Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentri S.T.E.A.M.

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċentri S.T.E.A.M. madwar Malta u Għawdex? Fejn jinsabu dawn iċ-ċentri? Kif titħaddem din is-sistema f'dawn iċ-ċentri? Kemm sar investiment f'dawn iċ-ċentri u kemm sar investiment f'kull ċentru?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Skejjel tal-Istat – Ħruġ ta’ inviti f’okkażjonijiet uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew xi entità oħra li taqa’ taħtu ħarġux xi direttiva/direttivi, jew ordnijiet biex fl-okkażjonijiet uffiċjali li jinżammu fl-iskejjel tal-Gvern ma jinħarġux inviti lill-kunsilliera lokali kif ukoll lill-Membri Parlamentari? Jekk iva, x'inhi r-raġuni għal tali direttiva? Meta ħarġet id-direttiva jew il-policy li tali inviti ma jinħarġux u minn meta kellha tibda tapplika?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Qasam tal-edukazzjoni u soċjali – għoti ta’ fondi mill-Aġenzija Komunità Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni u soċjali li ġew iffinanzjati mill-aġenzija Komunità Malta? F'liema lokalitajiet saru? Jista' jgħid jekk l-inizjattivi li ġew iffinanzjati kinux ġejjin mill-Gvern biss jew mill-privat ukoll? Jekk kien hemm inizjattivi mill-privat, liema seħħew permezz ta' dawn il-fondi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li skont id-dispożizzjonijiet tal-Ordni dwar it-twaqqif tal-Aġenzija Komunità Malta, mill-profitti tal-Aġenzija ġew iffinanzjati diversi proġetti edukattivi u soċjali mis-sena 2020 'l quddiem skont kif qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mmarkat DOK A. Ukoll persuni li jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija skont il-leġiżlazzjoni sussidjarja 188.06 Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza Maltija għal Servizzi Eċċezzjonali qabel jinħarġilhom iċ-ċertifikat ta’ċittadinanza huma obbligati li jagħtu donazzjoni ta’ mhux anqas minn total ta’ Eur10,000 lill-organizzazzjoni jew soċjetà mhux governattiva filantropika, kulturali, sportiva, xjentifika, tat-trattament xieraq tal-annimali jew artistika, li tkun irreġistrata, jew kif approvat mod ieħor mill-Aġenzija. L-organizzazzjonijiet li gawdew minn dawn l-għotjiet kienu dawk kif provduti fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mmarkat bħala DOK B.

Awtorità tal-Artijiet – ħruġ ta’ tenders għall-bejgħ ta’ proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender għall-bejgħ ta' proprjetà tal-Gvern ħarġet l-Awtorità tal-Artijiet f'San Pawl il-Baħar mill-2020 sal-ġurnata li qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari? Meta nħarġu dawn it-tenders għal tali proprjetà, f'kull każ separatament? F'kull każ kemm kien hemm tenders li nxteħtu, kemm kien il-valur stmat mill-Awtorità u kemm kien il-valur li bih inbiegħet il-proprjetà li għaliha nħarġet it-tender, separatament għal kull każ? Kemm fadal proprjetajiet li għalihom it-tender għadha ma ġietx iffinalizzata ġewwa l-lokalità ta' San Pawl il-Baħar?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

BCA – ħruġ ta’ penali fuq siti ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il penali għal nuqqasijiet fuq siti ta' kostruzzjoni ħarġet l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) matul din is-sena? X'kienu r-raġunijiet li għalihom inħarġu dawn il-penali u kemm-il penali nħarġet għal kull raġuni?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ħarġet 250 penali għal nuqqasijiet fuq siti ta' kostruzzjoni matul din is-sena. Qiegħed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra, bir-raġunijiet li għalihom inħarġu dawn il-penali u n-numru tal-penali maħruġa għal kull raġuni.

Djar tal-anzjani — servizz ta' tobba stand by

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-djar tal-anzjani, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-privat, hux kollha għandhom servizz ta' tobba stand by (general practitioners)? Fil-każi fejn dan is servizz mhux ipprovdut, x'sistema tintuża u min iħallas jekk ikun hemm il-ħtieġa ta' tabib?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-djar tal-anzjani tal-Gvern għandhom tobba li jattendu fuq bażi regolari. Il-kuntratti ġodda u dawk li qegħdin jiġu mġedda ma’ djar tal-anzjani privati fejn hemm is-sodod mixtrija, jirrikjedu li jkun hemm servizz ta’ tabib il-ġimgħa kollha bejn it-tmienja ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ filgħaxija. Id-djar li għadhom mhumiex koperti b’dan is-servizz, ir-resident jista’ jitlob għal tabib miċ-ċentru tas-saħħa li huwa bla ħlas jew jitlob għat-tabib privat tiegħu fejn iħallas ir-resident stess tas-servizz.

