Legislature:
Category:
Reset
Active:

Naxxar – disability hub – fdalijiet storiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-fdalijiet ta’ importanza arkeoloġika li nstabu fis-sit fejn kien ippjanat li jinbena d-disability hub fin-Naxxar? X’investigazzjonijiet saru fuq l-istess sit minn meta nstabu? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ studji li saru minn Heritage Malta, jew minn xi awtorità/dipartiment ieħor, fuq dan is-sit? Meta hu mistenni jinforma jekk baqax iktar stħarriġ xi jsir fir-rigward tal-wirt storiku f'dan is-sit? Jekk iva, xi stħarriġ baqa' u meta hu ppjanat li dan jiġi konkluż?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fis-sit fejn kien ippjanat li jinbena d-disability hub fin-Naxxar instabu numru ta’fdalijiet arkeoloġiċi li jmorru lura għal perjodi differenti u li l-importanza tvarja skond it-tip. Infurmat li l-aktar fdalijiet numerużi li nstabu huma dawk marbuta mal-agrikoltura u dawn jikkonsistu f’diversi bjar, trinek, kanali u konki maqtugħa fil-blat u li huma strettament marbuta ma’ prattiċi tradizzjonali tal-agrikoltura Maltija. Infurmat wkoll li fl-istess sit instabu fdalijiet eqdem bħal ma huma barriera u qabar puniku. Rigward l-investiazzjonijiet illi saru infurmat li x-xogħlijiet kollha saru taħt is-sorveljanza u d-direzzjoni tas-Sovrintendenza u ġew segwiti l-prattiċi kollha sabiex l-investigazzjoni u dokumentazzjoni arkeoloġika kollha neċessarja saret mingħajr xkiel jew telf ta’ informazzjoni. Inolte, infurmat li f’dan il-każ ix-xogħlijiet saru min arkeologi independenti taħt it-tmexxija tas-Sovrintendenza. Infurmat illi r-riżultati għadhom fi stadju preliminari. Finalment, infurmat li l-istħarrig kollu neċessarju tlesta, iżda xorta waħda jibqa’ jsir monitoraġġ arkeoloġiku fil-fażijiet tat-tqattiegħ tal-blat u sa l-ewwel fażi ta’ kostruzzjoni.

San Pawl il-Baħar – xogħol marbut man-New Water

Question

Tista' l-Ministru tagħti r-raġuni għaliex ix-xogħol marbut man-New Water fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar ma ġiex konkluż? Meta hu mistenni li x-xogħol kollu jiġi konkluż? Tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex tassigura li fejn diġà tqiegħdu l-pajpijiet, isir ix-xogħol li baqa' u jsir l-asfalt qabel ma sseħħ xi traġedja fl-istess triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet infrastrutturali għal aċċess tan-New Water fl-inħawi tal-Imbordin kif ukoll fi Triq Għajn Tuffieħa jinsabu għaddejjin kif skedati.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – koordinazzjoni ma’ entitajiet oħra rigward xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’koordinazzjoni twettaq il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma' entitajiet oħra meta l-istess Korporazzjoni tkun ser tagħmel trinek għal servizzi tagħha, bħal fil-każ tan-New Water fl-inħawi tal-Mellieħa u San Pawl il-Bahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li qabel ix-xogħol jitwettaq min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jinħareġ avviż permezz ta’ Road Works Permit f’każ ta’ xogħlijiet f’toroq pubbliċi, u Planning Authority Permit f’każ ta’ xogħlijiet li mhux f’toroq pubbliċi. Dawn l-avviżi jagħtu lok sabiex entitajiet oħra jipprovdu l-kummenti tagħhom jekk ikun hemm il-bżonn. Din hija prassi u ma tagħmilx distinzjoni bejn proġett u ieħor.

Triq bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa – resurfacing

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali Mellieħa u l-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar ressqux rappreżentazzjonijiet/protesti/ilmenti formali dwar il-fatt li t-triq mix-Xemxija sa Għajn Tuffieħa baqgħet ma ġietx resurfaced wara li saru xogħlijiet fiha mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Jekk tressqu tali rappreżentazzjonijiet/protesti/ilmenti formali, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li min-naħa tal-istess kunsill kien hemm kuntatti verbali mal-uffiċjali konċernati tal-entità kkonċernata, li permezz tagħhom sar magħruf li hekk kif jitlesta x-xogħol fuq it-trinek u t-tqegħid tal-mains tan-new water, ser tidħol l-aġenzija kkonċernata sabiex tiksi mill-ġdid Triq Għajn Tuffieħa bit-tarmak.

