San Pawl il-Baħar – Toroq Prinċipali – miżuri ta’ sigurtà
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fit-triq prinċipali ta' San Pawl il-Baħar, Triq San Pawl, minn ħdejn ir-roundabout (li tagħti għax-Xatt il-Pwales u Triq Għajn Tuffieħa) sal-Veċċja, jkun hemm miżuri xierqa ta' sigurtà bħal zebra crossings eċċ.?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-triq msemmija hija triq li taqa' taht ir-responsabiltà tal-kunsill lokali ta’ San Pawl u li l-Awtorità m’għandha l-ebda applikazzjoni pendenti jew complaints fir-rigward ta’ nuqqas ta’ sigurtà mill-istess kunsill jew mir-residenti. Madanakollu l-Awtorità ser tkun qiegħda tikkomunika mal-kunsill fir-rigward ta’ dan is-suġġett.
Ministeru għat-Turiżmu — applikazzjonijiet pendenti għal-lokalitajiet tal-Imġarr, il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema applikazzjonijiet pendenti għandu l-Ministeru jew xi entità li taqa' taħtu, quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal-lokalitajiet tal-Imġarr, Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti taghrif dwar liema permessi validi tal-Awtorità tal-Ippjanar għandu kemm il-Ministeru kif ukoll l-awtoritajiet/entitajiet li jaqgħu taħtu? F'kull każ x'inhu x-xogħol involut?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-segwenti huma l-applikazzjonijiet pendenti li għandhom l-entitajiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar:
· applikazzjoni biex jitneħħa t-taraġ tal-konkos eżistenti li jinsab fiż-żona tat-Tunnara l-Mellieħa (aċċessibbli minn Triq il-Marfa) u jerġa’ jinbena mill-ġdid kif inhu. Dan minħabba l-ħsarat li sofra matul iż-żmien.
· Applikazzjoni għall-installazzjoni ta’ dawl fuq il-faċċata tal-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar.
Intant, is-segwenti huma l-permessi validi:
· applikazzjoni biex jiżżarmaw u jitneħħew elementi perikolużi eżistenti u r-rikostruzzjoni tal-istess elementi bħal dawk eżistenti fl-istore li d-Diviżjoni tat-Tindif għandha ġewwa l-Armier;
· Tisbiħ tal-pjazza – Misraħ il-Parroċċa, Triq Salvinu Vella u Triq l-Inkurunazzjoni, Mellieħa;
· Restawr tal-Istatwa tar-Ruħ, Mellieħa;
· Tisbiħ ġewwa s-Salt Pans, Dawret il-Gżejjer, San Pawl il-Baħar;
· Tisbiħ tal-Belvedere fi Triq San Franġisk ma’ Triq San Publiju, San Pawl il-Baħar;
· Tisbiħ tas-sit li jinsab fi Triq il-Luzzu, f’żona pubblika ġewwa San Pawl il-Baħar;
· Tisbiħ tal-Pjazza ta’ Buġibba;
· Installazzjoni ta’ digital kiosk u smart bench fil-Pjazza ta’ Buġibba;
· Restawr tal-Istatwa ta’ Għajn Rażul, San Pawl il-Baħar.
