Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar – Triq it-Trunċiera – talba għal zebra crossing jew pelican lights

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9183, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-talba għal żewġ zebra crossings ġodda fi Triq it-Trunċiera hekk kif imsemmija fl-istess tweġiba? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll kopja tas-site plan ta' fejn intalbu l-istess crossings?

Response (BONNICI, OWEN)

Tlabt lid-Divizjoni ghall-Gvern Lokali sabiex tingabar l-informazzjoni mitluba.

Animal Welfare – annimali li ttieħdu mingħand sidhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' klieb, qtates u annimali oħrajn (f'dak il-każ jispeċifika x'annimali kienu) li ttieħdu mingħand sidhom mill-Animal Welfare minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn l-annimali ngħataw lura lil sidhom u x'kienet ir-raġuni li ngħataw lura?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Kontroll fuq in-naħal li jinġieb Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir xi kontroll partikolari biex jiġi assigurat li jkun hemm kontroll fuq in-naħal li jinġieb Malta minn pajjiżi oħrajn? Kif jiġi ċċertifikat in-naħal li jinġieb Malta minn pajjiżi oħrajn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jwettaq spezzjonijiet u kontrolli fuq il-kunsinni kollha li jkun mgħarraf bihom ta’ annimali li jipproduċu l-ikel li jidħlu f’Malta. In-naħal li jinġieb Malta jrid ikun akkumpanjat minn ċertifikati sanitarji maħruġa mill-awtoritajiet veterinarji tal-pajjiż tal-oriġini, kemm f’każ li l-moviment ikun minn pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll f’każ ta’ importazzjoni minn pajjiżi terzi.

San Pawl il-Baħar – Triq ix-Xagħra tal-Bandieri – tqegħid ta’ main ġdid tad-drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5184 dwar tqegħid ta' main ġdid tad-drenaġġ fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tgħid xi żviluppi kien hemm dwar dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li wara li Infrastructure Malta lestiet ix-xogħlijiet biex ġiet stabilizzata t-triq indikata, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ingaġġat il-kuntrattur li ser jagħmel ix-xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jinbdew fil-ġimgħat li ġejjin, hekk kif jinħarġu l-approvazzjonijiet meħtieġa mill-Awtorità responsabbli.

One-stop-shop għall-Għaqdiet Volontarji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 8698, tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk l-uffiċini li preżentement qegħdin iservu ta' one-stop-shop sabiex jiffaċilitaw is-servizzi offruti lill-għaqdiet volontarji? Fejn jinsabu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 8698, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini li preżentement qegħdin iservu ta' one-stop-shop sabiex jiffaċilitaw is-servizzi offruti lill-għaqdiet volontarji huma dak tal-Belt Valletta u dak ġewwa x-Xewkija Għawdex.

Inkjesti dwar ħsarat jew imwiet fuq is-siti ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' inkjesti li għaddejjin bħalissa fil-Qrati Maltin għal dak li jirrigwarda ħsarat jew imwiet fuq is-siti ta’ kostruzzjoni? F’liema siti ta’ kostruzzjoni għadhom għaddejjin dawn l-inkjesti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat illi bħalissa hemm tletin (30) inkjesta pendenti li jirrigwardaw ħsarat jew imwiet fuq is-siti ta’ kostruzzjoni, fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, l-esponenti ai termini tal-Artikolu 518 ma jistax jagħti informazzjoni dwar liema huma s-siti ta’ kostruzzjoni involuti f’tali inkejsti.

Kunsilli Lokali – ħruġ ta’ permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma r-regoli li jiġu applikati mill-kunsilli lokali meta jiġu biex jagħtu permessi biex jitpoġġa xi krejn jew tagħmir ieħor fit-toroq, meta tkun ser tingħalaq xi triq, jew f'ċirkostanzi oħra simili li fihom residenti jkollhom bżonn jużaw parti mit-triq għal xi ħaġa personali? Jista’ jgħid jekk il-ħlasijiet mitluba humiex l-istess għal kull lokalità f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid ukoll jekk permess jistax jinħareġ għal inqas minn 48 siegħa wara li jintalab? Jekk iva, hemm ħlas addizzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Divizjoni ghall-Gvern Lokali li l-Kunsilli Lokali jimxu mar-Regolament 8 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 441.04 - Regolamenti dwar attivitajiet li jeħtieġu permess mill-Kunsill Lokali sabiex joħorġu permessi għal depożitu jew użu ta’ krejn jew makkinarju ieħor. Infurmat ukoll li l-ħlasijiet applikabbli jinsabu taħt Skeda B tal-istess Regolamenti. Permess jista’ jinħareġ mill-Kunsill Lokali anke jekk l-applikazzjoni tasal għand il-Kunsill Lokali f’inqas minn tmienja u erbgħin(48) siegħa qabel l-attività u kontra l-ħlas addizzjonali tad-drittijiet stabbiliti fl-Iskeda B.

