Spazji ta’ parkeġġ li kienu assenjati lil kumpanija
Question
Billi l-kumpanija tal-GoTo m’għadhiex tiffunzjona ġewwa pajjiżna, iżda f’numru ta’ postijiet il-parking spaces li kienu assenjati lil din il-kumpanija għadhom miżbugha bit-tabelli b’kollox, tant li f’xi każijiet qed jinħarġu wkoll ċitazzjonijjet lil min ikun ipparkjat f’dawn l-ispazji, jista’ l-Ministru jgħid jekk ingħatatx direzzjoni biex din iż-żebgħa u t-tabelli jitneħħew sabiex dawn l-ispazji ta’ parkeġġ jintużaw mill-pubbliku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tinsab f'diskussjonijiet mal-operatur biex iż-żewġ naħat jaqblu dwar l-obbligi li jeħtieġ jonoraw. Dawn il-parkeġġi kienu u se jibqgħu dedikati għal vetturi elettriċi hekk kif pajjiżna kompla jirreġistra żieda f’dawn il-karozzi.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali għamlu talba formali biex l-ispazji li kienu allokati għall-parking tal-kumpanija Go To jitneħħew, wara li din il-kumpanija ma baqgħetx tagħti servizz? Kemm minn dawn it-talbiet ġew aċċettati u l-ispazji reġgħu saru pubbliċi? Kemm hemm talbiet li għadhom pendenti u kemm ma ġewx aċċettati?
Transport Malta — spazji ta' parkeġġ ta' kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kunsilli lokali għamlu talba formali lil Transport Malta biex l-ispazji li kienu allokati għall-parking tal-kumpanija Go To jitneħħew, wara li din il-kumpanija ma baqgħetx tagħti servizz? Kemm minn dawn it-talbiet ġew aċċettati u l-ispazji reġgħu saru pubbliċi? Kemm hemm talbiet li għadhom pendenti u kemm ma ġewx aċċettati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 10734, ninfurmah illi l-Awtorità kellha talbiet mill-kunsilli lokali hekk kif ġej:
Tarxien
Siġġiewi
Gudja
Balzan
Iklin
Għargħur
Swieqi
San Ġiljan
Ċitazzjoni minħabba parkeġġ fi spazju allokat għal kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet fuq l-ispazji li oriġinarjament kienu allokati għall-użu tal-vetturi tal-kumpanija GO TO, minn mindu din il-kumpanija ma baqgħetx topera sa meta qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Ċitazzjoni minħabba parkeġġ fi spazju allokatt għal kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet fuq l-ispazji li oriġinarjament kienu allokati għall-użu tal-vetturi tal-kumpanija GO TO, minn mindu din il-kumpanija ma baqgħetx topera sa meta qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi d-data li tinżamm ma tagħmilx differenza bejn il-parking bays riservati kif immarkat u oħrajn.
Il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – garaxxijiet tal-karozzi tal-kiri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ public service garages liċenzjati biex jikru karozzi fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar? Kemm hu t-total ta’ karozzi liċenzjati f’dawn il-garaxxijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Transport Malta – liċenzji tas-sewqan ta’ opri tal-baħar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li għandhom liċenzja għas-sewqan tal-opri tal-baħar, hekk kif liċenzjati minn Transport Malta? Kemm liċenzji ġodda nħarġu din is-sena?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ persuni single, kemm jekk nisa kif ukoll jekk irġiel, li qed jirċievu ċ-children’s allowance u joqogħdu San Pawl il-Baħar, in-Naxxar u l-Mellieħa separatament għal kull lokalità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar – interventi fis-soft areas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema interventi saru mill-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar fis-soft areas tal-lokalità matul l-aħħar sitt xhur? Fiex kienu jikkonsistu dawn l-interventi? Kemm ġew jiswew?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-maġġoranza tax-xogħlijiet relatati mas-‘soft areas’ li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma inklużi fit-Tender Ref: SPBT/04/2022, liema dokument qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-pagamenti inkwistjoni ġew iċċertifikati mill-Contracts Manager tal-Kunsill Lokali. Ninforma ulterjorment illi fil-Laqgħa Nru 64 tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, il-Kunsill approva ħlas ta’ €2,047.50 + VAT għal xogħol ta’ landscaping ġdid f’Burmarrad.
