B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8534 dwar il-kontroll tal-bagħal taż-żunżan, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-iskema ta' għajnuna msemmija fl-istess tweġiba lin-naħħala sabiex jingħataw kumpens għat-telf ta' produzzjoni marbuta mal-ħsara kkawżata mill-bagħal taż-żunżan, kif ukoll biex isservi ta’ stimulu sabiex in-naħħala jinvestu f’nases fil-perjodu tar-rebbiegħa, biex b’hekk jinqabdu l-irġejjen? Attwalment fiex wasal dan il-proċess ta' għajnuna?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, fl-1 ta’ Frar ta’ din is-sena, nieda skema ta’ għajnuna għan-naħħala li kienu reġistrati mad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja sal-aħħar tas-sena 2022.
L-allokazzjoni totali taħt din l-iskema hija ta’ €60,240 u l-ammont t’għajnuna mogħtija ġie kkalkulat fuq madwar 6,000 kolonja li kienu reġistrati mad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja sal-aħħar tas-sena 2022, b’kumpens ta’ €10 għal kull kolonja. Il-pagamenti dovuti se jiġu mħallsa matul Ġunju lil total ta’ 165 naħħal eliġibbli.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8534 dwar il-kontroll tal-bagħal taż-żunżan, jista' l-Ministru jispeċifika n-numru sostanzjali ta' rġejjen li qabdu n-naħħala, maqsuma lokalità lokalità?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ċentri ta' matul il-jum f'Malta u f'Għawdex? Kemm minn dawn iċ-ċentri qed jitmexxew b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali? Liema huma ċ-ċentri mħaddma b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali? F'kull każ, kemm hemm persuni jattendu dawn iċ-ċentri?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Malta għandna 27 Ċentru għall-Anzjanità Attiva, 4 minnhom jitmexxew mill-Kunsill Lokali; dawn huma s-Swieqi, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Għargħur u Raħal Ġdid. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandhiex ċentri ta' matul il-jum f'Għawdex.
Iċ-ċentri hawn taħt imsemmija jiġu mħaddma b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali:
Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, l-Imġarr (Malta), Ħad-Dingli, is-Siġġiewi, in-Naxxar, Tas-Sliema, Sta Venera, Birkirkara, l-Imsida, Ħal Qormi, Sta Luċija, Pembroke, Ħal Kirkop, Ħal Safi, Birżebbuġa u Ħal Luqa.
In-numru ta’ membri fiċ-ċentri għall-Anzjanità Attiva qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8626 dwar bejgħ ta' proprjetà mill-Awtorità tal-Artijiet, jista' l-Ministru, għal kull każ, jinforma lill-Kamra bin-numru/referenza tat-tender kif ukoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan għal kull każ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li għaliha l-operaturi ta' bars u ristoranti li għamlu ftehim mal-operatur tal-BCRS għall-ġbir tal-kontenituri, qegħdin jintalbu jerġgħu jħallsu 'l-annual fee' tagħhom, u dan meta għadhom għaddew biss ftit xhur minn meta l-istess sistema bdiet taħdem?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fl-iskema, l-operaturi tal-istabbilimenti tal-catering għandhom l-obbligu li jġeddu l-parteċipazzjoni tagħhom darba fis-sena. Minħabba li l-ewwel reġistrazzjoni kellha ssir qabel l-14 ta’ Novembru 2022, hemm diġà numru ta’ stabbilimenti li r-reġistrazzjoni tagħhom waslet biex tiġġedded. Dwar dawn saru diskussjonijiet u ntlaħaq qbil sabiex BCRS Malta Ltd. toħroġ credit notes pro-rata li jkopru l-perjodu bejn id-data tal-ewwel reġistrazzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-iskema, sabiex jagħmel tajjeb għall-ħlas preċedenti li kien sar.
Buġibba – shelter bħala lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8500, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu, u jieħu l-passi neċessarji biex ix-shelter maħsub bħala lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel qrib il-Pjazza ta’ Buġibba jiġi rranġat u miżbugħ qabel ma ssirlu iktar ħsara?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi d-domanda tagħha lill-Ministeru kkonċernat.
WSC – xogħlijiet mir-roundabout tas-Salini lejn in-Naxxar
Question
B'referenza għax-xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li għaddejjin bħalissa mir-roundabout tas-Salini, Naxxar, lejn in-Naxxar, tista' l-Ministru tikkonsidra li tinfetaħ għat-traffiku karreġġjata waħda sakemm ix-xogħlijiet li jkunu qegħdin isiru jippermettu dan u dan sabiex possibbilment titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku li qiegħed ikun hemm fiż-żona speċjalment fil-ħinijiet ta' filgħodu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-arranġament suġġerit minnha kien ġie kkunsidrat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma imma rriżulta li ma setax jiġi attwat, primarjament minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Dan ġie stabbilit fi studji li l-Korporazzjoni għamlet flimkien m’entitajiet oħra responsabbli mill-immaniġġjar tat-traffiku kif ukoll bl-użu ta’ trial pits qabel ma nbdew ix-xogħlijiet fuq is-sit.