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – talba għal zebra crossing jew pelican lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar ikkunsidrax talba biex issir zebra crossing jew pelican lights jew xi forma ta' mezz ieħor sabiex persuni jkunu jistgħu jaqsmu t-triq b'mod sigur fi Triq San Pawl, viċin il-kappella tal-Madonna tal-Karmnu? Jekk iva, meta kkunsidra dan u x'deċiżjoni ttieħdet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-istess Kunsill ħa nota tas-suġġeriment li daħal ftit ġimgħat ilu. Infurmat ukoll li l-Kunsill rispettiv fil-prinċipju huwa favur dan is-suġġeriment u għaldaqstant se ssir evalwazzjoni.

Selmun Palace Hotel – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’xogħol twettaq fuq is-Selmun Palace Hotel? Min wettqu? Dan ix-xogħol kien kopert b'permess tal-Awtorità tal-Ippjanar? Jekk iva, liema hu l-permess għal kull xogħol li twettaq?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi saru xogħlijiet żgħar ta’ manutenzjoni fuq is-Selmun Palace Hotel. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant illi hu ppjanat li tinħareġ tender għal manutenzjoni estensiva tal-post u li sabiex dan ix-xogħol ikun jista’ jsir inħareġ il-permess PA/03420/22.

Awtorità tal-Ippjanar – revokar tal-permess DN/00648/22

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-permess maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar bir-referenza DN/00648/22 ġie revokat?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-permess DN 648/22 ġie rrevokat skont l-artikolu 80 tal-Kapitolu 552 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Xogħol b’rabta man-new water

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema mix-xogħol, li kien approvat permezz tal-permess PA5334/17, marbut man-new water, għadu mhux iffinalizzat? Meta hu mistenni li jitlesta dan ix-xogħol li baqa'? Meta hu mistenni li l-bdiewa ser ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-ilma li se jitwassal f'dawn l-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet b’rabta mal-proġett tan-New Water li huma mniżżla fil-permess indikat u li għadhom preżentement għaddejjin jinkludu tħaffir ta’ trinek kif ukoll tqegħid ta’ katusi, u finalment it-tqegħid tad-dispensers tan-New Water. Infurmata li x-xogħlijiet fl-akkwata ta’ Popeye Village mistennija jiġu konklużi f’Ġunju, filwaqt li dawk fl-akkwati tal-Miżieb u Għajn Tuffieħa/Manikata huma proġettati li jitlestew fl-aħħar tas-sena 2023, minħabba li hemm l-obbligu li jitwaqqfu matul ix-xhur meqjusin bħala l-istaġun turistiku. Il-bqija tax-xogħlijiet imniżżla fil-permess huma kollha finalizzati.

Project Green – proposti magħżula

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema kienu t-talbiet li ġew sottomessi għal investiment minn Project Green? Issa li ġie magħruf li numru minn dawn il-proposti ser isiru matul iż-żmien li ġej, tista' tagħti informazzjoni dwar it-talbiet l-oħra li għalissa ma ġewx magħżula? F'kull każ, min issottometta t-talba?

Response (DALLI, MIRIAM)

