Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – xogħol li se jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3296 dwar xogħol li se jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu f’San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jgħid meta se jinbeda l-Proġett tal-Belveder fi Triq San Publju? Meta hu ppjanat li dan il-proġett jitlesta?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġà spjegat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3296, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed taħdem ma’ aġenziji oħra fuq dan il-proġett. Kif il-proċessi kollha jkun iffinalizzati, ikun jista’ jibda l-proġett.

San Pawl il-Baħar – Triq ix-Xagħra tal-Bandieri – tqegħid ta’ main ġdid tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se jitqiegħed xi main ġdid tad-drenaġġ fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, San Pawl il-Baħar jew qrib l-istess triq? Jekk iva, fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Meta hu mistenni li jsir dan ix-xogħol? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta' minn fejn se jkun qiegħed jgħaddi dan il-main?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ser isir mejn ġdid tad-drenaġġ biex jissostitwixxi il-mejn li ġarrab ħsarat fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, San Pawl. Filwaqt li għaddejja inkjesta fuq is-sit fejn iġġarrfet it-triq, l-Infrastructure Malta bħalissa għaddejja b’xogħlijiet biex jistabilizzaw it-triq qabel ma jissoktaw aktar interventi, fosthom il-bdil tal-mejn. Fl-istess waqt Il-WSC qed jikkonkludi d-disinn tal-mejn li tinkludi r-rotta li dan se jkun qed jieħu.

San Pawl il-Baħar – Dawret in-Nawfraġju — bozoz

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1418, 4807 u 4808 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tintervjeni sabiex tinstab soluzzjoni għar-residenti biex ikun hemm iktar dawl f'din iż-żona, hekk kif jidher li l-Kunsill Lokali ma jistax isib soluzzjoni għal din il-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 4808. In oltre l-Enemalta tkun tista’ żżid il-bozoz f’din żona jekk il-Kunsill Lokali japplika biex jżid iktar bozoz u jindika fuq pjanta fejn hemm l-ħtieġa li jiġu installati, u wara li tkun saret evalwazzjoni teknika tal-possibilità li jitwaħħal id-dawl indikat.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – ġbir ta’ skart mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' skart li nġabar mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni b'mod separat għal kull lokalità tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar fl-ewwel għaxart ijiem ta' din is-sena? Jista' jgħid jekk l-iskart ġiex miġbur kollu f'salt inkella separatament skont it-tip ta' skart mormi? Fejn tpoġġa dan l-iskart u min se jħallas għal dan il-ġbir addizzjonali?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-servizz ta’ ġbir ta’ skart addizzjonali li qed toffri d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni huwa temporanju sakemm tindara l-bidla fl-skeda ġdida ta’ ġbir ta’ skart madwar il-pajjiż kollu. L-iskart li qed jinġabar qed jiġi separat fil-kumpless tad-Diviżjoni ġewwa Kordin. L-iskart miġbur bejn it-2 u t-12 ta Jannar jammonta għal 148 tunellata u maqsum kif ġej : · San Pawl il-Baħar – 78% (108 tunellati) · Naxxar – 7.2% (18-il tunellata) · Mellieħa – 14.8% (22 tunellata). L-ispiża ta’ dan is-servizz ser tiġi assorbita mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni.