It-trinka li hija fonda 1.2 metri tinsab kważi f’nofs it-triq u minħabba li hemm servizzi oħrajn għaddejjin taħt il-wiċċ tat-triq il-pożizzjoni tat-trinka mhijiex dejjem fid-dritt. Barra minn hekk, il-parti tat-triq li mhix imħaffra qiegħda tintuża mill-inġenji u l-makkinarju sabiex isir xogħol ta’ tħaffir, ġarr, kif ukoll jitniżżlu l-pajpijiet u jingħata l-konkos fuq il-partijiet li jkunu lesti. Il-Korporazzjoni qiegħda taħdem id f’id mal-kuntrattur sabiex ir-rata tax-xogħol tkun massimizzata. Dan jixhdu l-fatt li s’issa diġà tqiegħdu aktar minn 800 metru ta’ mejnijiet tal-ilma ġodda f’din it-triq.
Il-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħmel dan il-proġett b’investiment ta’ €3.5 miljun biex ittejjeb sostanzjalment in-netwerk ewlieni tad-distribuzzjoni tal-ilma għax-xorb li jforni eluf ta’ klijenti f’lokalitajiet differenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Dan il-proġett huwa meħtieġ biex jissodisfa t-talbiet attwali u futuri tal-ekonomija u l-popolazzjoni li qed tikber ta' dan ir-reġjun, u biex jindirizza t-tħassib dwar pressjoni baxxa tal-ilma.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6369 dwar xogħol marbut man-new water fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, fejn intqal li x-xogħlijiet relatati mal-proġett fi Triq Għajn Tuffieħa kienu mistennija jitlestew sal-aħħar ta' Marzu, tista' l-Ministru tgħid fiex waslu dawn ix-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba li tajt lill-Onor. Interpellanta għall-mistoqsija parlamentari 8377, ninsab infurmata li t-tqegħid tal-mejnijiet relatati mal-ewwel fażi huwa lest. Għalkemm il-pjan oriġinali kien li wara li jsiru l-mejnijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kellu jingħata l-asfalt lill-wiċċ tat-triq b’mod komplut minn entità oħra, dan ix-xogħol ġie pospost għal iktar tard matul din is-sena. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni ddeċidiet li fil-jiem li ġejjin jingħata l-asfalt fuq il-wiċċ tat-trinka li saret.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6369 dwar xogħol marbut man-new water fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, fejn intqal li l-proġett fi Triq Għajn Tuffieħa kellu jitlesta sal-aħħar ta' Marzu, u peress li dan għadu mhux lest u s-sitwazzjoni preżenti f’din it-triq hija ta’ periklu kbir minħabba li għad hemm partijiet miksijin bil-konkos u minħabba fihom sewwieqa qed ikollhom imorru n-naħa l-oħra tat-triq, tista’ l-Ministru tieħu l-azzjoni neċessarja sabiex il-periklu kontinwu li sseħħ xi treġedja f’din it-triq jitneħħa?
B'referenza għall-arblu li jidher fir-ritratt li qed jintbagħat separatament u li jinsab fi Triq il-Konz, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tara x’inhi l-possibilità li dan l-arblu jitneħħa u li s-servizzi, inkluż tad-dawl, li qegħdin jgħaddu permezz ta' dan l-arblu jsiru taħt it-triq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li l-arblu li jidher fir-ritratt qed jipprovdi l-provvista tad-dawl lil numru ta’ residenti fi Triq il-Konz. Biex isir dak li qed tipproponi l-Onor. Interpellanta, l-Enemalta jkollha tidħol fi proprjetà privata biex twaħħal il-brackets u l-wires mal-faċċati tad-djar.
