San Pawl il-Baħar, fl-inħawi tal-Miżieb u l-Imbordin – Xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jitkompla u jitlesta x xogħol ta’ trinek li kien għaddej fl-inħawi tal-Miżieb u l-Imbordin, San Pawl il-Baħar? Tista' tieħu l-passi neċessarji biex fejn it-trinka hi mimlija bil-konkos, jingħata l-asfalt fil-wiċċ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mxiet fuq struzzjonijiet mogħtija mill-Awtorità kompetenti u x-xogħlijiet twaqqfu matul il-perjodu turistiku tas-sajf. Kien għal din ir-raġuni li fil-parti fejn ix-xogħol ta’ installazzjonijiet kien lest, ingħata wiċċ tal-konkos sabiex jinfetaħ aċċess lejn il-Mellieħa u l-bajjiet tal-madwar matul ix-xhur tas-sajf. Ix-xogħol mistenni jitkompla fil-jiem li ġejjin, hekk kif preżentament għaddej survey u tħaffir ta’ trial pits fuq is-servizzi eżistenti, inkluż tal-Enemalta, biex jiġi evalwat jekk hemmx il-bżonn ta’ devjazzjoni ta’ cables sabiex ix-xogħol fuq l-infrastruttura tal-ilma jitkompla. Huwa mmirat li x-xogħol jitlesta sa Jannar 2024.
San Pawl il-Baħar, fl-inħawi ta’ Erba’ Mwieżeb, Xemxija — Xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta nbeda x-xogħol fuq il-mina tad-drenaġġ li tgħaqqad l-inħawi tal-Erba' Mwieżeb mal-inħawi tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll kemm mix-xogħol li hu meħtieġ fil-fatt tlesta, u meta hu mistenni li jkun lest ix xogħol kollu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-ordni sabiex jinbdew ix-xogħlijiet ħarġet f’April 2023. Matul dawn l-aħħar xhur tlesta l-istħarriġ preliminari tal-art li jivverifika d-disinn tal-mina. Fil-frattemp, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddiet minn proċessi legali ma’ entatijiet privati, tal-Gvern kif ukoll ma’ xi bdiewa tal-madwar, fejn ġie evalwat kif jista’ jitnaqqas l-impatt li jħalli tali proġett. Issa li dan il-proċess wasal fi tmiemu x-xogħol fiżiku huwa ppjanat li jibda sal-aħħar t’Ottubru u huwa mmirat jkun finalizzat fi żmien sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni nħarġet, relatata mal-ambjent u l-indafa inkluż rimi ta' skart, xahar b'xahar, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar minn Jannar 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal kull każ jgħid għal liema raġuni nħarġet din iċ-ċitazzjoni? Jista’ jgħid kemm minnhom irriżulta li l-persuna lil min inħarget iċ-ċitazzjoni kienet ħatja jew ma kinitx ħatja u kemm baqa' każijiet pendenti? Jista’ jgħid ukoll f'kull każ liema dipartiment/entità eċċ. ħareġ din iċ-ċitazzjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, minn Jannar 2021 sat-7 t’Ottubru 2023, inħarġu 648 taħrikiet mill-uffiċjali tal-komunità u mill-Pulizija, relatata mal-ambjent u l-indafa inkluż rimi ta' skart. L-informazzjoni l-oħra mitluba, minħabba l-kumplessità tagħha, mhux possibbli li tingħata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni nħarġet, relatata mal-ambjent u l-indafa inkluż rimi ta' skart, xahar b'xahar, fil-lokalità tal-Mellieħa minn Jannar 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal kull każ jgħid għal liema raġuni nħarġet din iċ-ċitazzjoni? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom irriżulta li l-persuna lil min inħarget iċ-ċitazzjoni kienet ħatja jew ma kinitx ħatja u kemm baqa' każijiet pendenti? Jista’ jgħid ukoll f'kull każ liema dipartiment/entità eċċ. ħareġ din iċ-ċitazzjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li fil-lokalità tal-Mellieħa, minn Jannar 2021 sas-7 t’Ottubru 2023, inħarġu 437 taħrikiet mill-uffiċjali tal-komunità u mill-Pulizija, relatata mal-ambjent u l-indafa inkluż rimi ta' skart. L-informazzjoni l-oħra mitluba, minħabba l-kumplessità tagħha, mhux possibbli li tingħata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni nħarġet, relatata mal-ambjent u l-indafa inkluż rimi ta' skart, xahar b'xahar, fil-lokalità tan-Naxxar minn Jannar 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal kull każ jgħid għal liema raġuni nħarġet din iċ-ċitazzjoni? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom irriżulta li l-persuna lil min inħarget iċ-ċitazzjoni kienet ħatja jew ma kinitx ħatja u kemm baqa' każijiet pendenti? Jista’ jgħid ukoll f'kull każ liema dipartiment/entità eċċ. ħareġ din iċ-ċitazzjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li fil-lokalità tan-Naxxar, minn Jannar 2021 sas-7 t’Ottubru 2023, inħarġu 546 taħrikiet mill-uffiċjali tal-komunità u mill-Pulizija, relatata mal-ambjent u l-indafa inkluż rimi ta' skart. L-informazzjoni l-oħra mitluba, minħabba l-kumplessità tagħha, mhux possibbli li tingħata.