LESA – Skema Proġetti fil-Komunità – it-tielet sejħa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min applika għat-tielet sejħa tal-iskema ta’ fondi bit-titlu ‘Proġetti fil-Komunità’ maħruġa mil-LESA? Liema kienu l-proġetti li ntgħażlu u kemm kien il-valur ta’ kull proġett? Liema kienu l-applikazzjonijiet, jekk kien il-każ, li ma ġewx ikkunsidrati u x’kienet ir-raġuni għal dan? Meta kienet id-data tal-għeluq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dawk li applikaw għal din is-sejħa kienu l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kunsilli Lokali ta’ Attard, Balzan, Dingli, Għargħur, Għaxaq, Luqa, Kunsill Reġjonali Lvant, Kunsill Reġjonali Nofsinhar, Kunsill Reġjonali Punent, Marsa, Mdina, Mosta, Mtarfa, Munxar, Nadur, Naxxar, Pembroke, San Ġiljan, San Lawrenz, Sliema, Sta.Venera, Swieqi, Ta' Xbiex u Valletta. Infurmat ukoll li kull applikazzjoni kienet kunsidrata u d-data tal-għeluq tat-tielet sejħa kienet l-4 ta’ Novembru 2022. Proġetti Magħżula u Valur Assocjazzjoni Kunsilli Lokali Dokumenti + Spiża inkorporata mal-proġetti + Managament € 100,000.00 Attard L.C. Għamara għal Librerija pubblika € 25,000.00 Dingli L.C. Open space and resting area € 64,000.00 Għaxaq L.C. Pavimentar ta'sqaqien € 57,069.64 Luqa L.C. Restawr fuq il-Kappella ta Santa Marija tal-Ftajjar € 24,478.68 Kunsill Reġjonali Lvant Vettura elettrika li tintuża bħala Librerija mobbli € 80,000.00 Kunsill Reġjonali Nofsinhar Van elettriku 7 seater € 45,831.20 Kunsill Reġjonali Punent Proviżjoni u installazzjoni ta’ Kameras għal monitoraġġ u infurzar € 80,000.00 Marsa L.C. Dog Park € 80,000.00 Mosta L.C. Dawl fuq u taħt il-pont tal-Mosta € 80,000.00 Mtarfa L.C. Rikostruzzjoni u r-rijabilitazzjoni taż-żona tal-belvedere fi Pjazza San Oswald € 80,000.00 Munxar L.C. Investiment fi tliet monumenti artistiċi € 8,000.00 Nadur L.C. Construction of a public Convenience € 80,000.00 Naxxar L.C. Installazzjoni ta’ tmienja u għoxrin fanal € 52,394.96 Pembroke L.C. Installazzjoni ta’ sistema ta CCTV € 7,920.00 San Lawrenz L.C. Electric Van € 64,000.00 Sliema L.C. A water-based sculpture € 64,752.16 Swieqi L.C. Vettura li tintużgħa bħala trasport lill-anzjani € 36,800.00 Ta'Xbiex L.C. Xiri u installazzjoni ta Automated Bollards € 50,124.00 Valletta L.C. Installation of Security Cameras € 45,000.00