Kif isir f’kull każ simili, l-Enemalta tkun lesta tgħaddi l-cables u l-linji f’culvert taħt l-art jekk dan jiġi provdut mill-proprjetarji tul il-medda tat-triq u anke fil-parapetti tagħhom. Anke jekk isir hekk, teknikament xorta jkun jinħtieġ li jkun hemm feeder pillar (kaxxa tad-dawl) għat-terminazzjoni tal-cables u tkun trid tinstab soluzzjoni kif il-cables għall-meters tad-dawl jidħlu fid-djar tan-nies minn taħt l-art.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8670 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3452, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li ġie approvat imsemmi fit-tweġiba għal din il-mistoqsija fuq il-Palazz ta' Selmun, Mellieħa, u allura applikazzjonijiet PA4631/93, DS00130/18 u DS00246/20, twettaqx, u dan għal kull applikazzjoni?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm għaqdiet volontarji ma baqgħux reġistrati bħala tali bejn l-1 ta' Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema kienu dawn l-għaqdiet? F'liema setturi kienu reġistrati dawn l-għaqdiet, skont l-oqsma li jaħdmu fihom? X'kienet ir-raġuni għala ma baqgħux reġistrati?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Għaqdiet Volontarji – skemi ta’ għajnuna mill-Gvern
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern jipprovdix xi għajnuna speċifika biex l-għaqdiet volontarji jkunu jistgħu japplikaw għal skemi ta' għajnuna li joħroġ l-istess Gvern, u dan fid-dawl tal-fatt li numru ta' għaqdiet volontarji m’għandhomx persuni mħarrġa biex jimlew uħud mill-formoli li jkollhom bżonn jimtlew għal dawn l-istess għajnuniet? Jekk iva, kif jistgħu jagħmlu użu minn din l-għajnuna dawn l-istess għaqdiet?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat jipprovdi għajnuna speċifika, kemm fuq livell ta’ ‘one-to-one’ kif ukoll permezz ta’ laqgħat ta’ informazzjoni kull darba li tiftaħ xi skema amministrata minnu. Ma’ dawn isiru wkoll laqgħat ta’ informazzjoni b’kollaborazzjoni mal-entitajiet diversi li joffru skemi lill-istess settur.
Għaldaqstant huwa ppjanat li, matul din is-sena, ser inkunu qed niftħu aktar uffiċini li jservu ta’ ‘one stop shop’, f’aktar lokalitajiet biex inkomplu niffaċilitaw aktar servizzi offruti lil dawn l-għaqdiet volontarji. Dawn is-servizzi huma miftuħa għall-għaqdiet kollha.
Għajnuna mill-Gvern lil tfal taħt is-16-il sena bi bżonnijiet speċjali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8232 u 8477 u jgħid kemm hu n-numru ta' tfal u żgħażagħ li għandhom taħt is-16-il sena li huma intitolati għal għajnuna mill-Gvern minħabba li għandhom bżonnijiet speċjali? Xi skemi ta' għajnuna partikulari hemm f'ċirkostanzi bħal dawn?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ tfal taħt is-16-il sena li fis-16 ta’ Marzu 2023 irċevew l-Allowance għal Tfal b’Diżabilità mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kien ta’ 2,155.
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għal informazzjoni dwar ghajnuniet u servizzi addizzjonali għal dawn il-persuni għandha tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8248 u 8511 u jgħid kemm hawn ċentri S.T.E.A.M. madwar Malta u Għawdex? Fejn jinsabu dawn iċ-ċentri? Kif titħaddem din is-sistema f'dawn iċ-ċentri? Kemm sar investiment f'dawn iċ-ċentri u kemm sar investiment f'kull ċentru?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Buġibba – shelter bħala lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8500, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu, u jieħu l-passi neċessarji biex ix-shelter maħsub bħala lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel qrib il-Pjazza ta’ Buġibba jiġi rranġat u miżbugħ qabel ma ssirlu iktar ħsara?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Buġibba – shelter bħala lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8500, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu, u jieħu l-passi neċessarji biex ix-shelter maħsub bħala lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel qrib il-Pjazza ta’ Buġibba jiġi rranġat u miżbugħ qabel ma ssirlu iktar ħsara?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8716 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid liema studji dwar il-wind farms ġewwa Malta saru f’isem il-Gvern ta’ Malta, jew mill-Gvern ta’ Malta, matul is-snin? Meta saru dawn l-istudji? X’kienu r-riżultati ta' dawn l-istudji? Tista’ tqiegħed kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ikkummissjonatx rapporti dwar ‘land reclamation’? Jekk ma kkummissjonatx tali studji, tista’ tgħid jekk l-ERA ddiskutietx rapporti dwar dan is-suġġett li ġew ikkummissjonati minn entitajiet oħra? Jekk iva, liema kienu tali rapporti? Jekk le, meta hu mistenni li l-ERA tikkummissjona rapporti bħal dawn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 12729 u 12730 tat-XIII-il leġiżlatura, u 8212 ta’ din il-leġiżlatura. Fil-frattemp, fir-rigward ta’ kwalunkwe żviluppi fuq is-suġġett imsemmi, għandha tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Home Help – persuni li qed jingħataw dan is-servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li qed jingħataw is-servizz tal-Home Help f'Malta u f’Għawdex? Kif inhuma mqassmin dawn is-servizzi, lokalità lokalità?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 6,164 persuna li qed jingħataw is-servizz tal-Għajnuna fid-Dar f’Malta. F’Għawdex dan is-servizz jingħata mill-Ministeru ta’ Għawdex. Għal-lokalitajiet u kif is-servizz hu mqassam nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.