San Pawl il-Baħar — Triq Toni Bajada - bozza ma tixgħelx

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5752 dwar bozza ma tixgħelx fi Triq Toni Bajada, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tara li din l-aħħar bozza fit-triq imsemmija (in-naħa ta' Triq il-Knisja), li ritratt tagħha qed jingħata separatament, tibda tixgħel mill-aktar fis hekk kif għadha mitfija sal-ġurnata li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-bozza li qed tirreferi għaliha ġiet irranġata. Ikun aħjar li rapporti jsiru direttament lill-Kunsill Lokali jew l-Enemalta biex jitranġaw bozoz.

Reverse Vending Machines – aċċessibilità

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista aġġornata ta’ fejn jinsabu r-Reverse Vending Machines madwar Malta u Għawdex? Tista' tgħid kemm mit-320 Reverse Vending Machines madwar Malta u Għawdex li l-operatur liċenzjat obbligat jinstalla, baqa' biex jiġu installati? Tista' tgħid fiex waslu d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-operatur privat li qed iħaddem din l-iskema dwar soluzzjonijiet sabiex ikun hemm iktar aċċessibilità għall-anzjani u persuni oħra li mhux possibbli għalihom li jużaw dawn il-magni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-lista ta’ Reverse Vending Machines. Infurmata li fil-ġranet li ġejjin se jibdew joperaw 8 RVMs oħra u jkun fadal 7 RVMs biss biex jiġu installati minn 320. Wara diskussjonijiet mal-Gvern, l-Operatur qiegħed jagħmel eżerċizzju ta’ analiżi fir-rigward tal-installazzjoni ta’ RVMs li jaċċettaw kwantità ta’ fliexken f’daqqa. It-testing ta’dawn it-tip ta’ RVMs ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Fil-frattemp infurmata li l-Operatur tal-Iskema, BCRS Malta ltd, qiegħed f’diskussjonijiet ma’ organizzazzjoni governattiva li toffri servizz ta’ trasport bla ħlas għall-anzjani biex dan is-servizz ikun estiż għall-Iskema; jiġifieri, li jiġi offrut servizz tat-trasport sabiex l-anzjani jkunu jistgħu b’mod iktar faċli jaċċessaw il-magni u jiddepożitaw il-fliexken tagħhom meta jagħżlu li jitwasslu biex jagħmlu l-qadjiet tagħhom fil-komunità.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar — proġetti li għandhom permessi validi mill-Awtorità tal-Ippjanar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5684, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-40 proġett approvati u liema huma t-tliet proġetti li qed jistennew approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar u dan kif mitlub fl-istess mistoqsija parlamentari?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – Xemxija – Moll tal-Veċċja

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 959 fejn ingħad li d-dawl fuq il-moll tal-Veċċja, Xemxija, San Pawl il-Baħar, hu responsabilità tal-Kunsill Lokali, jista’ l-Ministru jara li dan il-moll, li fih hemm numru ta’ arbli bil-fanali, ikun mixgħul kollu fil-ħinijiet meħtieġa, speċjalment billejl? X’inhi r-raġuni għala dan il-moll issa ilu b’diversi arbli mitfijin għal numru ta’ xhur?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Xemxija, San Pawl il-Baħar — dawl mal-moll