LESA – Skema Proġetti fil-Komunità – għoti ta’ fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jintgħażlu l-proġetti li jingħataw il-fondi permezz tal-iskema ta’ fondi bit-titlu ‘Proġetti fil-Komunità’ maħruġa mil-LESA f’Jannar 2021? Kemm hu l-valur ta’ fondi li ġew allokati s’issa permezz ta’ din l-iskema? Kemm hu l-valur ta’ fondi li baqa’ disponibbli biex jiġu allokati permezz ta’ din l-iskema?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Aġenzija Lesa għamlet ftehim mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, sabiex tipprovdi 3 miljun ewro fuq tliet snin. L-aġenzija tiftaħ l-applikazzjonijiet b’data ta’ għeluq, u jiġu kkunsidrati dawk l-applikazzjonijiet kollha li jiġu sottomessi sad-data stabbilita. Kull kunsill lokali / kunsill reġjonali jista’ jirbaħ fondi darba biss matul it-tliet sejħiet programmati (l-ewwel, it-tieni, u t-tielet sejħa). It-total ta' fond allokat oriġinarjament kien ta’ 3 miljuni, imqassam fuq 3 sejħiet/snin). Dan il-fond żdied għal €3.4 miljun. Il-fondi ġew allokati kollha. Sabiex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet, jiġi mwaqqaf bord, b’rappreżentanza tal-Agenzija, tal-AKL, u persuni esterni. Xogħol il-bord huwa li jara li l-applikazzjonijet sottomessi jilħqu l-miri stabbilita fil-linji gwida tal-applikazzjonjiet u li jilħqu 5 temi prinċipali: 1. Ambjent Aħjar fil-Lokalitajiet: Din il-kategorija ta’ proġetti tirrifletti l-importanza li kull ċittadin għandu jgawdi minn ambjent iktar nadif u aħjar minn dak eżistenti. Proġetti f’din il-kategorija jinkludu fost oħrajn: • Separazzjoni u/jew immaniġġar aħjar ta’ skart, inkluż il-kunċett ta’ re-use • Provvediment ta’ “Bring-in sites” kumplimentati b’kameras tas-sigurtà sabiex jitnaqqas l-abbuż • Żvilupp ta’ żoni pedonali • Żvilupp ta’ spazji miftuħa u rikreattivi (Play Streets) • Proġetti ta Aċċessibiltà • Dog parks / Cat Cafees • Green Roofs / Walls • Enerġija Alternattiva 2. Trasport Alternattiv u Iktar Nadif Proġetti f’din il-kategorija huma mmirati sabiex jinkoraġġixxu lill-komunità tnaqqas l-użu ta' vetturi privati u li mhux favur l-ambjent. Proġetti jistgħu jinkludu fost oħrajn: • Trasport nadif lill-anzjani u dawk fil-bżonn • Proġetti li jżidu l-użu ta’ vetturi tal-elettriku • Proġetti ta’ trasport alternattiv • Disinjar u implimentazzjoni ta' cycle lanes 3. Infrastruttura Moderna L-Immaniġjar tat-traffiku vejikulari jista’ jkun aħjar permezz ta’ studji li jitrattaw iċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku fil-qalba tal-lokalitajiet. F’din il-katergorija, jistgħu jitressqu proġetti, fost oħrajn, li jinkludu: • Studju u implimentazzjoni ta’ ċirkulazzjoni aħjar tat-traffiku • Teknoloġija ta’ Smart Parking • Żviluppar ta’ Parkeġġi Pubbliċi • Proġetti għall-parkeġġ aħjar • Użu ta' teknoloġija biex ikollna bliet u rħula aktar ‘smart’ 4. Lokalitajiet Aktar Siguri Filwaqt li kull Kunsill Lokali / Kumitat Reġjonali għandu jirrispetta l-privatezza ta’ kull cittadin, Kunsill jista’ jwettaq proġetti sabiex iżid is-sigurtà fil-lokalità rispettiva tiegħu, anke b’kollaborazzjoni ma’ partijiet oħra bħall-Community Police u l-Community Officers. Proġetti f’din il-kategorija jistgħu jinkludu fost oħrajn: • Użu ta’ apparat modern u sistemi ta’ sorveljazzjoni sabiex tinaqqas il-kriminalità u l-vandaliżmu • Introduzzjoni u miljorament ta’ miżuri ta’ sigurtà relatati mat-traffiku. 5. Wirt Lokali Il-Kunsilli Lokali jilagħbu pedina importanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-istorja u l-wirt lokali. Din il-kategorija toffri opportunità lill-Kunsilli Lokali għal xogħolijiet relatati bħal: • Restawr ta’ Binjiet Storiċi • Restawr ta’ Monumenti • Restawr ta’ strutturi oħra