Xemxija – tiġieġ u sriedaq li nstabu mejta mar-roundabout
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali għamilx xi investigazzjoni dwar in-numru ta’ tiġieġ u sriedaq li nstabu mejta fir-roundabout tax-Xemxija, li tinsab qrib il-Ġnien Olimpiku u l-latrina pubblika?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li għadu għaddej il-proċess ta’ investigazzjonijiet dwar dan l-inċident.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali sabiex jassigura li l-ebda laħam li qed jinġieb minn barra mhux qed jinbiegħ bħala li hu prodott lokali?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru għas-Saħħa peress li d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali huwa responsabbli li jagħmel kontrolli inkluż it-traċċabilità tal-laħam fil-ħwienet tal-laħam u ħwienet simili.
Jista’ l-Ministru jgħid liema prodotti agrikoli ġew esportati minn Malta mill-1 ta' Jannar, 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema prodotti agrikoli ntbagħtu minn Malta għal pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma l-Onor. Interpellanta li dan il-Ministeru ma jkollux tali informazzjoni u dan peress li l-esportatur mhux obbligat li jagħti din l-informazzjoni lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti. Din l-informazzjoni tista’ tinkiseb mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-siti ta' importanza storika li jinsabu fil-limiti tal-Imġarr? Liema minn dawn is-siti huma miftuħin għall-pubbliku? Kif inhu possibbli li l-pubbliku jżur dawn is-siti? Għal kull sit separatament, x'kien l-investiment li sar mill-Gvern jew il-Kunsill Lokali mill-1 ta' Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr bl-informazzjoni kollha mitluba mill-Onor. Interpellant kif ġej:
1) B’referenza għal Siti ta’ Importanza Storika u l-Aċċessibilità tal-pubbliku għalihom tinsab fit-tabelli segwenti:
Siti ta’ Importanza Storika
Aċċessibilità
Tempji ta’ Ħaġrat
Mifuħin għall-Pubbliku minn Heritage Malta
Tempji ta’ Skorba
Mifuħin għall-Pubbliku minn Heritage Malta
Raddi fil-blat (Triq Banjiet Rumani kantuniera ma Triq iż-Żebbiegħ);
Dan huwa spazju miftuħ
Silos ta’ Taħt l-Art f’ Tal-Palma
Miftuħin b’appuntament mill-Kunsill Lokali Mġarr.
Batterija ta’ Tal-Għasfura f’ Fomm ir-Riħ
Miftuħin b’appuntament mill-Kunsill Lokali Mġarr.
Banjiet Rumani lejn Għajn Tuffieħa
Mhumiex aċċessibbli għall-Pubbliku
2) Rigward investimenti li saru fuq dawn is-Siti ta’ Importanza storika mill-Kunsill Lokali sa mill-1 ta’ Jannar 2022 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella segwenti:
Investiment mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr fis-Siti ta’ Importanza Storika sa mill-1 ta’ Jannar 2022
Sit ta’ Importanza Storika
Deskrizzjoni tal-Intervent
Ammont tal-Investiment (€)
Tempji ta’ Ħaġrat
Sar ħajt divisorju, culvert għall-ilma tax-xita u ittranġar tal-madwar biex ma jiskulax ilma fit-Tempji ta’ Ta’ Ħaġrat
€17,000
Silos ta’ Taħt l-Art f’ Tal-Palma
Manutenzjoni fuq is-sistema tad-dawl fis-Silos, li għada mhux kompletata.
€1,500 (sal-lum, ammont li jista jikber sa ma jiġi konkluż il-proġett kollu)
Batterija ta’ Tal-Għasfura f’ Fomm ir-Riħ
Manutenzjoni fuq aperturi fil-Batterija
€3,500
Raddi fil-blat (Triq Banjiet Rumani kantuniera ma Triq iż-Żebbiegħ);
Il-Kunsill għandu talba quddiem l-Awtorita’ tal-Artijiet biex jagħmel proġett ta’ aċċessibilta’ u tisħbiħ tal-arja tar-raddi fil-blat.