San Pawl il-Baħar, Triq ix-Xagħra tal-Bandieri — Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tinforma meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma (WSC) fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, San Pawl il-Baħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurnata li x-xogħol fit-triq indikata huwa ppjanat li jitlesta fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm daħlu applikazzjonijiet għall-fidi ta' ċnus skont SKEMA 19? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew proċessati u kemm hemm minnhom li għadhom qed jiġu proċessati u x’qed iżomm milli l-każijiet pendenti jitlestew?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Qtil tal-majjal, ċanga u annimali oħra fil-biċċerija tal-Gvern u/jew privati
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla tal-majjal, ċanga u annimali oħra fil-biċċerija tal-Gvern, bejn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, xahar b'xahar? Jista’ jagħti tagħrif ukoll dwar jekk hemmx biċċeriji tal-privat awtorizzati biex jagħmlu l-qatla?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tingabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10244 dwar il-ftuħ tal-Berġa f’San Pawl il-Baħar u jgħid jekk id-dokumenti tas-sejħa tal-kiri ta' sit fil-lokal li kellhom jiġu ppubblikati ġewx attwalment ippubblikati? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn id-dokumenti? Jekk le, meta hu maħsub li tiġi ppubblikata din is-sejħa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sejħa għall-offerti għall-kiri ta' sit għall-Klinika fil-Komunità ta' San Pawl il-Baħar / Burmarrad / Xemxija ġiet ippubblikata diġa darbtejn u fiż-żewġ istanti ma ntefet l-ebda offerta. Is-sejħa għall-offerti ser tiġi ppubblikata għat-tielet darba nhar it-Tlieta, 19 ta’ Ottubru 2023.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10245, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ġewx konklużi t-Traffic Impact Assessment u l-Environmental Impact Assessment msemmija fit-tweġiba għall-istess mistoqsija? Jekk iva, jista' d-Deputat Prim Ministru jqiegħed kopja ta' dawn id-dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, meta hu mistenni li dawn jiġu konklużi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Traffic Impact Assessment sar. Ġew mitluba informazzjoni u studji addizzjonali li għadhom kemm bdew minħabba li kien rikjest li l-iskola tkun bdiet biex ikunu jafu noise u pollution level.
San Pawl il-Baħar – Tneħħija ta’ bagi permezz ta’ mariners’ notice
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li permezz ta' mariners’ notice ħarġet ordni biex jitneħħew il-bagi li kien hemm qrib il-pitch tal-Waterpolo tas-Sirens, f'San Pawl il-Baħar, kif ukoll qed jiġu avżati ħinijiet li fihom għandu jkun hemm il-moll tal-Fekruna bla ebda użu mid-dgħajjes privati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba xogħlijiet li qegħdin isiru attwalment u peress li eventwalment il-‘breakwater’ il-qadim ta’ Buġibba ser jitwaqqa’ sabiex jinbidel b’ieħor ġdid ftit il-barra minnu, l-operat tad-dgħajjes kummerċjali li jsorġu u jaħdmu minn fuq il-‘breakwater’ se jiġi trasferit għal fuq il-moll pubbliku biswit il-Pixxina tas-Sirens.
Għaldaqstant, trid tinħoloq ‘fairway’ biex dawk id-dgħajjes kummerċjali ta’ ċertu daqs ikunu jistgħu jersqu mal-istess moll b’mod sigur. Il-bagi li hemm fiż-żona indikata għall-‘fairway’ se jitneħħew temporanjament fl-interess tas-sigurtà tan-navigazzjoni.
Fir-rigward tal-moll tal-Fekruna, dan ukoll se jintuża minn dawn l-istess dgħajjes kummerċjali kemm fl-operat kif ukoll sabiex jingħataw servizzi relatati mal-operat.
Dan se jsir fil-ħinijiet stipulati hekk kif maħruġa fin-Notice to Mariners 85 tas-sena 2023.
Ix-Xemxija — Triq Katerina Vitale u Triq il-Fuħħar, - Bini ta’ ħajt f’nofs it-triq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema bażi nħarġu permessi biex ġewwa Triq Katerina Vitale u Triq il-Fuħħar, fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar jinbena ħajt ta' iżjed minn żewg metri għoli fin-nofs tat-triq? Għal kemm żmien hu mistenni li jdum f’nofs it-triq dan il-ħajt? Hu ppjanat li jinbnew ħitan simili f'din iż-żona?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi l-permessi in kwistjoni nħarġu skond r-regolamenti li jipprovdu protezzjoni għall-pubbliku.
Infurmat ukoll mill-istess Kunsill Lokali li d-depożitu ta’ stekkat (boundary walls) mistenni jitneħħa meta l-protezzjoni għas-saħħa u s-sigurtà tal-persuna ma tkunx għadha aktar meħtieġa.