LESA – dħul miċ-ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-LESA miċ-ċitazzjonijiet, sena b’sena, bejn l-2019 u l-2022? Kemm minn dawn il-flus ingħataw lura direttament lill-kunsilli lokali u lill-kumitati reġjonali għal kull kunsill lokali/kumitat reġjonali għas-snin 2019, 2020, 2021 u 2022 separatament? Kemm minn dawn il-flus ingħataw lura permezz ta’ skemi lill-kunsilli lokali u lill-kumitati reġjonali għal kull kunsill lokali/kumitat reġjonali għas-snin 2019, 2020, 2021 u 2022 separatament?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Aġenzija LESA għandha r-responsabilità li tiġbor il-ħlas tat-taħrikiet maħruġa minn diversi entitajiet f’pajjiżna. Wara l-Aġenzija jeħtieġ li tagħmel tajjeb mhux biss għall-operat tagħha, kemm f’salarji u kundizzjonijiet tal-ħaddiema, kirjiet, apparat, vetturi, prosekuzzjoni quddiem it-Tribunal, u spejjeż ohra, iżda wkoll diversi ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali, Kunsilli Reġjonali, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u t-Tribunali Lokali. Ma' dawn ukoll jiżdiedu ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali, Kunsilli Reġjonali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ta’ ftit aktar minn miljun Ewro fis-sena, u dan skont ftehim li ġie ffirmat bejn l-istess Aġenzija LESA u l-AKL. Infurmat li fl-2019 it-total kien ta’ €8,941,138.04, filwaqt li ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali kien ta’ €275,517.86, lill-Kunsilli Reġjonali ta’ €9,055.12, spejjeż tar-Reġjuni ta’ €577,629.91, €161,030.47 ħlas lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, filwaqt li €1,000,000 ingħataw lura lill-Kunsilli u Reġjuni permezz ta’ skemi. Infurmat li fl-2020 it-total kien ta’ €9,140,661.38, filwaqt li ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali kien ta’ €221,410.67, lill-Kunsilli Reġjonali ta’ €6,854.44, spejjeż tar-Reġjuni ta’ €452,060.99, €179,863.03 ħlas lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, filwaqt li €1,150,000 ingħataw lura lill-Kunsilli u Reġjuni permezz ta’ skemi. Infurmat li fl-2021 it-total kien ta’ €13,809,407.06, filwaqt li ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali kien ta’ €341,097.58, lill-Kunsilli Reġjonali ta’ €11,584.77, spejjeż tar-Reġjuni ta’ €224,582.28, €270,565.83 ħlas lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, filwaqt li €1,418,000 ingħataw lura lill-Kunsilli u Reġjuni permezz ta’ skemi. Infurmat li fl-2022 it-total kien ta’ €13,482,015.99, filwaqt li ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali kien ta’ €285,813.95, lill-Kunsilli Reġjonali ta’ € 8,836.11, spejjeż tar-Reġjuni ta’ €252,878.97, €277,330.14 ħlas lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, filwaqt li €1,275,000 ingħataw lura lill-Kunsilli u Reġjuni permezz ta’ skemi. Dan ma jinkludix spejjeż oħra marbuta man-natura tax-xogħol.

Applikazzjonijiet għal Communal Reserved Parking Bays

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal Communal Reserved Parking Bays għal Blue Badge Holders? Kemm hi l-medja ta' żmien ta' stennija sabiex applikant ikun infurmat jekk l-applikazzjoni kinitx aċċettata jew le? F'każ li l-applikazzjoni tkun aċċettata, kemm idum dan il-proċess sabiex dan il-parkeġġ ikun jista' jinżebagħ fit-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għall-applikazzjoni ta’ Communal Reserved Parking Bay qed ikun limitat biss għal talbiet li jsiru mill-Kunsilli Lokali u dan peress li l-Awtorità qed tikkommissjona studju flimkien mas-CRPD u l-Aġenzija Sapport, sabiex tkun tista’ taġġorna l-policy tagħha. L-Awtorità qed tirċievi bosta applikazzjonijiet għall-Personalised Reserved Parking bays. Bħalissa hemm 17-il applikazzjoni pendenti.