Is-16-il proġett li ntgħażlu fl-ewwel sejħa tal-Community Greening Grant ser joħolqu spazji miftuħa mill-isbaħ. Minn proġetti kbar, bħat-trasformazzjoni tal-inħawi Taż-Żebbuġ f’Ħal Għaxaq f’park ġdid kbir daqs 3 grawnds tal-futbol, b’żona għall-kampeġġ. Għal proġetti iżgħar, bħar-riabilitazzjoni tal-playing field tal-Pietà, li issa se jkollha żona għall-qari u spazju għal wirjiet artistiċi fil-beraħ. Għandna proġetti li se jagħtu ħajja ġdida lil ġonna eżistenti, bħal Ġnien Reggie Cilia fil-Mosta li se jkun ikbar, u jkollu iżjed siġar milli fih illum. Il-proġett ta’ Ġnien Mediterran f’Raħal Ġdid se jinkludi żona għall-istudenti tal-MCAST viċin, filwaqt li l-proġett li se tagħmel l-Iskola De La Salle se jibdel ġnien ma jintużax fi spazju t’edukazzjoni ambjentali. Fost il-proġetti hemm ukoll diversi proposti innovattivi, bħall-Ġnien Malti li l-għaqda Grow 10 Trees ser tagħmel f’Birkirkara. Dan il-ġnien se jkun ukoll hub fejn il-volontiera ta’ din l-għaqda jkattru iż-żrieragħ u x-xitel ta’ pjanti u siġar Maltin. L-ispazju miftuħ li se jagħmel il-Kunsill Lokali t’Għajnsielem se jkollu faċilitajiet għal tfal neqsin mid-dawl u dawk bl-awtiżmu. Proġett ieħor li qed jibbenefika mill-fondi ta’ Project Green huwa dak tal-Kunsill Lokali tal-Gżira, li b’mod kreattiv se jsebbaħ iż-żona ta’ madwar waqfa tal-karozza tal-linja li jużaw ħafna passiġġieri, biex nagħtu esperjenza isbaħ lil dawk li jużaw mezzi sostenibbli tal-ivvjaġġar. Fl-Imtarfa, permezz tal-Community Greening Grant se nibdlu żona miksija bil-konkos fi ġnien tal-frott, b’aktar minn 160 siġra. F’Marsaxlokk, żona li bħalissa m’hijiex aċċessibbli se ssir masġar ta’ 4,500 metru kwadru, b’żoni ta’ rikreazzjoni għal dawk li jgħixu fl-inħawi. Proġetti oħrajn se jagħtu ħajja ġdida lill-pjazez, bħal Pjazza Victor Denaro l-Imsida u l-Pjazza tal-Karmelitani ż-Żurrieq. Fost il-proġetti li se joħolqu ġonna ġodda f’siti li ilhom snin twal mitluqin għandna l-ġnien ġdid fi Triq il-Għasel, il-Mellieħa u l-park pubbliku ġdid b’faċilitajiet għal dixxiplini sportivi differenti fiż-żona tax-Xwieki, il-Għargħur. Art mitluqa li hemm maġenb il-masġar tas-Simar fix-Xemxija se ssir aktar aċċessibbli għall-pubbliku biex titgawda bħala picnic area sostenibbli. F’Santa Venera, Hospice Malta se jibdlu art mitluqa mdawra bil-bini fi ġnien ġdid maġenb ċ-ċentru ġdid ta’ kura palljattiva li qed jagħmlu bħalissa. Dan il-ġnien, bħall-ispazji kollha taħt din l-iskema, se jkun miftuħ għall-pubbliku. Għall-informazzjoni dwar il-proġetti l-oħra nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 9140. Kif diġà ħabbart, Project Green qed tkompli titkellem mal-applikanti biex naraw kif il-proġetti tagħhom nistgħu nagħmluhom ambjentalment aktar sostenibbli u eventwalment inwettquhom ukoll.

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – talba għal zebra crossing jew pelican lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta rċevietx talba biex issir zebra crossing jew pelican lights jew xi forma ta' mezz ieħor sabiex persuni jkunu jistgħu jaqsmu t-triq b'mod sigur fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, viċin il-kappella tal-Madonna tal-Karmnu? Jekk iva, meta kkunsidra dan u x'deċiżjoni ttieħdet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta fi ħdan il-Ministeru ma rċeviet l-ebda talba għal xi tip ta’ crossing fi Triq San Pawl. L-Awtorità ser tkun qed tikkomunika mal-Kunsill Lokali biex tara x’hemm bżonn isir.

BCRS — Operaturi ta’ bars u ristoranti – fifjużjoni ta’ depożitu fuq kull flixkun

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-operaturi ta' bars u ristoranti li għandhom ftehim mal-operatur tal-BCRS għadhom ma ħadu l-ebda ħlas lura tal-10 ċenteżmi depożitu fuq kull flixkun li jkunu ħallsu malli xtraw il-prodott, u dan minkejja l-fatt li ilhom xhur jgħaddu dawn l-istess kontenituri lill-BCRS?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, skont il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fl-iskema, l-operatur huwa obbligat li jirrifondi d-depożitu fuq il-kontenituri miġburin fi żmien 120 ġurnata. Fil-fatt, ninsab infurmata li r-rifużjonijiet tal-kontenituri li ġew ritornati f’Novembru 2022 ingħataw f’Marzu 2023, filwaqt li r-rifużjonijiet ta’ Diċembru 2022 tħallsu f’April 2023. Min ikollu xi diffikultà jew mistoqsija dwar din l-iskema jista’ jitkellem dirett mal-operatur jew jagħmel kuntatt mar-regolatur li huwa Circular Economy Malta fuq 2226 8200 jew info@cemalta.gov.mt