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-moll tal-Veċċja, Xemxija, San Pawl il-Baħar, li fih hemm numru ta’ arbli bil-fanali, ikun mixgħul kollu fil-ħinijiet meħtieġa, speċjalment billejl? X’inhi r-raġuni għala dan il-moll issa ilu b’diversi arbli mitfijin għal numru ta’ xhur?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – koordinazzjoni mal-Università ta' Malta f’każ li jseħħu xi terremoti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' koordinazzjoni qiegħda sseħħ bejn dawk responsabbli mill-Protezzjoni Ċivili u l-Università ta' Malta għal dak li jikkonċerna azzjoni immedjata fejn iseħħu xi terremoti? Xi preparazzjoni partikolari jwettqu dawk responsabbli mill-Protezzjoni Ċivili biex ikunu ppreparati għal ċirkostanzi ta' terremoti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li d-Dipartiment ta’ Protezzjoni Ċivili u l-Università ta’ Malta (Dipartiment tal-Geo Xjenza) qegħdin dejjem fil-kuntatt flimkien speċjalment fejn jidħol ċaqlieq siżmiku jew possibilta ta’ Tsunami. L-istrumenti tad-Dipartiment tal-Geo Xjenza u l-early warning system ta’ possibbiltà ta’ Tsunami minbarra li javżaw lill-Università javżaw ukoll lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Dan il-kuntatt isir ukoll bil-fomm biex jiġi żgurat li n-notifika għaddiet kif ukoll issir tifsira ta’ l-informazzjoni minn membri tekniċi tal-Università sabiex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jkollu tifsira ta’ l-informazzjoni provduta. Dan minbarra kollaborazzjoni stretta fejn dawn l-aħħar snin saru żewġ proġetti bejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u Dipartiment tal-Geo Xjenza flimkien ma’ entitajiet oħra fi Sqallija. Dawn kienu l-Proġetti Simit (terremoti) u Simit Tharsy (Tsunami). Bħalissa qed isiru preparamenti biex isir applikazzjoni għat-tielet proġett flimkien fuq l-istess binarji. Minbarra dan il-Protezzjoni Ċivili għandha pjanijiet ta’ kontinġenza li jinkludu l-każijiet ta’ terremot jew tsunami, kif ukoll attendiet għal dawn l-eżercizzji maġġuri: · Ezerċizzju ma THW (Germanja) 2010 · Ezerċizzju Twist 2013 · Ezerċizzju Simit 2015 · Ezerċizzju Simit Tharsy 2022 · Ezerċizzju ma UK ISAR 2016 · Ezerċizzju PACES 2019 Infurmat ukoll li minbarra diversi eżerċizzji żgħar oħra fejn ipparteċipajna bħala osservaturi, jew oħrajn li saru lokali mid-DPĊ sabiex jiġu mħarrġa teams lokali, kif ukoll taħrig u korsijiet li membri tad-DPĊ attenda barra minn Malta taħt il-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili.

San Pawl il-Baħar – Triq Sir Luigi Preziosi — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu x-xogħol li qed isir fi Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar, preżentement? Meta hu mistenni li jitlesta u kemm hi l-istima tax-xogħol li qed isir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tikkontribwixxi f’dan il-proġett li hu mmexxi primarjament minn Infrastructure Malta. Il-Korporazzjoni qed tinvesti f’titjib fl-infrastruttura kemm tad-drenaġġ kif ukoll tal-ilma tax-xorb. L-istima tal-ispiża tammonta għal kważi €290,000.

Transport, CRPD u l-Aġenzija Sapport – studju dwar reserved parking bays

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju li ġie kkummissjonat mill-Awtorità tat-Trasport flimkien mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u l-Aġenzija Sapport dwar reserved parking bays għal persuni b'diżabilità? Fiex jikkonsisti dan l-istudju u meta hu mistenni li jiġi ffinalizzat u ppubblikat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop tal-istudju kkommisjonat huwa bbażat fuq riċerka li hija meħtieġa sabiex tagħmel proposti alternattivi ta’ kif għandhom ikunu allokati parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabilità, kif ukoll li għandhom isiru proposti biex jgħinu li jinstabu mezzi alternattivi kif għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar min għandu jkollu parkeġġ riservat, dejjem ibbażat fuq id-demografija ta’ kull belt jew raħal, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Huwa mistenni wkoll li jkunu kkunsidrati d-daqs tal-popolazzjoni, l-età medja, l-ammont ta’ Blue Badge Holders, l-ammont ta’ vetturi reġistrati f’kull lokalità, l-ammont ta’ persuni lliċenzjati u l-ammont ta’ parkeġġi diġà riservati. Iż-żmien ta’ meta dan ir-rapport se jkun konkluż jiddependi minn diversi fatturi u allura qegħdin nagħmlu dak kollu possibbli biex jigi konkluż fl-iqsar żmien possibbli, b’koordinazzjoni sħiħa mas-CRPD.