Naxxar – bini ta’ distribution centre tal-elettriku
Question
B'referenza għall-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar bir-referenza PA/03172/22 għall-bini ta' distribution centre tal-elettriku fin-Naxxar, tista' l-Ministru tgħid jekk kinux ikkonsidrati siti oħrajn għal dan id-distribution centre? Jekk iva, liema kienu u x'inhi r-raġuni għala ma ntgħażlux?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li deċiżjoni dwar bini ta’ Ċentru ta’ Distribuzzjoni tittieħed fuq diversi kunsiderazzjoni tekniċi. Kif ġie spjegat f’PQ 6268, in-Naxxar għandu 35 substation kollha li huma mqabbda ma' tliet ċentri tad-distribuzzjoni tal-Mosta, Buġibba u St Andrews. In-Naxxar huwa teknikament l-aktar post ideali li ġie identifikat biex jinbena Ċentru ta’ Distribuzzjoni ġdid li jkun jaqdi prinċipalment lil-lokalità u lokalitajiet iżgħar fil-qrib.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il sticker twaħħlet mal-boroż tal-iskart minħabba li dawn instabu barra fil-ġurnata li fiha ma jinġabarx dan it-tip ta' skart? Jista' jipprovdi din l-informazzjoni lokalità lokalità? Jista' jgħid x'verifiki qed isiru li l-iskart verament ikun inħareġ fil-ġurnata l-ħażina u mhux li l-kuntrattur ma jkunx ġabar dan l-iskart meta suppost ġabru qabel ma jitwaħħlu dawn l-istickers?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Ġbir ta’ skart mill-kuntrattur responsabbli — spezzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru spezzjonijiet biex jiġi żgurat li l-iskart qiegħed jinġabar mill-kuntrattur responsabbli skont l-iskeda fid-diversi lokalitajiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi l-Waste Regional Officer f’kull Kunsill Reġjonali qiegħed f’kuntatt kontinwu kemm mal-Kunsilli Lokali fi ħdan ir-reġjun kif ukoll mal-kuntrattur tal-istess reġjun.
Minħabba li qegħdin fil-fażi inizjali tal-kuntratt tal-immaniġġar tal-iskart fuq bażi reġjonali u anke sakemm ir-residenti kollha jidraw l-iskeda tal-ġranet għall-ġbir tal-iskart, f’din il-fażi bdiet il-kampanja edukattiva u informattiva, fejn f’diversi lokalitajiet qed jitwaħħlu stickers, b’sens ta’ twiddiba, li jindikaw li l-borża nħarġet fil-ġurnata l-ħażina.
Aktar minn hekk, infurmat li hemm kuntatt kontinwu wkoll bejn id-diversi entitajiet li b’xi mod huma involuti fl-immaniġġar tal-iskart u dan sabiex ikun hemm sinerġija sħiħa fl-ahjar interess tac-cittadini Maltin u Ghawdxin kollha.
Transport Malta – persuni li għandhom liċenzja tas-sewqan Maltija valida
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom liċenzja tas-sewqan Maltija valida, skont il-kategoriji differenti? Kemm minn dawn il-liċenzji huma ta' persuni Maltin? Kemm minn dawn il-liċenzji huma ta' persuni li ġejjin minn pajjizi tal-Unjoni Ewropea? Kemm minn dawn il-liċenzji huma ta' persuni li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kif inhi mistennija li tiġi kkontrollata u mnaqqsa l-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan fl-inħawi residenzjali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli qiegħed jaħdem man-naħħala sabiex niffukaw ir-riżorsi tagħna fuq l-irġejjen tal-bagħal taż-żunżan. Dan għaliex, minn studji li għamilna, juri biċ-ċar li kull reġina li tinqabad issarraf f’nuqqas ta’ massimu ta’ 1,000 bagħal taż-żunżan fis-sajf.