Anzjani li joqogħdu fid-Djar tal-Anzjani privati — ħlas ta' servizzi u/jew oġġetti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema servizzi jew oġġetti huma obbligati li jħallsu għalihom l-anzjani meta jkunu qed joqogħdu fi djar tal-anzjani privati, u dan minkejja li meta jkunu hemm rikoverati titteħdilhom parti sostanzjali mill-pensjoni tagħhom?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull anzjan/a li j/tiġi ammess/a ġewwa dar tal-anzjani tal-Gvern jew f’Dar fejn hemm sodod mixtrija mill-Gvern fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, jiġi mogħti fuljett fejn hemm jinforma ruħu bid-drittijiet li wieħed igawdi minnhom. Dan il-fuljett qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Home Help – servizzi mogħtija f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li qed jingħataw is-servizz tal-Home Help f'Malta u f’Għawdex? Kif inhuma mqassmin dawn is-servizzi, lokalità b'lokalità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ħlas lil persuni li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jingħataw ħlas talli jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħhom, fid-djar tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawk li qed jingħataw din l-għajnuna għandhom ’il fuq minn 60 sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Għajnuna mill-Gvern lil tfal ta’ taħt is-16-il sena bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' tfal u żgħażagħ li għandhom taħt is-16-il sena li huma intitolati għal għajnuna mill-Gvern minħabba li għandhom bżonnijiet speċjali? Xi skemi ta' għajnuna partikulari hemm f'ċirkostanzi bħal dawn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

INDIS Malta Ltd. — artijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-artijiet amministrati jew ikkontrollati minn INDIS Malta Ltd.? Kif jgħaddu f'idejn l-INDIS dawn l-artijiet li huma amministrati jew ikkontrollati minn INDIS Malta Ltd.? X'tip ta' kollaborazzjoni jew ftehim hemm bejn l-Awtorità tal-Artijiet u INDIS Malta Ltd.?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li INDIS Malta tamministra diversi siti fl-estates elenkati. Dan kollu ta' hawn taħt ġie mgħoddi lill-INDIS permezz ta' Avviż Legali mill-Awtorità tal-Artijiet jew permezz ta' att ta' trasferiment ta' drittijiet u obbligi. · Attard Industrial Estate, · Bulebel Industrial Estate, · Central Business District (Mrieħel), · Hal Far Industrial Estate, · Kirkop industrial Estate, · Kordin Industrial Estate, · Luqa Industrial Estate, · Marsa Industrial Estate, · Mosta Technopark, · Mosta Industrial Estate, · Safi Aviation Park, · San Gwann Industrial Estate, · Ta’ Dbiegi Artisan Village, · Ta’ Qali Artisan Village, · Xewkija Industrial Estate. · Mellieħa Tat-Tomna · Gozo General Hospital · St Lukes Hospital Gwardamangia Dawn ta’ hawn taħt ġew trasferiti lil INDIS permezz ta’ diversi atti enfitewtiċi u ftehimiet ta’ kiri. · Ex-Air Malta Terminal · Ex-Air Malta Head Office · Luqa Aviation Park · Park 4

