jew minn xi awtorità/entità/dipartiment li taqa’ taħtu, bħall-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA), matul is-snin 2022 u 2023, fil-lokalità tal-Mellieħa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġetti ppjanati fil-Mellieħa mill-Ministeru b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta huma r-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa kif ukoll l-immodernizzar tal-promenade tal-Bajja tal-Għadira. Barra minn hekk, fuq bażi regolari, il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi twettaq tiswijiet u manutenzjoni f’diversi partijiet tal-Mellieħa fuq turġien, bankini, għamara tat-toroq u spazji miftuħa. Dawn ix-xogħlijiet isiru dejjem f’assoċjazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.

Naxxar – xogħol li se jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħol hu maħsub li jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu, jew minn xi awtorità/entità/dipartiment li taqa’ taħtu bħall-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) matul is-snin 2022 u 2023, fil-lokalità tan-Naxxar?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li huwa ppjanat li l-Parroċċa tan-Naxxar tiġi megħjuna biex isir dawl ġdid madwar il-Knisja Parrokjali. Barra minn hekk, fuq bażi regolari, il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi twettaq tiswijiet u manutenzjoni fil-Pjazza tan-Naxxar u t-toroq tal-madwar. Dawn ix-xogħlijiet isiru dejjem f’assoċjazzjoni mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar.

San Pawl il-Baħar – xogħol li se jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħol hu maħsub li jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu, jew minn xi awtorità/entità/dipartiment li taqa’ taħtu bħall-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) matul is-snin 2022 u 2023, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda taħdem flimkien ma’ aġenziji oħra fuq dawn il-proġetti ġewwa San Pawl il-Baħar: · Il-proġett tal-Belveder fi Triq San Publiju · It-tibdil tad-deck tal-gallarija fi Triq San Franġisk · Tisbiħ fiż-żona ta’ Triq il-Luzzu · Tisbiħ fil-Pjazza prinċipali ta’ Buġibba. Barra minn hekk, fuq bażi regolari, il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi twettaq tiswijiet u manutenzjoni f’diversi partijiet ta’ San Pawl il-Baħar fosthom fix-Xatt ta’ Buġibba fejn anke inbidel parti mir-railing li hemm fil-promenade. Dawn ix-xogħlijiet saru dejjem bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

Heritage Malta – Xemxija heritage trail

Question

Jista’ l-Ministru jieħu passi biex ix-Xemxija Heritage Trail, fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, tingħata l-attenzjoni neċessarja biex ma ssirx iktar ħsara fiha filwaqt li jsiru x-xogħlijiet neċessarji sabiex dan is-sit storiku jiġi miżmum fi stat tajjeb? Meta kienet l-aħħar darba li sar xogħol fuq dan is-sit u fiex kien jikkonsisti? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-involviment ta’ Heritage Malta biex id-diversi aspetti li flimkien jiffurmaw it-trail, jiġu protetti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Mellieħa – partijiet li għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet mil-lokalità tal-Mellieħa għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ? F'kull każ, meta hu maħsub li din is-sistema titwassal fl-inħawi fejn sa issa għad ma hemmx tali sistema? Xi studji wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tipprepara għal din l-estensjoni fis-sistema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika għal liema parti qed tirreferi.

San Pawl il-Baħar – post fejn tingħata t-tilqima tal-Influwenza u ta’ kontra l-COVID-19

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3034, filwaqt li napprezza li r-residenti tal-Mellieħa u tan-Naxxar se jkunu jistgħu jieħdu t-tilqima tal-influwenza u t-tilqima kontra l-virus tal-COVID-19 fil-lokalità fejn joqogħdu, għax dan inaqqas l-iskariġġ għal min hu kkonċernat, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonsidra li minkejja li f'San Pawl il-Baħar ma hemmx klinika, jinstab post f’din il-lokalità minn fejn ir-residenti jingħataw it-tilqima, iktar u iktar bħalissa peress li l-poliklinika tal-Mosta għandha wkoll il-funzjoni li toffri servizzi li qabel kienu jingħataw mill-poliklinika ta’ Birkirkara?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 10 Ċentri tas-Saħħa u 21 Klinika tal-Komunità li jinsabu mifruxa madwar Malta u Għawdex fejn qed jingħataw it-tilqim tal-influwenza u t-tilqim kontra l-virus tal-COVID-19.

