Jista’ l-Ministru jgħid jekk irċeviex rapporti dwar opra tal-baħar li ddaħħlet fuq il-blat fil-Mistra? Jista' jgħid jekk l-awtorità responsabbli ħaditx xi passi biex titneħħa mill-post l-istess opra tal-baħar? Jista' jgħid ukoll jekk ħarġux xi żjut/fuel fil-baħar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Transport ħarġet sejħa biex jitneħħa l-bastiment immedjatament malli saret taf li l-bastiment spiċċa fuq il-blat fil-bajja tal-Mistra. Fl-ebda mument waqt diversi spezzjonijijet ma ġie nnutat tixrid ta’ żejt / fjuwil fil-baħar. L-Awtorità tat-Trasport se tiżgura li jibqgħu jsiru ispezzjonijiet ta’ spiss sakemm jitneħħa l-bastiment mill-bajja.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn hemm uffiċċji tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ġewwa Malta u Għawdex fejn wieħed jista' jirrapporta nuqqas relatat mas-sanità, pest control eċċ. minbarra l-uffiċini prinċipali ġewwa Santa Venera? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ ta' kull wieħed minn dawn l-uffiċċji?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tabella t'hawn taħt hemm l-informazzjoni mitluba minnu fuq l-uffiċċji tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali.
Uffiċċju, numru tat-telefon u l-indirizz tal-imejl
Ħinijiet tal-ftuħ
Tip ta’ lmenti li jiġu rrapurtati
Pest Control Office
Police Station, Vjal ir-Rihan, San Gwann
Tel: 21 380072
Imejl:
pestcontrol.ehd@gov.mt
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-07.00 sa’ 08.30 u mis-14.00 sa’ 15.00
L-ilmenti kollha relatati ma’ infestazzjonijiet ta’ firien u pesti
Pest Control Office
Vjal l-Avjazzjoni, Luqa
Tel: 21227154
Imejl:
pestcontrol.ehd@gov.mt
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-07.00 sa’ 08.30 u mis-14.00 sa’ 15.00
L-ilmenti kollha relatati ma’ infestazzjonijiet ta’ firien u pesti
Pest Control Office
Naxxar local council, 21stSeptember Avenue, Naxxar
Imejl:
pestcontrol.ehd@gov.mt
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-07.00 sa’ 08.30 u mis-14.00 sa’ 15.00
L-ilmenti kollha relatati ma’ infestazzjonijiet ta’ firien u pesti
Burials Regulatory Unit
– Addolorata Cemetery
Tel: 21 675936
Imejl:
burials.ph@gov.mt
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-07:00 sat- 15:00
Is-Sibt u l-Ħadd bejn is-7:00 sa’ 12:00
L-ilmenti kollha relatati ma’ Ċimiterji, dfin eċċ
Gozo Regional office
Administration Centre, St Francis Square Victoria
Tel: 22156500
Imejl:
gozo.ph@gov.mt
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-07.00 sa’ 15.00
l-ilmenti kollha relatati mas-Saħħa Pubblika, li jinkludu ilmenti dwar ċimiterji u infestazzjonijiet ta’ firien u pesti.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti xi informazzjoni dwar il-berġa li kellha tinfetaħ fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar hekk kif l-uniku informazzjoni li nafu hi li din għandha tkun lesta fl-2023? Jista' jgħid jekk ġiex identifikat is-sit fejn se tkun qiegħda tinfetaħ din il-klinika tal-komunità? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li tindika fejn ser tkun din il-klinika? X'servizzi ser ikunu offruti u min ser ikun jista' juża dawn is-servizzi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu kmieni biex tingħata informazzjoni peress li għaddej każ il-qorti mas-sid tal-fond attwali.