Applikazzjonijiet għal Personalised Reserved Parking Bays

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal Personalised Reserved Parking Bays għal Blue Badge Holders? Kemm hi l-medja ta' żmien ta' stennija sabiex applikant ikun infurmat jekk l-applikazzjoni kinitx aċċettata jew le? F'każ li l-applikazzjoni tkun aċċettata, kemm idum dan il-proċess sabiex dan il-parkeġġ ikun jista' jinżebagħ fit-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess sabiex issir applikazzjoni għall-parkeġġ personalizzat riservat għall persuni b’diżabilita’ huwa wieħed intensiv u għalhekk se nispjega: L-applikazzjoni trid timtela mill-applikant u tasal għand l-Awtorità għat-Trasport mimlija bid-dettalji kollha meħtieġa. L-Awtorità ta’ Transport tibgħat aknowledgement lill-applikant li rċeviet l-applikazzjoni u tinforma lill-Kunsill Lokali rispettiv. L-Awtorità ta’ Transport tevalwa u tagħmel spezzjoni sabiex tara li l-informazzjoni fuq l-applikazzjoni hija korretta. Jekk waqt l-ispezzjoni l-Awtorità ta’ Transport ssib xi irregolarità fl-applikazzjoni l-proċess jieqaf. Jekk l-informazzjoni tkun korretta l-Awtorità ta’ Transport tinforma lill-applikant li l-applikazzjoni se tintbagħat lill-Aġenzija Sapport sabiex tagħmel ir-rakkomandazzjoni tagħha. Jekk l-aġenzija Sapport ma tirrakkomandax li l-applikant huwa eliġibbli għall-parkeġġ personalizzat riservat it-talba tkun tifjutata. Jekk l-Aġenzija Sapport tirrakkomanda sabiex l-applikant ikun eliġibbli għall-parkeġġ personalizzat riservat, l-Awtorita’ ta’ Transport tipproċedi sabiex flimkien ma l-applikant jinbeda l-proċess biex isiru l-arranġamenti meħtieġa biex isir ix-xogħol meħtieġ. Il-proċess mhux dejjem jieħu l-istess tul ta’ żmien peress li l-proċess huwa wieħed delikat u jinvolvi konsultazzjonijiet kif indikat aktar il-fuq. L-Awtorita’ ta’ Transport tirċievi madwar 200 applikazzjoni fix-xahar u dan jitfa piz kbir fuq l-amministrazzjoni kemm ta’ l-Awtorita’ ta’ Transport kif ukoll fuq l-Aġenzija Sapport. Bħalissa bejn dokumenti li qegħdin għand l-Awtorita’ ta’ Transport kif ukoll dokumenti li qegħdin għand l-Aġenzija Sapport qed ikun ipproċessati mal-500 applikazzjoni.

Xemxija Heritage Trail – proġetti u investiment

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5053 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4686 dwar proġetti u investiment fix-Xemxija Heritage Trail, jista' l-Ministru jgħid x'kien l-investiment li sar speċifikament fix-Xemxija Heritage Trail (li l-aċċess tagħha huwa minn Triq Raddet ir-Roti) u mhux f'siti oħra bħalma ssemma f’din it-tweġiba? Jista' jgħid liema hi dik l-NGO li hemm referenza għaliha fl-istess tweġiba? X'assistenza qed tingħata mill-Kunsill Lokali u x'qed jitwettaq mill-istess NGO?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi fil-post indikat mill-Onor. Interpellanta qed isir maintenance bl-istess mod li sar għal snin sħaħ, bid-differenza li x-xogħlijiet qed isiru mill-ħaddiema tal-Kunsill.

Xemxija Heritage Trail – proġetti u investiment

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4686 dwar proġetti u investiment fix-Xemxija Heritage Trail, jista' l-Ministru jgħid x'kien l-investiment li sar speċifikament fix-Xemxija Heritage Trail (li l-aċċess tagħha huwa minn Triq Raddet ir-Roti) u mhux f'siti oħra bħalma ssemma f’din it-tweġiba? Jista' jgħid liema hi dik l-NGO li hemm referenza għaliha fl-istess tweġiba? X'assistenza qed tingħata mill-Kunsill Lokali u x'qed jitwettaq mill-istess NGO?