ENIL – riforma tal-Assistenti Personali

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet ir-riforma tal-Assistenti Personali skont il-linji gwida tal-European Network for Independent Living (ENIL)?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie mwaqqaf grupp ta’ ħidma li ltaqa’ bejn Novembru u Diċembru tal-2022 u li mexa abbażi tat-Termini ta’ Referenza tiegħu u ħoloq Pjan ta’ Azzjoni li ġie preżentat lill-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jittratta r-riforma tal-Assistenza Personali u t-twaqqif tal-Personal Budgets għall-persuni b’diżabilità, bl-iskop li jiġu msaħħa l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità f’Malta. Bejn Jannar u April tat-2023 saru tliet laqgħat immexxija mill-Aġenzija Sapport ma’ rappreżentanti tal-European Network on Independent Living (ENIL), flimkien ukoll mad-Directorate for Disability Issues (DDI), mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), u mal-Malta Federation of Organisations Persons with Disability (MFOPD). Ġew diskussi l-pjanijiet għal din ir-riforma, il-Pjan ta’ Azzjoni u l-esperjenzi tar-rappreżentanti tal-ENIL mill-pajjiżi rispettivi tagħhom dwar l-Assistenza Personali. Minbarra hekk, jien, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport u l-MFOPD iltqajna mal-ENIL f’Marzu tal-2023 sabiex niddiskutu l-Assistenza Personali u l-pjanijiet relatati. L-Aġenzija Sapport ukoll ingħatat rispons dwar il-Pjan tal-Azzjoni mid-DDI. Il-passi li jmiss jinkludu r-reviżjoni tal-Pjan tal-Azzjoni minn Aġenzija Sapport sabiex dan jiġi finalizzat u eventwalment ippreżentat għall-konsultazzjoni pubblika. L-Aġenzija Sapport qed tikkollabora mad-DDI sabiex tiġi proposta leġiżlazzjoni dwar id-dritt tal-persuni b’diżabilità għall-Assistenza Personali għall-iskop tal-għajxien indipendenti. Il-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni parzjalment jiddependi fuq ir-riżorsi, il-ħidma u l-kollaborazzjoni ta’ numru ta’ entitajiet. Filwaqt li l-ippjanar ta’ din ir-riforma qed isir matul din is-sena, 2023, il-Pjan tal-Azzjoni jista’ jiġi rivedut abbażi ta’ kwalunkwe evidenza ġdida, pariri esperti, tibdil f’entitajiet, eċċ. li jistgħu jaffettwaw u/jew isaħħu r-riforma, li ser tieħu numru ta’ snin sabiex tinħadem u titwettaq. Is-suċċess ta’ din ir-riforma wkoll huwa parzjalment dipendenti fuq il-perspettivi tas-soċjetà Maltija fir-rigward tal-għajxien indipendenti u fil-komunità tal-persuni b’diżabilità. Wara li jgħaddi dan il-proċess se nkunu qed naraw li nilleġiżlaw dan kollu f’liġi.

Skema tal-Proġetti tal-Organizzazzjonijiet Volontarji (VOPS) u l-iSmall Initiative Support Scheme (SIS)

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma s-87 proġett ġdid fil-komunità li se jkunu qegħdin jitwettqu bħala parti mill-Iskema tal-Proġetti tal-Organizzazzjonijiet Volontarji (VOPS) u l-iSmall Initiative Support Scheme (SIS), hekk kif ġie mħabbar iktar kmieni din is-sena mill-istess Ministeru? Min applika għal kull proġett? Kemm hi l-ispiża stmata u kemm se tkun l-allokazzjoni li se tingħata għal kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riżultati huma pubbliċi fuq il-VO Funding Portal u jinstabu mniżżla fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija Sapport — Residenzi u ċentri ta’ matul il-jum – istallazzjoni ta’ cameras tas-sigurtà

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema residenzi u Ċentri ta' Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport se jiġu installati l-100 camera tas-sigurtà hekk kif ġie mħabbar f'Marzu, 2023? Kemm se jkun l-investiment finanzjarju f'kull wieħed minn dawn ir-residenzi/Ċentri ta' Matul il-Jum?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-ġimgħat li għaddew beda xogħol ta’ installazzjoni ta’ 103 kamera tas-sigurtà f’diversi binjiet tal-Aġenzija Sapport. Dan sabiex titkompla tissaħħaħ is-sigurtà lill-ħaddiema u klijenti tal-Aġenzija b’żieda f’kameras tas-sigurtà. L-investiment finanzjarju ta’ dan l-eżerċizzju hu mqassam kif ġej: Ċentru ta’ matul il-jum Numru ta’ kameras Spiża Gwardjola 3 €1,500.00 Raħal Ġdid 3 €1,500.00 Birgu 2 €1,000.00 Għajnsielem 4 €2,200.00 Swatar 4 €2,800.00 Baħar iċ-Ċagħaq 5 €3,500.00 Mtarfa Resource 5 €2,500.00 Ħal Far 14 €8,000.00 Imtarfa 16 €8,500.00 Residenza Numru ta’ kameras Spiża Birżebbuġa 3 €2,000.00 Mtarfa - Villino Maria 6 €3,600.00 Dar il- Fjuri 8 €3,200.00 Bormla - Dar Andrew 7 €2,500.00 Fgura 3 €2,150.00 Kirkop 3 €2,150.00 Marsa 3 €2,150.00 Pembroke 3 €2,150.00 Siġġiewi 3 €2,150.00 Żabbar 8 €3,500.00

Ċirkewwa – main ġdid ta’ trasferiment tal-ilma bejn l-Impjant tar-Reverse Osmosis u l-ġibjun ta’ Ta’ Qali

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' main ġdid ta’ trasferiment tal-ilma bejn l-impjant tar-Reverse Osmosis fiċ-Ċirkewwa u l-ġibjuni ta’ Ta’ Qali b’investiment ta’ €11 miljun, liema proġett ġie mħabbar fil-Baġit għal din is-sena? Tista' tagħti iktar informazzjoni dwar dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-proġett huwa maħsub biex isaħħaħ il-kapaċità ta’ trasferiment tal-ilma għax-xorb bejn l-impjant tar-Reverse Osmosis fiċ-Ċirkewwa u l-ġibjuni ta’ Ta’ Qali, li għandu jwassal għal titjib fil-kwalità tal-ilma u għal operat iktar effiċjenti. Il-proġett huwa ppjanat f’erba’ fażijiet u dawn jinsabu fi stadji varji ta’ implimentazzjoni. Filwaqt li qegħdin jiġu evalwati s-sejħiet għall-offerti ta’ tnejn mill-fażijiet, is-sejħiet l-oħra mistennija jiġu ppubblikati aktar tard din is-sena.