Għal dan il-għan, il-Ministeru vara skema ta’ għajnuna għan-naħħala sabiex jinkoraġġixxi dan l-investiment qabel tibda r-rebbiegħa li matulu l-irġejjen jibdew jagħmlu l-bejtiet sabiex jifformaw il-kolonja tagħhom. Għalhekk f'dan iż-żmien in-naħħala permezz ta' din l-iskema ser jinvestu fit-tagħmir meħtieġ sabiex jinqabdu kemm jista' jkun irġejjen u b'hekk il-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan tibda tonqos. B’dan l-approċċ nistgħu nistennew tnaqqis konsiderevoli fil-preżenza ta’ dan l-insett fil-Gżejjer Maltin.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5987 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 959 fejn ingħad li d-dawl fuq il-moll tal-Veċċja, Xemxija, San Pawl il-Baħar, hu responsabilità tal-Kunsill Lokali, jista’ l-Ministru jara li dan il-moll, li fih hemm numru ta’ arbli bil-fanali, ikun mixgħul kollu fil-ħinijiet meħtieġa, speċjalment billejl? X’inhi r-raġuni għala dan il-moll issa ilu b’diversi arbli mitfijin għal numru ta’ xhur?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-istess Kunsill ser jara li jkun hemm kordinament meħtieġ sabiex kwalsiasi nuqqas li jista’ jkun hemm, jiġi indirizzat skont il-każ.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5942, tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-pjan biex jiġu ngaġġati iktar ħaddiema sabiex it-Taqsima tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) jkollha l-full complement?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa interess ta’ Aġenzija Sapport li din it-taqsima jkollha fi ħdanha n-numru ta’ professjonisti (Occupational Therapists u Speech and Language Therapists) adegwati biex tintlaħaq id-domanda tal-assessjar. Fl-aħħar xhur saret ħidma biex jiġu attirati iżjed professjonisti lejn l-ACTU, kif ukoll saret ħidma biex jitjiebu l-kundizzjonijiet u l-pakkett finanzjarju ta’ dawn il-professjonisti.
Issir ħidma kontinwa wkoll ma’ studenti li jkunu qed jistudjaw għal Speech Therapists u anke Occupational Therapists, biex jiżdied l-interess b’mod speċifiku f’dan il-qasam tal-aċċess għall-komunikazzjoni u t-teknoloġija assistiva. L-ingaġġ ta’ iżjed terapisti jiddependi minn kemm jiggradwaw terapisti u kemm minnhom ikunu interessati li jaħdmu f’dan il-qasam speċifiku.
L-Imġarr, il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – servizzi tal-elettriku
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ servizzi tal-elettriku (arloġġi tad-dawl), skont il-kategoriji differenti ta’ servizzi, li hemm fl-Imġarr, fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, rispettivament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-konsum globali tal-elettriku li jintuża ġewwa n-Naxxar? Liema huma dawk id-distribution centres, substations eċċ. li jagħtu s-servizz tal-elettriku ġewwa n-Naxxar? Tista’ tgħid fejn jinsabu s-substations tal-elettriku fil-lokalità tan-Naxxar? Minn liema distribution centres tirċievi s-supply kull substation fin-Naxxar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsum tal-elettriku mis-substations tan-Naxxar is-sena li għaddiet kien ta’ 47,646MWh. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bil-lista tas-substations li l-Enemalta għandha fin-Naxxar u ma' liema Ċentri ta’ Distribuzzjoni dawn jinsabu mqabbda.
San Pawl il-Baħar – Telgħet ix-Xemxija – tiswija tal-moll
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-moll li jinsab taħt it-triq prinċipali tax-Xemxija, jiġifieri Telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, jiġi rranġat qabel jitkisser iktar, hekk kif bħalissa dan diġà fih ħafna ħsara?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kif inhu ppjanat li jintefqu t-€300,000 allokati għad-Disability Hub fin-Naxxar għal din is-sena?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà spjegat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3655, l-ammont hu disponibbli għal bdil fid-disinn u l-kunċett tal-proġett li, fost affarijiet oħrajn, irid jirrispetta l-obbligi tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – taħriġ lill-ħaddiema dwar terremoti
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5947, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex kien jikkonsisti kull wieħed mit-taħriġ imsemmi fit-tweġiba? Għal kull taħriġ li sar, kemm kien hemm persuni li ħadu sehem f’kull waħda mill-inizjattivi involuti? Għal kull taħriġ li sar, kemm għad hemm persuni li ħadu sehem f'dan it-taħriġ u għadhom impjegati mal-Protezzjoni Ċivili? Meta hu mistenni li jkun hemm programm ieħor ta’ taħriġ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-membri kollha tal-forza jieħdu taħriġ ta kif wieħed jaħdem meta jkun hemm kollass ta bini u kif wieħed għandu iqatta materjal u jqalleb qalb it-tifrik. Id-Dipartiment ikollu ukoll taħriġ speċjali għal tagħmir u għodda partikulari bħal drones, klieb, cameras u microphones għal taħt it-tifrik. Finalment isiru ukoll eżercizzji ta’ taħriġ li jkunu jissimulaw dan il-fatt u tingħata preferenza għal sezzjoni USAR (Urban Search and Rescue) għal dan it-taħriġ, peress li din is-sezzjoni tispeccjalizza f’dan it-tip ta’ xogħol, kif ukoll jingħata dan it-taħrig lil pumpiera oħra skond l-esiġenzi tas-servizz.