Response (BONNICI, OWEN)

Tlabt sabiex it-tagħrif jinġabar.

Pulizija – każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4812 dwar każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi, jista' l-Ministru jgħid jekk kinux identifikati dawk responsabbli għal dawn il-każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi? Jekk iva, jista' jgħid jekk dawn tressqux il-Qorti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li dwar il-każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi, relatati mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4812, fuq każi kommessi minn diversi lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex, fil-perjodu ta’ bejn Mejju 2021 u Ottubru 2022, kien hemm diversi każi fejn il-persuni suspettati ġew identifikati u fejn kien hemm il-provi dawn tressqu jew se jitressqu il-Qorti. Hemm każi wkoll fejn il-persuna suspettata qed tiġi mfittxija. L-investigazzjonijiet dwar il-każi li għadhom mhux solvuti ser jibqgħu għaddejjin.

Special Olympics – għajnuna lil sportivi b’diżabilità

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4829 jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ibbenefika l-Malta Paralympic Committee?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul dawn l-aħħar snin il-Malta Paralympic Committee applikat għall-iskema “International Participation” fejn dawn l-iskemi jiġu maħruġa minn Sport Malta. L-applikazzjonijiet tagħhom ġew evalwati mal-applikazzjonijiet l-oħrajn u Sport Malta kkommettiet din l-għajnuna finanzjarja lil Malta Paralympic Committee f’dawn l-aħħar erba’ snin kif indikat hawn taħt: 2019: € 9,362.14 2020: € 6,377.00 2021: € 12,658.00 2022: € 25,000.00

San Pawl il-Baħar – Dawret in-Nawfraġju — bozoz

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4808 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jgħid fejn ġew installati l-bozoz il-ġodda u meta ġew installati?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari bin-numri 1418 u 4808.

LESA – Skema Proġetti fil-Komunità – l-ewwel sejħa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3180, dwar skema ta’ fondi bit-titlu ‘Proġetti fil-Komunità’ maħruġa mil-LESA, għall-ewwel sejħa, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-45 kunsill lokali li applikaw, liema kienu l-21 proġett li ntgħażlu u kemm kien il-valur ta’ kull proġett? Liema kienu ż-żewġ applikazzjonijiet li waslu wara d-data tal-għeluq u għalhekk ma ġewx ikkunsidrati? Meta kienet id-data tal-għeluq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dawk li applikaw għal din is-sejħa kienu l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kunsilli ta’ Attard, Birgu, Birkirkara, Bormla, Fgura, Floriana, Fontana, Għajnsielem, Għarb, Għasri, Għaxaq, Gudja, Ħamrun, Imqabba, Imsida, Isla, Kalkara, Kerċem, Lija, Marsaxlokk, Mellieħa, Nadur, Paola, Pieta', Qala, Qrendi, Rabat Malta, Safi, San Ġwann, San Lawrenz, Santa Luċija, Santa Venera, Siġġiewi, Sliema, Tarxien, Valletta, Xewkija, Xgħajra, Żabbar, Żurrieq, u Kunsill Reġjonali Nofsinhar u Reġjun Għawdex. L-applikazzjonijiet li waslu tard wara l-ġurnata tal-għeluq, li kienet 30 t’April 2022, kienu ta’ Ħal Balzan u San Ġiljan. Proġetti Magħżula u Valur: AKL Tfassil ta' Dokumenti minn Esperti (21 dokument) + Management € 100,000.00 Birgu Proġetti li jinkludu 1) Imprinted Concrete 2) Bdil ta' ħadid u railing 3) litter bins 4) Dog bin 5) Pjanti 6) Bankijiet € 79,475.00 Bormla Riġenerazzjoni ta Housing Estate Żona ta San Ġwann t'Għuxa € 40,716.00 Fgura Electric Van with Tail lift + software (booking app) € 50,560.00 Floriana Electric Car € 25,150.00 Gudja Outdoor Gym & Expenses € 80,000.00 Ħamrun CCTV System € 12,000.00 Imsida Installazzjoni ta Kameras li jiffokaw fuq infurzar ta ECO € 16,000.00 Isla Pavimentar fi Triq Sant' Anġlu € 18,051.00 Kalkara 1) Electric Van € 24,800.00 Lija 1) Electric/Hybrid Van 2 € 24,800.00 Mellieħa Installation of CCTV Camera € 16,500.00 Paola Riġenerazzjoni ta Ġnien Lorry Sant € 80,000.00 Reġjun Għawdex Xiri ta Pedal cycles u spejjeż € 80,000.00 Safi Restawr ta' niċeċ € 20,712.00 San Ġwann Transformation into a public garden € 69,445.00 Santa Luċija Xiri ta Electric Van u xufier għal 3 snin € 32,000.00 Siġġiewi Transformazzjoni ta art f'Reading Garden € 65,165.00 Tarxien Upgrade of Ġnien Joanne € 79,680.00 Xgħajra CCTV system € 4,578.00 Żabbar Restawr fuq wirt lokali (2 postijiet) fi ħdan Ħaż-Żabbar € 80,000.00