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu d-diskussjonijiet mill-BCRS Malta Ltd., hekk kif imsemmi fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6065, dwar trasport għall-anzjani sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw ir-reverse vending machines u jiddepożitaw il-fliexken tagħhom? Tista' tgħid jekk dan is-servizz hux se jkun qed jiġi offrut lill-anzjani li joqogħdu f'kull lokalità f'Malta u Għawdex? Jekk le, f'liema lokalitajiet se jkun offrut dan is-servizz? Ma' liema organizzazzjoni governattiva jew organizzazzjonijiet oħrajn qegħdin isiru dawn id-diskussjonijiet mill-BCRS Malta Ltd.?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li huwa ppjanat li l-ftehim bejn BCRS Malta Ltd u l-organizzazzjoni governattiva inkwestjoni - Active Ageing and Community - se jidħol fis-seħħ sa April ta’ din is-sena.
Dan is-servizz ser jiġi offrut lill-anzjani li joqogħdu f'kull lokalità f'Malta u Għawdex.
Aċċess għall-anzjani biex jiddisponu mill-fliexken
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux jikkonsidra l-possibbiltà li anzjani jkunu jistgħu jiddisponu mill-fliexken tagħhom mingħajr il-bżonn li joqogħdu jmorru fejn ir-reverse vending machines filwaqt li jingħataw il-ħlas tad-depożitu għall-fliexken? Jekk iva, ma' min qed tikkonsidra din il-possibbiltà?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 6722.
Mellieħa – espressjoni ta’ interess għall-bini msemmi l-Batterija Wied Musa
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-espressjoni ta' interess għall-bini msemmi l-Batterija Wied Musa, li wara ġie konvertit għall-Marfa Palace Hotel, magħruf ukoll bħala l-Palazz l-Aħmar, Mellieħa? Mingħand min ġiet sottomessa u meta? X'inhi r-raġuni għala din it-talba għadha pendenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi l-espressjoni ta’ interess għall-Batterija Wied Musa kienet f’forma ta’ talba għal kustodja tal-proprjetà min-naħa ta’ Din l-Art Ħelwa fit-13 ta’ Mejju, 2021.
Dwar dan infurmat illi s-Sovrintendenza pproċessat din it-talba u għaddietha lill-Awtorità kkonċernata għall-ipproċessar relattiv.
Mellieħa – espressjoni ta’ interess għall-bini msemmi l-Fortizza ta’ Selmun
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-espressjoni ta' interess għall-bini msemmi l-Fortizza ta' Selmun, magħruf ukoll bħala Fort Campbell, fil-Mellieħa? Mingħand min ġiet sottomessa u meta? X'inhi r-raġuni għala din it-talba għadha pendenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi s-Sovrintendenza qatt ma rċeviet espressjoni ta’ interess jew talba għal kustodja ta’ proprjetà għal Fort Campbell/Fortizza ta’ Selmun ġewwa l-Mellieħa.
Mellieħa – xogħol fuq il-bini msemmi l-Fortizza ta’ Selmun
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk Ambjent Malta għandhiex pjan li tagħmel xi xogħol fuq il-bini msemmi l-Fortizza ta' Selmun, magħruf ukoll bħala Fort Campbell, fil-Mellieħa? Jekk iva, xi pjanjiet għandha? Fiex waslu dawn il-pjanijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta m’għandha l-ebda titlu fuq is-sit imsemmi u għaldaqstant mhijiex f’pożizzjoni li tfassal jew timplimenta pjanijiet.
Tista' l-Ministru tgħid kemm twaħħlu stickers mal-boroż tal-iskart minħabba li dawn ikunu nstabu barra fil-ġurnata li fiha ma jinġabarx dan it-tip ta' skart? Tista' tipprovdi din l-informazzjoni lokalità b’lokalità? Tista' tgħid x'verifiki qed isiru li l-iskart verament ikun inħareġ fil-ġurnata l-ħażina u mhux li l-kuntrattur ma jkunx ġabar dan l-iskart meta suppost ġabru qabel ma jitwaħħlu dawn l-istickers?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lil Onor. Interpellant li t-twaħħil tal-istickers mal-boroż tal-iskart li ma jinħarġux skont l-iskeda stabbilita huwa sforz kollettiv bejn diversi entitajiet. L-intenzjoni hi li, fil-lokalitajiet fejn tiġi osservata nuqqas ta’ konformità, dawn l-istickers jitwaħħlu bħala sinjal ta’ twissija.