In-Naxxar/Salini – proġett ta’ main ta’ ilma

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' main li jwassal l-ilma min-Naxxar sas-Salini bi spiża ta’ €3.5 miljun, liema proġett ġie mħabbar fil-Baġit għal din is-sena? Tista' tagħti iktar informazzjoni dwar dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Dan il-proġett jikkonsisti fi tqegħid ta’ mejn ġdid, bejn il-ġibjun tan-Naxxar u r-roundabout tas-Salini, biex tissaħħaħ il-provvista tal-ilma fl-inħawi ta’ Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar. Infurmata li s’issa tlesta t-tqegħid ta’ 1.4 kilometri ta’ pajpijiet kbar tal-ilma (mejnijiet), li jammontaw għal madwar għoxrin fil-mija (20%) tal-medda totali li hemm bżonn għal dan il-proġett.

Awtorità tal-Artijiet – bejgħ ta’ proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm tenders għal bejgħ ta’ proprjetà mill-Awtorità tal-Artijiet fil-lokalitajiet tat-12-il Distrett Elettorali mill-2020 sal-lum? Liema kienet il-proprjetà f’kull tender? Liema minn dawn it-tenders ġew konklużi u liema għadhom pendenti? Fejn it-tenders ġew konklużi, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur stmat mill-Awtorità, f’kull każ separatament u kemm kien il-valur tal-offerta li ġiet aċċettata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta ser tiġi provduta f’seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Dawret in-Nawfraġju - bozza li mhux tixgħel

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1417 u 7379 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, b'mod partikolari b'referenza għal bozza li ma kinitx tixgħel, tista' l-Ministru tassigura li din il-bozza qiegħda taħdem kif suppost, hekk kif kienet mitfija, tranġat matul Marzu 2023 iżda sad-data li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari reġgħet tinsab mitfija kif ġie infurmat ukoll il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-bozza li qed tirriferi għaliha hija waħda mil-lampi li hemm installati b’mod irregolari mal-faċċati tal-boathouses li hemm f’Dawret in-Nawfraġju. L-Enemalta kellha rapport mill-Kunsill Lokali dwar xi lampi mitfijin f’din iż-żona. Saret spezzjoni mit-tekniċi tal-Enemalta u sabu ħsara f’circuit li jixgħel erba’ lampi li kienu mitfijin. Waqt li saret it-tiswija tas-circuit, il-Kunsill Lokali ntalab biex jirregolarizza l-lampi li saru b’mod irregolari u għaldaqstant ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Enemalta.

San Pawl il-Baħar — Dawret in-Nawfraġju - bozza li mhux tixgħel

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1418 u 7380 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, b'mod partikolari b'referenza għal bozza li ma kinitx tixgħel, jista' l-Ministru jassigura li din il-bozza qiegħda taħdem kif suppost, hekk kif kienet mitfija, tranġat matul Marzu 2023 iżda sad-data li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari reġgħet tinsab mitfija kif ġie infurmat ukoll il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi, filwaqt li l-bozza li kienet issewwiet (L386/55), irriżulta wara spezzjoni mill-kuntrattur tal-Kunsill illi hemm cable kollu ġonot u żewġ lampi oħra mitfija maġenb L386/55 li qed jaqtgħu lill-istess lampa LED. Intant infurmat ukoll li meta sar rapport lil-Enemalta, irriżulta li l-bozoz l-oħra mhumiex reġistrati mal-Enemalta. B’hekk, infurmat li l-Kunsill Lokali beda proċess biex dawn jiġu reġistrati.

San Pawl il-Baħar — Triq Ruggero Loria (il-parti li tgħaqqad ma' Triq it-Tamar) - asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser tkun qiegħda tinbena (inkluż il-wiċċ bl-asfalt) Triq Ruggero Loria, preċiżament il-parti fejn tgħaqqad ma' Triq it-Tamar, Qawra, San Pawl il-Baħar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Triq Ruggero Loria, San Pawl il-Baħar, hu previst li jibda fil-ġimgħat li ġejjin.