Skema Soċjetajiet Mużikali Aktar Inklussivi – applikazzjonijiet mill-għaqdiet volontarji lokali

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema għaqdiet volontarji lokali ssottomettew applikazzjoni għall-iskema Soċjetajiet Mużikali Aktar Inklussivi? Dawk l-għaqdiet volontarji li applikaw, għal liema proġetti applikaw, x’kienet l-istima ta’ kull proġett u kemm kien l-ammont li ntalab biex jiġi ffinanzjat mill-istess fond? Liema għaqdiet volontarji bbenefikaw u għal liema proġett/i? Liema għaqdiet volontarji li applikaw ma bbenefikawx, għal liema proġett/i u x’kienet ir-raġuni għala ma bbenefikawx? Kemm kien il-valur allokat għal din l-iskema u kemm hu l-valur totali li attwalment ġie mqassam permezz ta’ din l-iskema?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-valur allokat għal din l-iskema fis-sena 2022 kien ta’ €100,000 u l-valur totali li tqassam kien ta’ €60,266.00. Il-Bord tal-Għażla qabel fuq sett ta’ linji gwida biex l-evalwazzjoni tkun ekwivalenti għal kull applikazzjoni. Apparti li kien ikkonfermat li l-applikanti kienu konformi mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, il-Bord daħal fid-dettall tal-kontenut ta’ kull applikazzjoni individwali sabiex ikun żgurat li l-proġetti proposti jkunu verament qed jolqtu l-kunċett inklussiv. Fejn l-affarijiet ma kinux ċari, intalbet kjarifika jew inkella saret żjara fuq il-post. Saret ukoll referenza għall-proġetti tal-istess għaqdiet/soċjetajiet applikanti, li ġew iffinanzjati fis-snin ta’ qabel biex ikun assigurat li ma jiġux finanzjati proġetti repetuti u għalhekk ma jkunx hemm double-funding. Aktar informazzjoni fuq il-proġetti taħt l-iskema Soċjetajiet Mużikali Aktar Inklussivi 2022 tinstab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ACTU — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jaħdmu mat-Taqsima tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) fil-preżent? X’inhuma l-karigi li qed jaħdmu fihom dawn l-istess persuni? Tista’ tgħid kemm suppost hu n-numru ta’ persuni meħtieġa biex l-ACTU tkun tista’ tħaffef il-proċessi ta’ assessment?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm tmien (8) impjegati fi ħdan l-ACTU bil-karigi kif elenkati hawn taħt: Kariga Numru ta Impjegati Manager 1 Speech Language Thereapists 3 Occupational Therapists 3* Senior Support Worker 1 * 1 għadu bi prova (probation) u Occupational Therapist oħra ser tibda f’Marzu 2023. Sabiex ikun hemm full compliment, l-ACTU għandha bżonn 9 ħaddiema oħra, dawn jinkludu sitt terapisti u tliet ħaddiema li jagħtu servizz anċillari (amministrattiv u tekniku). Huma t-terapisti biss li jagħmlu l-assessjar.

ACTU – tfal u żgħażagħ li qed jistennew biex jiġu assessjati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu fil-preżent in-numru ta’ tfal u żgħażagħ li qed jistennew biex jiġu assessed mit-Taqsima tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex? Kemm ilhom jistennew dan l-assessment u meta mistennija jiġu assessed? X’inhi l-età ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ applikanti fuq l-lista ta’ stennija għas-servizz tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) huwa hekk kif elenkat hawn taħt: Malta Għawdex Numru totali fuq l-lista presenti ta’ stennija għas-servizz 178 19 L-etajiet ivarjaw minn 3 snin sa 14-il sena. Iż-żmien ta’ stennija għas-servizz f’Malta ta’ dawn l-applikanti ivarja skont kif elenkat hawn taħt: Sena Malta Għawdex Minn Diċembru 2018 1 - 2019 23 8 2020 18 1 2021 50 5 2022 83 5 2023 3 - TOTAL 178 19 Ser inkunu qed nassessjaw lil dawn il-klijenti skont l-ordni tagħhom fuq il-lista ta’ stennija hekk kif is-servizz jikkonkludi l-assessjar ta’ klijent/a ieħor/oħra.

ACTU — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm persuni li qabel ma t-Taqsima tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) ġiet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Sapport, kienu jaħdmu mal-ACTU u issa rriżenjaw? X’inhuma l-karigi li kienu jaħdmu fihom dawn l-istess persuni? Kemm minn dawn il-persuni kienu għadhom taħt probation?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport tista’ tirrapporta biss fuq dawk l-uffiċjali pubbliċi li ġew detailed mal-Aġenzija Sapport fil-11 ta’ Novembru 2019 (minħabba l-fatt li m’għandhiex informazzjoni dwar impjegati li mhumiex fuq il-kotba tagħha). Waħda minn dawn il-persuni li qabel ma ġew detailed mal-Aġenzija kienet diġà taħdem l-ACTU, kellha d-detailing tagħha rrevokat f’Settembru 2021 biex ħadet pożizzjoni oħra fis-servizz pubbliku.