LESA – Skema Proġetti fil-Komunità – it-tieni sejħa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3180, dwar skema ta’ fondi bit-titlu ‘Proġetti fil-Komunità’ maħruġa mil-LESA, għat-tieni sejħa, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk it-30 kunsill lokali li applikaw, liema kienu l-21 proġett li ntgħażlu u kemm kien il-valur ta’ kull proġett? Liema kienu ż-żewġ applikazzjonijiet li waslu wara d-data tal-għeluq u għalhekk ma ġewx ikkunsidrati? Meta kienet id-data tal-għeluq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dawk li applikaw kienu l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, Kunsill Reġjonali ta' Nofsinhar, Kunsill Reġjonali Xlokk, Kunsill Reġjonali Ċentru , il-Kunsilli ta’ Nadur, Marsaskala, Żurrieq, Marsaxlokk, Għasri, Xagħra, Fontana, Qrendi, Żejtun, Qormi, Sannat, Birkirkara, Żebbug Għawdex, Mqabba, Mdina, Attard, Għajnsielem, Xewkija, Rabat, San Ġiljan, , Kerċem, San Lawrenz, Gżira, u Għarb. Kunsilli li applikaw tard wara d-data tal-għeluq, li kienet 30 t’April 2022, kienu Ħal Għaxaq u Pembroke. Proġetti magħżula u valur: Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali Dokumenti + Spiża inkorporata mal-proġetti + Management Selected € 100,000.00 Marsaskala Embellishment of playingfields and recreational zones Selected € 34,192.07 Żurrieq Pavimentar fi sqaqin fiż-Żurrieq Selected € 80,000.00 Marsaxlokk Sistema ta' CCTV Selected € 19,111.84 Għasri Trakk ta l-elettriku Selected € 36,000.00 Xagħra Xiri ta’ Pickup Truck Selected € 36,800.00 Fontana Refurbishing fil-playingfield Selected € 68,975.20 Qrendi Pavimentar ta' 6 sqaqien Selected € 80,000.00 Żejtun Xiri ta 2 vetturi 7 Seater u spejjeż Selected € 74,160.00 Qormi Installar ta' Fanali ornamentali Selected € 22,419.06 Sannat Restawr tal-Kalkara tal-Ġir Selected € 46,361.43 Birkirkara Electric/Hybrid vehicle Selected € 64,320.00 Żebbuġ Għawdex Tranġar ta' parti mil-Playing field u pavimentar li hemm fil-Qbajjar Selected € 80,000.00 Mqabba Restawr ta' Wirt Storiku ta l-Old Mqabba Hospital Selected € 80,000.00 Għajnsielem Spazju Urban fi Triq il-Qigħan fiż-żona tat-Torri. Selected € 80,000.00 Kunsill Reġjonali Xlokk Xiri ta 2 vetturi elettriċi Selected € 54,398.40 Xewkija Struttura tal-injam Selected € 80,000.00 Rabat Bring-in Site taħt l-art Selected € 47,840.00 San Ġiljan Bring-in Sites taħt l-Art Selected € 62,770.40 Kerċem Koverzjoni għal żona pedonali Selected € 80,000.00 Għarb Bring in Sites taħt l-Art u CCTV surveillance Selected € 39,048.16