Gran Totali tal-Investiment li sar mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr mill-1.1.2022 sal-lum fuq dawn is-Siti ta’ Importanza Storika:
€22,000
ACTU – tfal u żgħażagħ li qed jistennew biex jiġu assessjati
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5943, tista' l-Ministru tgħid għaliex hemm persuni li ilhom snin fuq il-lista ta' stennija tat-Taqsima tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU), pereżempju persuna waħda mill-2018, 31 persuna mill-2019 u 19-il persuna mill-2020, u dan skont l-informazzjoni mogħtija fl-istess tweġiba?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru aġġornat ta’ applikanti fuq il-lista ta’ stennija għas-servizz tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) għas-snin li qed issir referenza għalihom huma skont kif elenkat hawn taħt:
Sena
Malta
Għawdex
2018
-
-
2019
5
1
2020
15
1
Ir-raġuni li hemm applikanti sa mis-sena 2019 fuq il-lista ta’ stennija għas-servizz hija li numru minn dawn kienu ġew allokati lil terapista li kien beda jaħdem mas-servizz f’Jannar 2023 u li sussegwentement irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu f’Ġunju 2023, qabel ma laħaq sar l-assessjar ta’ dawn il-klijenti. In-numru ta’ terapisti f’dan is-servizz huwa limitat u għalhekk mhux possibbli li jiġu allokati aktar applikanti sakemm it-tim ma jikbirx aktar u b’hekk ikollu kapaċità akbar sabiex jiġi provdut s-servizz lil numru akbar ta’ klijenti. Kienu nħarġu diversi sejħiet għal terapisti li mhux dejjem kienu ta’ suċċess, kif ukoll applikanti li irriżenjaw wara perjodu qasir. Il-proċess tal-assessjar huwa wieħed kumpless li jinvolvi tul ta’ ħin sabiex ikun jista’ jiġi komplut, u kull każ ikun differenti mill-oħrajn.
Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-Gvern biex ikunu ingaġġati iktar LSEs?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru joffri diversi opportunitajiet biex jiġu ingaġġati iktar LSEs fosthom sejħiet b’mod regolari u kif ukoll eżamijiet speċifiċi. Barra minn hekk, l-uffiċjali jingħataw l-opportunità biex ikomplu jipprogressaw fil-karrieri tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna iktar hemm bżonn li tiġi ingaġġata mal-Gvern bħala LSE fl-iskejjel tal-Gvern, maqsumin skont il-livell primarju u dak sekondarju, sabiex tkun intlaħqet id-domanda għal-LSEs?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Xemxija, San Pawl il-Baħar – Triq Katerina Vitale – arblu tad-dawl
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-arblu tad-dawl li twaħħal fuq il-bankina fi Triq Katerina Vitale, fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar fuq in-naħa ta' fejn kien hemm il-Mistra Village, twaħħalx bil-permess ta' Transport Malta? Jista' jgħid jekk il-Ministeru jew xi entità li taqa' taħtu rċeviex rapporti dwar dan minħabba l-periklu li nħoloq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta se tkun qed tagħmel spezzjoni fuq il-post biex tevalwa s-sitwazzjoni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9139, 9394, 9896, 10137 u 10418 u jgħid fejn jinsabu ċ-Ċentri S.T.E.A.M.? Kif titħaddem din is-sistema f'dawn iċ-ċentri? Kemm sar investiment f'dawn iċ-ċentri? Kemm sar investiment f'kull ċentru?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull skola jew ċentru edukattiv isirilom l-investiment neċessarju kemm biex intejbu l-livell edukattiv u kif ukoll biex ikollom post adegwat fejn jitgħalmu u jistudjaw. L-aħħar ċentru kien inawgurat fl-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, li huwa attrezzat b’apparat u bir-riżorsi kollha meħtieġa biex l-istudenti jingħataw edukazzjoni hands-on fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika.
Cleansing and Maintenance Division – ftehim mal-BCRS
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10441, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-ftehim mal-kumpanija BCRS sabiex iż-żoni qrib id-diversi magni jinżammu fl-aqwa stat ta’ indafa? Kemm hi l-frekwenza tat-tindif?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ftehim jistipula li jsir tindif ġenerali madwar iż-żona ta’ kull magna tal-inqas darba kuljum. Kull sit irid jinħasel darba kull ħmistax u l-art ta’ madwar il-magna trid tingħorok mill-inqas darba fix-xahar. Ta’ kuljum irid ukoll jitbattal il-kontenitur tal-iskart li jinsab ħdejn kull magna.
Skejjel primarji — LSEs, għalliema, assistenti kapijiet u kapijiet li rriżenjaw
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10416, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm kien hemm LSEs, għalliema, assistenti kapijiet ta' skejjel u kapijiet ta' skejjel fil-livell primarju li bdew l-impjieg tagħhom matul l-aħħar 12-il xahar, maqsuma għal kull kategorija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.