Aġenzija Sapport – ACTU — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda mat-Taqsima tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) kemm ilha taqa’ taħt l-Aġenzija Sapport? X’inhuma l-karigi li qed jaħdmu fihom dawn l-istess persuni? Kemm minn dawn il-persuni għadhom taħt probation?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-11 ta’ Novembru 2019, ġew ingaġġati 5 terapisti (2 minn dawn irriżenjaw u impjegata minnhom ħa tibda l-impjieg tagħha f’Marzu 2023). Manager, Executive I u Senior Support Worker ġew ukoll allokati f’dan is-servizz. Wieħed mit-terapisti li beda f’Jannar li għadda għadu f’perjodu ta’ prova (probation).

ACTU – tfal u żgħażagħ li ġew assessed

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm tfal u żgħażagħ li ġew assessed mit-Taqsima tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) sena b’sena mill-2019 sal-lum separatament għal kull sena, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex? X’inhi l-età ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ? Tista’ tagħti tagħrif dwar kemm tfal u żgħażagħ kienu fuq il-lista ta’ stennija biex jigu assessed mill-ACTU sena b’sena mill-2019 sal-lum separatament għal kull sena, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex? X’kienet l-età ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ klijenti li kienu offruti s-servizz tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) huwa hekk kif elenkat hawn taħt: Sena Numru ta’ persuni li kienu offruti s-servizz 2019 *bejn Novembru u Diċembru 2019 is-servizz kien għaddej mit-tranżizzjoni mid-dipartiment tal-edukazzjoni għal ħdan l-Aġenzija Sapport. - 2020 398 2021 410 2022 407 In-numru ta’ applikanti fuq il-listi ta’ stennija għas-servizz Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) huwa hekk kif elenkat hawn taħt: Sena Numru ta’ persuni li qegħdin fuq il-lista ta’ stennija 2019 115 2020 148 2021 155 2022 205 (19-il klijent fuq il-lista ta’ stennija għal Għawdex) Id-data li s-servizz iżomm hija waħda globali u b’hekk mhux possibbli li tkun maqsuma bejn Malta u Għawdex. L-etajiet medji ivarjaw bejn 3 snin u 16-il sena.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – taħriġ lill-ħaddiema dwar terremoti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jew dipartimenti oħrajn li jaqgħu taħtu ġewx imħarrġa dwar terremoti ta’ skala mdaqqsa li jistgħu jolqtu lil pajjiżna? Jekk iva, x’taħriġ ingħata?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Protezzjoni Ċivili ilha titħarreġ għal diversi snin fuq taħriġ intensiv fuq terremoti u tsunami, kif indikat hawn taħt: · Eżerċizzju ma THW (Germanja) 2010 · Eżerċizzju Twist 2013 · Eżerċizzju Simit 2015 · Eżerċizzju Simit Tharsy 2022 · Eżerċizzju ma UK ISAR 2016 · Eżerċizzju PACES 2019 · Dawn minbarra diversi e¿erċizzji zgħar oħra fejn ipparteċipajna b’osservaturi, jew oħrajn li saru lokali mid-DPĊ sabiex jiġu mħarrġa teams lokali.

San Pawl il-Baħar — Triq Toni Bajada - bozza mwaħħla ma' faċċata ta' proprjetà

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 5005 u 5189 rigward bozza mitfija fi Triq Toni Bajada, San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jara li din l-aħħar bozza fit-triq imsemmija (in-naħa ta' Triq il-Knisja) hekk kif diġà ssemma f'mistoqsija parlamentari 5005, u li ritratt tagħha qed jingħata separatament, tibda tixgħel mill-aktar fis hekk kif għadha mitfija sal-ġurnata li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-istess Kunsill għamel il-verifiki tiegħu u infurma lill-entità kkonċernata sabiex tittieħed azzjoni. Intant infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi l-aħjar mod sabiex jiġu indirizzati l-ilmenti fl-iqsar żmien u bl-aktar mod ‘resource efficient' huwa billi wieħed jilloġġja lment direttament mal-Kunsilli Lokali fejn tittieħed azzjoni opportuna minnufih.