Skejjel primarji – LSEs, għalliema, assistenti kapijiet u kapijiet li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm LSEs, għalliema, assistenti kapijiet ta' skejjel u kapijiet ta' skejjel fil-livell primarju li rriżenjaw mill-impieg tagħhom matul l-aħħar 12-il xahar, maqsuma għal kull kategorija?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Windfarms – studji lokali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8677 u tgħid liema studji dwar il-wind farms ġewwa Malta saru f’isem il-Gvern ta’ Malta, jew mill-Gvern ta’ Malta, matul is-snin? Meta saru dawn l-istudji? X’kienu r-riżultati ta' dawn l-istudji? Tista’ tqiegħed kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, matul is-snin l-imgħoddija, saru numru ta’ studji dwar il-possibbiltà li f’pajjiżna tiġi ġġenerata l-enerġija mir-riħ. Iċ-ċokon u l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna, flimkien ma’ fatturi ġeografiċi u ambjentali oħrajn, ma kinux jagħmluha fattibbli li wieħed jinstalla wind farms fuq l-art jew oħrajn marbutin ma’ qiegħ il-baħar. Illum it-teknoloġija qed tkompli tiżviluppa b’pass aktar mgħaġġel, għalhekk qed naraw il-possibbiltà li jiġu żviluppati floating windfarms f’baħar aktar fond. Bħalissa qegħdin isiru aktar studji u tħejjijiet sabiex ikun sfruttat dan il-potenzjal. Id-dokumenti mitluba mhux jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba li dawn jinvolvu volum kbir ta’ karti. Għaldaqstant, kemm-il darba l-Onor. Interpellanta tixtieq, nista’ ngħaddilha soft copy tagħhom. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL1860 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 130 tal-5 ta’ Ġunju 2023)

Ċentri S.T.E.A.M.

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8248, 8511 u 8701 u jgħid kemm hawn ċentri S.T.E.A.M. madwar Malta u Għawdex? Fejn jinsabu dawn iċ-ċentri? Kif titħaddem din is-sistema f'dawn iċ-ċentri? Kemm sar investiment f'dawn iċ-ċentri u kemm sar investiment f'kull ċentru?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hawn 6 ċentri ta’ S.T.E.A.M u l-għalliema jistgħu jgħamlu użu mir-riżorsi skont il-pjan ta’ tagħlim.

Skejjel Sekondarji – LSEs, għalliema, assistenti kapijiet u kapijiet li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm LSEs, għalliema, assistenti kapijiet ta' skejjel, u kapijiet ta' skejjel fil-livell sekondarju li rriżenjaw mill-impjieg tagħhom, matul l-aħħar 12-il xahar, maqsuma għal kull kategorija?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

San Pawl il-Baħar – Triq it-Trunċiera – talba għal zebra crossing jew pelican lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar ikkunsidrax talba biex issir zebra crossing jew pelican lights jew xi forma ta' mezz ieħor sabiex persuni jkunu jistgħu jaqsmu t-triq b'mod sigur fi Triq it-Trunċiera, San Pawl il-Baħar, fiż-żona ta' Triq il-Klamari, hekk kif hemm numru ta' postijiet ta' parkeġġ li jintużaw minn diversi li jkunu jridu jimxu max-xatt tal-Qawra? Jekk iva, meta kkunsidra dan u x'deċiżjoni ttieħdet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi fil-Laqgħa 63 datata nhar it-Tlieta 25 ta’ April 2023, l-istess Kunsill ma laqax talba mressqa biex fi Triq it-Trunċiera jiżdiedu żewġ Zebra Crossings ġodda u dan minhabba li diġà hemm applikazzjoni pendenti biex tiżdied oħra qrib il-‘pearched beach’ u fl-imsemmija parti tat-triq hemm tnejn (2) oħra.

Selmun Palace Hotel – applikazzjonijiet għal xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8674 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3452, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li ġie approvat imsemmi fit-tweġiba għal din il-mistoqsija fuq is-Selmun Palace Hotel u allura applikazzjonijiet PA0719/99, PA6825/95 u PA2568/01, twettaqx, u dan għal kull applikazzjoni?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-iżvilupp fir-rigward tal-permessi PA6825/95 u PA2568/01 ma ġiex imwettaq filwaqt illi l-iżvilupp ta’ kamra kif approvat fil-permess PA719/99 ġie eżegwit.