Ix-Xemxija – Promenade – railings

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-azzjoni neċessarja biex ir-railing li jinsab matul il-promenade tax-Xemxija partikolarment il-parti fiż-żona faċċata tal-Ġnien Olimpiku u li sofra xi ħsarat, isirulu t-tiswijiet neċessarji?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ħsarat imsemmija ġew imsewwija.

Bagħal taż-żunżan — miżuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qegħdin jittieħdu sabiex il-bagħal taż-żunżan (hornet) ma jkomplix jagħmel aktar ħsara u sabiex il-popolazzjoni ta’ dan l-insett, ma tiżdiedx? Liema azzjonijiet ġew ikkomunikati sabiex jiġi kkontrollat l-impatt ta’ dan l-insett?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif diġà ġie spjegat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2959, id-Direttorat tal-Agrikoltura qiegħed isegwi mill-qrib l-iżvilupp ta’ din is-sitwazzjoni. Konxji li dan is-sajf il-popolazzjoni ta’ dan l-insett żdiedet b’mod esponenzjali u kien hemm impatt qawwi fuq il-popolazzjoni tan-naħal f’Malta. Għaldaqstant il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli qiegħed f’taħdidiet ma’ esperti fil-Mediterran. Infatti, fil-25 u 26 ta’ Novembru saru żewġ laqgħat ta’ informazzjoni dwar il-bagħal taż-żunżan fejn ġie spjegat x’jista’ jsir u x’miżuri jistgħu jittieħdu. Matul dawn il-laqgħat ġew murija t-tip ta’ nases li jistgħu jinbnew biex jinqabad il-bagħal taż-żunżan. Ġie wkoll spjegat li n-nasses għandhom jintużaw speċjalment fir-rebbiegħa sabiex jinqabdu l-irġejjen. Iktar tard dan ix-xahar ser inkunu qed nipproduċu wkoll fuljett informattiv dwar il-bagħal taż-żunżan sabiex l-informazzjoni mogħtija waqt dawn il-laqgħat tkun tista’ tiġi ddiseminata u tilħaq firxa akbar ta’ nies primarjament fi ħdan is-settur tal-agrikoltura.

San Pawl il-Baħar — Triq Toni Bajada - bozza mwaħħla ma' faċċata ta' proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-aħħar bozza fi Triq Toni Bajada, San Pawl il-Baħar (in-naħa ta' Triq il-Knisja) u li tinsab imwaħħla ma' faċċata ta' proprjetà terġa' tibda tixgħel hekk kif din il-bozza tinsab mitfija sa meta qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-ebda lment ma wasal fl-uffiċini tal-istess Kunsill dwar bozoz ma jixegħlux fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali, fil-mument li jidħol rapport uffiċjali, l-istess Kunsill jindirizza jieħu l-passi opportuni.

San Pawl il-Baħar — Triq Marchesa - bozza mwaħħla mal-faċċata ta' proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-aħħar bozza fi Triq Marchesa Bugeja, San Pawl il-Baħar (in-naħa ta' Triq Parades) u li tinsab imwaħħla ma' faċċata ta' proprjetà terġa' tibda tixgħel hekk kif din il-bozza tinsab mitfija sa meta qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li l-istess Kunsill indirizza din il-kwistjoni mal-entità kkonċernata. Għalhekk, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex għal aktar informazzjoni tirreferi għall-Ministeru kkonċernat.