Ninsab infurmata li sal-aħħar ta’ Jannar kienu twaħħlu madwar għoxrin elf sticker.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twaħħlu stickers mal-boroż tal-iskart minħabba li dawn ikunu nstabu barra fil-ġurnata li fiha ma jinġabarx dan it-tip ta' skart? Jista' jipprovdi din l-informazzjoni lokalità lokalità? Jista' jgħid x'verifiki qed isiru li l-iskart verament ikun inħareġ fil-ġurnata l-ħażina u mhux li l-kuntrattur ma jkunx ġabar dan l-iskart meta suppost ġabru qabel ma jitwaħħlu dawn l-istickers?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel id-domanda tagħha lill-Ministeru kkonċernat.
Transport Malta – liċenzja tas-sewqan Maltija valida
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6285 u jgħid kemm hawn persuni li għandhom liċenzja tas-sewqan Maltija valida, skont il-kategoriji differenti? Kemm minn dawn il-liċenzji huma ta’ persuni Maltin? Kemm minn dawn il-liċenzji huma ta’ persuni li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea? Kemm minn dawn il-liċenzji huma ta’ persuni li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa f’Malta sal-aħħar ta’ Jannar 2023 kien ta’ 277,490 kif ġej:
239,496 huma maħruġa lil ċittadini Maltin
14,622 huma maħruġa lil ċittadini ta’ stat membri tal-Unjoni Ewropeja
23,372 huma maħruġa lil ċittadini mhux Maltin u/jew minn pajjiz barra mill-Unjoni Ewropea.
Inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni – pulizija preżenti waqt li jkunu għaddejjin inkjesti maġisterjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk meta jseħħu inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni u jkunu għaddejjin inkjesti maġisterjali, hux qed ikun hemm pulizija stazzjonat fuq l-istess siti u jekk dan il-pulizija jibqax hemm sa meta tintemm l-inkjesta? Jekk iva, kemm hemm siti li bħalissa għandhom għassa magħhom? Liema huma dawn is-siti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi din l-ordni tkun fid-diskrezzjoni tal-Maġistrat Inkwerenti.
Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar — nefqa fuq faċilitajiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6070 u jgħid fiex intefqu jew se jintefqu s-€60 miljun li ġew iddedikati għar-rinovazzjoni ta’ faċilitajiet eżistenti kif ukoll għall-bini ta’ oħrajn ġodda bi preparazzjoni għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li għandhom isiru f’Malta iktar tard matul din is-sena? Liema faċilitajiet se jitwettqu b’din in-nefqa u kemm kienet jew kemm se tkun in-nefqa fuq kull faċilità? Liema minn dawn il-faċilitajiet tlestew?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern investa fil-faċilitajiet sportivi mhux biss għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, imma anke biex dan il-Logħob iħalli legat lil kull sport ieħor. Kull faċilità se tkun użata biex l-isportivi u l-atleti ta’ pajjiżna jkollhom faċilitajiet fuq livell internazzjonali fejn jitħarrġu u jipprattikaw l-isport tagħhom.
Dan huwa pjan li nħadem fuq erba’ snin u se jkompli għaddej bħala parti mill-viżjoni tal-Gvern għal dan is-settur.
L-Investiment imsemmi jinkludi:
Il-Matthew Micallef Athletics Stadium fil-Marsa,
Il-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali,
Il-Pixxina tas-Sirens,
Shhoting Range f’ Ta’ Kandja,
Titjib fil-Kumpless Sportiv f’’ Ħal Kirkop
Titjib fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq,
Il-Pixxina ta’ daqs Olimpiku fil-Kottonera,
Il-Padiljun tal-Ġinnastika tal-Marsa,
Padiljun ta’ Squash u Weightlifting fil-Marsa,
Titjib fil-Kumpless Sportiv f’Għawdex, u l-Kumpless tar-Rugby f’Kordin,
Padiljun tal-Handball,
Kumpless Sportiv f’Maria Assunta li jinkludi Akkademja tas-Snooker,
Ċentru tat-Tennis f’Pembroke.