· Ezercizzju ma THW (Germanja) 2010. 25 ruħ – Intbagħtu l-voluntiera tad-Dipartiment
· Ezercizzju Twist 2013 30 ruħ – Intbgħatet is-sezzjoni USAR / voluntiera kif ukoll xi Uffiċjali tad-Dipartiment
· Ezercizzju Simit 2015 120 ruħ – Kien sar gewwa Għawdex u Tramuntana ta’ Malta. Gew involuti il-pumpiera kollha ta 2 xiftijiet minn 3 u sezzjoni voluntiera
· Ezercizzju Simit Tharsy 2022 25 ruħ – Sezzjoni USAR + membri minn Hal Far
· Ezercizzju ma UK ISAR 2016. 25 ruħ – Sezzjoni USAR + voluntiera
· Ezerċizzju PACES 2019 10 rwieħ – Ufficjali mid-Dipartiment
· Dawn minbarra diversi ezercizzji zgħar oħra fejn ipparteċipajna b’osservaturi, jew oħrajn li saru lokali mid-DPĊ sabiex jiġu mħarrġa teams lokali.
Rigward irtirar mill- 2013 kien hemm persuna waħda li irtirat mis-sezzjoni USAR, filwaqt li kien hemm xi 29 oħra li irtiraw mill-istazzjonijiet. Hemm il-ħsieb li ssir applikazzjoni oħra mal-UE rigward eżerċizzju ieħor din id-darba fuq skala nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Minn dawn il-ħaddiema kemm-il persuna ħadet taħriġ dwar l-eventwalità ta' terremoti jew tsunami f’pajjiżna? Xi rwol għandhom dawn il-ħaddiema fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu fi ħdanu 283 impjegati li minnhom;
· 22 minnhom iservu fl’Amministrazzjoni
· 261 iservu fil-Forza
Minn dawn il-261 kollha jieħdu taħriġ ta’ kif wieħed jaħdem meta jkun hemm kollass ta bini u kif wieħed għandu iqatta materjal u jqalleb qalb it-tifrik. Id-Dipartiment ikollu ukoll taħriġ speċjali għal tagħmir u għodda partikulari bħal drones, klieb, cameras u microphones għal taħt it-tifrik. Finalment isiru ukoll eżercizzji ta’ taħriġ li jkunu jissimulaw dan il-fatt u tingħata preferenża għal sezzjoni USAR (Urban Search and Rescue) għal dan it-taħriġ, peress li din is-sezzjoni tispeċċjalizza f’dan it-tip ta’ xogħol, kif ukoll jingħata dan it-taħrig lil pumpiera oħra skond l-esiġenżi tas-servizz. F’aħħar isir ukoll taħriġ ta kif tim għandu iġib ruħu barra minn Malta u kif l-ufficjali għandu jikkomunika mal-pajjiz affetwat, mal-EU u ma kulturi differenti. Dan it-taħriġ jingħata mill EU Civil Protection Mechanism u jsir lill Team Leaders, Deputy Team Leaders u oħrajn li jkunu jaqdu rwol specifiku f’dan it-tim.