San Pawl il-Baħar – partijiet mil-lokalità li għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet mil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ? F'kull każ, meta hu maħsub li din is-sistema titwassal fl-inħawi fejn sa issa għad ma hemmx tali sistema? Xi studji wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tipprepara għal din l-estensjoni fis-sistema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ma jidhirx li hemm xi partijiet mil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar li m’għandhomx sistema tad-drenaġġ.

Ix-Xemxija – xogħlijiet fuq sistema tad-drenaġġ

Question

B'referenza għax-xogħol li qed jingħad li ser isir fl-inħawi tax-Xemxija fuq is-sistema tad-drenaġġ, tista' l-Ministru tipprovdi kopja tat-Traffic Management Plans għal waqt dawn l-istess xogħlijiet? Billi qed jingħad li x-xogħol ser ikun qed isir billejl, tista' tagħti wkoll tagħrif dwar kif ser jiġi assigurat li l-istorbju waqt ix-xogħol ikun l-inqas wieħed possibbli?

Response (DALLI, MIRIAM)

It-traffic management plans ikunu jridu jiġu sottomessi lil Transport Malta mill-kuntrattur li jkun ser iwettaq il-proġett. Ninsab infurmata li f’dan l-istadju għad m’hemmx kuntrattur magħżul u allura għadu kmieni biex ikun hemm traffic management plan. Fir-rigward tal-ħsejjes il-kuntratt se jkun jesiġi li l-kuntrattur jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jillimita tali ħsejjes.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet pendenti rigward żvilupp marbut mal-Iskola Primarja tal-Qawra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk preżentement hemmx applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal dak li jikkonċerna l-iżvilupp marbut mal-Iskola Primarja tal-Qawra? Jekk iva, fiex jikkonsisti l-iżvilupp li għalih l-applikazzjoni għadha pendenti? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-istess skola għandhiex compliance certificate mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda applikazzjoni pendenti fir-rigward ta’ din l-iskola quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.

Għawdex – Heliport — applikazzjoni

Question

Billi reċentement ingħad li saret applikazzjoni biex il-heliport Għawdex jiġi estiż ħalli jkun jista' jieħu ajruplani fixed wing, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-pjanti? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu stmat li jiswa x-xogħol li għalih qiegħda ssir l-applikazzjoni? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx operaturi ta' ajruplani li diġà wrew interess li jużaw din il-faċilità, u jekk iva għal liema destinazzjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

B’dan il-proġett se tkompli tissaħħaħ il-konnettività t’Għawdex b’rispett sħiħ lejn l-ambjent tal-madwar. Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti li ġew rikjesti.

Trasport bil-fast ferry bejn Malta u Għawdex — żviluppi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm għal dak li jirrigwarda t-trasport bil-fast ferry bejn Malta u Għawdex? Billi fl-aħħar ġimgħat kien hemm rapporti li tkellmu dwar possibiltà ta’ sussidju għal dan it-trasport, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-diskussjonijiet bdewx inkella le? Jista' jagħti tagħrif dwar meta hu maħsub li jidħol fis-seħħ dan l-istess ftehim?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Noise Control Commission

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2915, tista’ l-Ministru tgħid f’liema perjodu/perjodi kienet tiffunzjona n-Noise Control Commission? Tista’ tgħid jekk kinux ingħataw pariri lill-Ministru kkonċernat dwar storbju ġġenerat minn stabbilimenti kummerċjali inkluż bars, ristoranti, hotels, postijiet ta’ divertiment eċċ? Jekk iva, x’kienu l-pariri li ngħataw?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li n-Noise Control Commission kienet topera sa mhux aktar tard mill-2019 u kwalunkwe pariri tathom f’leġiżlatura differenti. Fir-rigward tal-istorbju li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta, dan huwa kopert b’qafas legali li dwaru tista’ tressaq il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.