Dawn il-proġetti kollha jikkumplimentaw l-għajnuna rekord li ta l-Gvern lill-atleti Maltin kollha biex jippreparaw b’mod tekniku għal dan il-logħob, li jinkludu:
€2.7 miljun f’assistenza diretta għall-4 snin minn SportMalta,
€5 miljun mill-NDSF għal Sport Malta sabiex atleti Maltin iħejju ruħhom għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom jiġi deċiż jekk persuna hijiex eleġibbli għall-Blue Badge? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-kriterji?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għall-Att 560 tal-2017, artikolu 13, fejn wieħed jista’ jsib il-kriteriji tal-eleġibilità biex wieħed ikun jista’ japplika għall-Blue Badge.
Bord tal-Appell għall-blue sticker – persuni li ma jkunux eleġibbli għall-Blue Badge
Question
Tista' l-Ministru tgħid x’inhu l-metodu li bih il-Bord tal-Appell għall-blue sticker jevalwa l-appelli li jirċievi wara li persuna tkun ġiet informata li mhijiex eleġibbli għall-Blue Badge?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Bord tal-Appelli tal-Blue Badge huwa bord awtonomu taħt is-CRPD bħala regolatur. Huwa maħtur skont dak li jipprovdi l-artikolu 10 tal-Att biex jipprovdi għal Konċessjonijiet ta’ Parkeġġjar għal Persuni b’Diżabilità, Kap. 560 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Il-metodu addottat minn dan il-bord huwa dak li ġej;
Persuna illi ġiet infurmata li mhijiex eliġibbli għall-Blue Badge u li tippreżenta appell skont ma hu pprovdut fis-subartikolu 9(3) tal-Att biex jipprovdi għal Konċessjonijiet ta’ Parkeġġjar għal Persuni b’Diżabilità, Kap. 560 tal-Liġijiet ta’ Malta, tiġi mistiedna sabiex tressaq il-każ tagħha quddiem il-bord u biex tippreżenta l-informazzjoni kollha illi hi tħoss illi tista’ ssostni l-każ tagħha. Minbarra illi l-bord ikollu fil-pussess tiegħu il-fajl tal-persuna, li jinkludi l-informazzjoni ppreżentata mill-persuna fl-applikazzjoni oriġinali, hija tingħata l-opportunità illi tressaq l-informazzjoni (inkluż dokumentazzjoni) kollha li għandha (anke dik illi kisbet wara li ġiet evalwata fl-ewwel istanza) sabiex tagħmel il-każ tagħha u tispjega għalfejn fl-opinjoni tagħha hi għandha tingħata l-Blue Badge. F’każ illi l-persuna tiddikjara illi għandha informazzjoni illi iżda ma tkunx ġabitha magħha, tingħata l-opportunità illi tippreżentaha f’seduta oħra u d-deċiżjoni tal-bord tiġi posposta għal dik is-seduta.
Ġaladarba l-bord ikollu l-informazzjoni kollha, il-persuna tkun ressqet il-każ tagħha u tkun wieġbet għall-mistoqsijiet li jistgħu jsiru mill-membri tal-bord, il-persuna tiġi mistiedna tħalli l-kamra.