Jista’ l-Ministru jgħid liema għaqdiet tal-banda ssottomettew applikazzjoni għall-Iskema Tagħlim tal-Mużika mnedija minn Aġenzija Żgħażagħ b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Banda? Għall-għaqdiet tal-banda li applikaw, jista’ jgħid x’kien l-ammont li ntalab biex jiġi ffinanzjat mill-istess fond u kemm se jkun l-ammont li se jiġi ffinanzjat minn dan il-fond? Liema għaqdiet volontarji bbenefikaw? Liema għaqdiet volontarji li applikaw ma bbenefikawx u x’kienet ir-raġuni li għaliha ma bbenefikawx? Kemm kien il-valur allokat għal din l-iskema u kemm hu l-valur totali li attwalment ġie mqassam permezz ta’ din l-iskema? Jista’ jagħti tagħrif dwar din l-iskema?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-fondi ma ġewx allokati għall-dawk l-għaqdiet li ma laħqux il-kriterji neċessarji mitluba mill-iskema.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ Occupational Therapists (full-time u part-time separatament) li huma impjegati mal-Ministeru tiegħu jew xi dipartiment ieħor li jaqa’ taħt l-istess Ministeru? Jista’ jgħid fejn qed joffru s-servizzi taghhom? Jista’ jgħid jekk hemmx sejħiet miftuħin jew li ma ġewx konklużi sabiex jiġu ingaġġati iktar Occupational Therapists?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ Occupational Therapists u fejn qed joffru s-servizzi tagħhom, filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’hemmx sejħiet miftuħin għax ġew ingaġġati kollha sal-aħħar tas-sena 2022.
Ministeru għas-Saħħa – Speech Language Pathologists
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ Speech Language Pathologists (full-time u part-time separatament) impjegati mal-Ministeru tiegħu jew xi dipartiment ieħor li jaqa’ taħt l-istess Ministeru? Jista’ jgħid fejn qed joffru s-servizzi tagħhom? Jista’ jgħid jekk hemmx sejħiet miftuħin jew li ma ġewx konklużi sabiex jiġu ingaġġati iktar Speech Language Pathologists?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 121 Speech Language Pathologists impjegati mal-Ministeru għas-Saħħa. Minn dawn 2 persuni biss huma part-time. Dawn joffru servizzi f’41 skola tal-Gvern u f’7 skejjel tal-Knisja u jagħmlu sessjonijiet speċifikament fl-iskejjel. Jipprovdu wkoll servizz fi 15-il Dar tal-Anzjani. Jipprovdu wkoll servizzi fi swali ta l-isptarijiet b’ kontinwità tal-kura wara l-ħruġ tal-pazjent mill-isptar. Dan is-servizz mifrux kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar – Nefqa fuq faċilitajiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex intnefqu jew se jintnefqu s-€60 miljun li ġew iddedikati għar-rinovazzjoni ta’ faċilitajiet eżistenti kif ukoll għall-bini ta’ oħrajn ġodda bi preparazzjoni għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li għandhom isiru f’Malta iktar tard matul din is-sena? Liema faċilitajiet se jitwettqu b’din in-nefqa u kemm kienet jew kemm se tkun in-nefqa fuq kull faċilità? Liema minn dawn il-faċilitajiet tlestew?
Kunsill Malti għall-Isports –kummerċjalizzazzjoni ta’ faċilitajiet sportivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm talbiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ faċilitajiet sportivi ġew approvati s’issa mill-Kunsill Malti għall-Isports? Liema huma l-applikazzjonijiet li ġew approvati s’issa? Liema huma l-applikazzjonijiet li għadhom pendenti għall-approvazzjoni?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet msemmija jiġu approvati mill-Kummissjoni dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi għax kif diġa ġie spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4631, il-Kunsill Malti għall-Isport ma baqax jinfunzjona mis-sena 2014.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa hemm ħames applikazzjonijiet li għadhom qed jiġu evalwati minn entitajiet relevanti abbażi l-Avviz Legali 160 tal-2017 kif amendat bl-Avviz Legali 213 tal-2022.