Il-bord imbagħad jiddiskuti internament il-każ u tittieħed deċiżjoni. Is-Segretarju tal-bord iħejji l-ittra li għandha tintbagħat bid-deċiżjoni tal-bord, din tiġi ffirmata miċ-Ċerpersin tal-bord u tintbagħt bil-posta lill-persuna li tkun ressqet l-appell.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – talbiet pendenti għall-kustodja ta’ proprjetà
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għandha pendenti quddiemha s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għall-kustodja ta' xi proprjetà? Għal liema bini saret din it-talba u mingħand min saret? Fiex wasal il-proċess sabiex tkun konkluża kull waħda minn dawn it-talbiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li l-istess Sovrintendenza taf b’ħamsa u erbgħin (45) talba għall-kustodja ta’ proprjetajiet ikkunsidrati bħala patrimonju. Infurmat li dawn ġew ipproċessati min-naħa tas-Sovrintendenza u ntbagħtu lill-Awtorità tal-Artijiet.
Infurmat li dawn it-talbiet huma:
·
Din l-Art Ħelwa
o Il-Kappella ta’ San Mikiel is-Sanċir, Rabat
o
Australian Bungalow
, Luqa
o Il-Batterija tal-Qbajjar/ It-Torri tal-Qolla l-Bajda, Żebbuġ (Għawdex)
o Razzett tax-Xitan, Mellieħa
o Il-Batterija ta’ Wied Musa/ Il-Palazz l-Aħmar, Mellieħa
·
Fondazzjoni Wirt Artna
o Saluting Battery & Lascaris War HQ Complex, Valletta (tiġdid u estenzjoni)
·
Ramblers Association of Malta
o Il-Mitħna l-Qadima, Mosta
·
Gabriel Caruana Foundation
o Il-Mitħna ta’ Ganu Windmill (magħrufa wkoll bħala Il-Mitħna tal-Maħlut), Birkirkara
Infurmat ukoll illi s-siti/proprjetajiet imsemmija hawn taħt se jiġu proċessati taħt entrustment agreement bejn is-Sovrintendenza u Heritage Malta minflok guardianship deed:
o It-Tempji ta’ Ħal Tarxien, Tarxien
o Fortizza Delimara, Marsaxlokk
o Banjijiet Rumani, Mġarr (Malta)
o Il-Berġa ta’ Provinċja (Il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija)
o Għar Dalam, Birżebbuġa
o Il-kumpless Arkeoloġiku Tas-Siġg, Marsaxlokk
o Il-Palazz Vilhena (Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali), Mdina
o It-Tempji ta’ Ħaġrat, Mġarr (Malta)
o It-Tempji Ta’ Skorba, Mġarr (Malta)
o L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, Paola
o It-Templji ta’ Kordin III, Paola
o It-Tempji ta’ Ħaġar Qim, Qrendi
o It-Tempji tal-Imnajdra, Qrendi
o Domus Romana, Rabat (Malta)
o Il-Katakombi ta’ San Pawl, Rabat (Malta)
o Il-Katakombi ta’ Santu Wistin, Rabat (Malta)
o Il-Katakombi tal-Abbatija tad-Dejr, Rabat (Malta)
o Il-Palazz tal-Granmastru, Valletta
o L-Armerija fil-Palazz tal-Granmastru, Valletta
o Bastjun ta’ Vendome (eks-Mużew tal-Gwerra), Valletta
o Il-Palazz tal-Inkwiżitur, Birgu
o Il-Forti Sant’ Anġlu, Birgu
o L-Ifran Navali, (Il-Mużew Marittimu ta’ Malta), Birgu
o Il-Mużew tal-Arkeoloġija t’Għawdex, Cittadella
o It-Tempji ta’ Ġgantija
o
Gran Castello Historic House,
Citadella
o Il-Ħabs il-Qadim, Cittadella
o Il-Kappella tal-Madonna tal-Pilar, Valletta
o It-Tempji ta’ Borġ in-Nadur, Birżebbuġa
o Il-Katakombi ta’ Bistra, Mosta
o Ħaġra ta’ Sansuna, Qala
o Il-Mitħna Ta’ Kola, Xagħra
o L-Armerija u l-Mużew tan-Natura (inkluż l-uffiċini), Cittadella
o Fugass
o Il-Berġa tal-Italja (MUŻA), Valletta
o Torri tal-Kaptan, Naxxar
o Torri San Luċjan, Marsaxlokk
Intant infurmat illi s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturi qiegħda tipproċessa talba ta’ tiġdid tal-kustodja ta’ xi proprjetajiet mingħand Din l-Art Ħelwa, li tinkludi:
· It-Torri l-Aħmar, Mellieħa
· It-Torri ta’ Wignacourt, San Pawl il-Baħar
· It-Torri tad-Dwejra, San Lawrenz
· It-Torri ta’ Santa Marija, Kemmuna
· Il-Batterija ta’ Santa Marija, Kemmuna
· It-Torri Mamo, Marsascala
· It-Torri ta Xutu, Qrendi
· It-Torri tal-Għallis, Baħar iċ-Ċagħaq, Naxxar
· It-Torri ta’ Qaliet Marku, Baħar iċ-Ċagħaq, Naxxar
·
Msida Bastion Garden of Rest
, Floriana
Intant infurmat ukoll li s-Sovrintendenza pproċessat ukoll talba għat-tiġdid tal-kustodja tal-Kappella tal-Vitorja, Valletta, mingħand Din l-Art Ħelwa. Din tinsab fl-aħħar stadji u s-Sovrintendenza qed tistenna risposta mingħand in-Nutar tal-Gvern.
Mellieħa – espressjoni ta’ interess għall-bini tal-Cavallerizza
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-espressjoni ta' interess għall-bini msemmi Cavallerizza, magħruf ukoll bħala Ir-Razzett tax-Xjaten, Mellieħa? Mingħand min ġiet sottomessa u meta? X'inhi r-raġuni għala din it-talba għadha pendenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi l-espressjoni ta’ interess għall-Cavallerizza, magħruf ukoll bhala r-Razzet tax-Xjaten, kienet f’forma ta’ talba għal kustodja tal-proprjetà mingħand Din l-Art Ħelwa li saret fit-13 ta’ Mejju, 2021.
Intant infurmat ukoll li s-Sovrintendenza ipproċessat din it-talba u għaddietha lill-Awtorità tal-Artijiet għall-ipproċessar min-naħa tal-istess Awtorità.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6061 dwar in-New Water fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija kollha u tgħid meta hu mistenni li x-xogħol kollu jiġi konkluż? Tista’ tieħu l-passi neċessarji biex tassigura li fejn diġà tqiegħdu l-pajpijiet, isir ix-xogħol u l-asfalt li baqa' qabel ma sseħħ xi traġedja fl-istess triq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet marbutin man-New Water fi Triq Għajn Tuffieħa jinsabu għaddejjin u mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ Marzu, fejn imbagħad Infrastructure Malta tkompli l-proġett bl-għoti tal-asfaltar. Il-korporazzjoni tkompli x-xogħol tan-New Water fl-inħawi tal-Imbordin bil-pjan li l-proġett komplut ikun magħluq sa Ġunju.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn skejjel speċjalizzati għal persuni b'diżabilità (Resource Centres)? Liema huma dawn l-iskejjel? Kemm jattendu tfal u żgħażagħ f'kull skola u x'inhi l-età tagħhom għal kull skola separatament?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt;
· San Miguel f’Pembroke fejn hemm 38 student ta’ bejn it-3 snin u l-10 snin,
· Guardian Angel il-Ħamrun fejn hemm 79 student ta’ bejn il-11 u l-15-il sena,
· Helen Keller il-Qrendi fejn hemm 30 student ta’ bejn il-11 u t-22 sena,
· Dun Manwel Attard il-Wardija fejn hemm 108 student ta' bejn is-16 u t-22 sena
· Sannat Special Unit fejn hemm 26 student ta' bejn it-3 snin u t-22 sena
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gvern għandux pjan li jiftaħ iktar skejjel speċjalizzati għal persuni b'diżabilità (Resource Centres)? Jekk iva, jista' jagħti informazzjoni dwar dan?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma l-Onor. Interpellant li għalissa m’hemmx ħsieb li jinfetħu aktar skejjel speċjalizzati għal persuni b'diżabilità.