Finalment infurmat ukoll li ħitan ta’ dan it-tip jinbnew skont l-eżiġenza tax-xogħol fuq rakkomandazzjoni tal-perit tal-binja
relattiva.
Ix-Xemxija — Rapporti ta’ xogħol ta’ skavar fis-sit tal-Eks Mista Village
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport ta' xogħol ta' skavar fis-sit tal-Eks Mistra Village, fix-Xemxija wasal għand l-Awtorità tal-Ippjanar u għand l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) matul l-2023? Jista’ jgħid ukoll meta waslu dawn ir-rapporti u x'passi ttieħdu minn dawn l-awtoritajiet wara li daħlu dawn ir-rapporti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq it-sit tal-Eks Mistra Village daħħlu tliet (3) rapporti matul is-sena 2023. Infurmat mir-rapporti li daħħlu li l-ebda wieħed ma kien jikkonċerna skavar.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10959, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi preżenza tal-Forzi Armati u tal-LESA ta' Malta kien hemm fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar matul dan is-sajf? X'tip ta' interventi kienu mitluba jwettqu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kemm l-Aġenzija LESA u anke l-Forzi Armati ta' Malta jaqdu rwol f'diversi postijiet u lokalitajiet sabiex dawn ikunu aktar siguri. Matul dan is-Sajf, l-Aġenzija LESA kienet impennjata sabiex tagħmel rondi kontinwi inkluż sa tard filgħaxija, primarjament marbuta ma skart, traffiku, u imġieba mhux xierqa. Il-Forzi Armati ta' Malta għamlu diversi rondi speċjalment fil-ħin ta' filgħaxija u filgħodu kmieni sabiex jiżguraw iż-żamma tal-ordni. Dawn iż-żewg entitajiet kienu qed jassistu entitajiet oħrajn li ta' kulljum jaħdmu f'din iż-żona, primarjament il-Korp tal-Pulizija.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11030 jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każi ta' ksur tar-regolamenti fejn laħam miġjub minn barra inbiegħ bħala prodott lokali, kif imsemmi fl-istess mistoqsija parlamentari? Kemm-il każ kien hemm fejn ttieħdu passi dwar dan l-allegat ksur minn Jannar 2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalitajiet instabu dawn il-każijiet u kemm għal kull lokalità?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-ispezzjonijiet li saru minn uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali minn Jannar 2023 s’issa ma nstab l-ebda laħam miġjub minn barra li kien qed jinbiegħ bħala prodott lokali.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10961 jista’ l-Ministru jikkonferma r-risposta għal dak li jikkonċerna l-qatla tal-majjal? Jekk iva, jista' wkoll jagħti tagħrif dwar jekk minbarra l-biċċerija tal-Gvern, hux qed ikun hemm ukoll qatliet f'biċċeriji privati u jekk iva, liema biċċeriji privati huma approvati għall-qatliet tal-majjal?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-bye-law li permezz tagħha qed jiġi operat il-carpark ta’ taħt l-Iskola Primarja tal-Qawra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-Bye Law kkonċernata għadha ma ġietx fis-seħħ minħabba trattattivi li għaddejjin bejn id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u l-Kunsill Lokali nnfisu. Intant infurmat li l-Kunsill Lokali ħa deċiżjoni sabiex il-car-park jinfetaħ mingħajr ħlas sakemm dan il-proċess jiġi konkluż.
Skema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali — Għaqdiet li applikaw u ma bbenefikawx
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra liema huma dawk l-għaqdiet li applikaw u ma bbenefikawx mill-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali? Jista’ jgħid ukoll x’kienet ir-raġuni għala dawn l-għaqdiet ma bbenefikawx minn din l-iskema?
Response (BONNICI, OWEN)
Dan il-Gvern dejjem iħares li jkun ta’ spalla għall-għaqdiet li jaqgħu taħt is-settur kulturali, permezz ta’ fondi u għajnuniet diversi.
Fil-fatt, tajjeb wieħed ifakkar illi f'Mejju 2022 dan il-Gvern kien nieda skema t’għajnuna finanzjarja ammontanti għas-somma ta’ €500,000 sabiex l-għaqdiet tal-każini tal-banda, tal-kmamar tan-nar u għaqdiet tal-armar kollha - ta' Malta u Għawdex kollha - setgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja bil-għan li tappoġġjahom fl-organizzazzjoni tal-festa hekk kif konna ħerġin mill-Covid-19 .
Dan hu biss eżempju wieħed. Hemm lista sħiħa ta skemi t’għajnuniet finanzjarji oħrajn li ħafna mill-għaqdiet kkonċernati jibbenefikaw minnhom.
Intant infurmat illi l-valur allokat għall-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali kien ta €140,000. Minn tali skema, infurmat illi l-applikazzjonijiet li ġabu aktar minn sittin (60) marka, iżda ma setgħux jiġu ffinanzjati minħabba li l-ammont allokat għall fond ġie eżawrit, huma s-segwenti.
Applikant
Sezzjoni Żgħażagħ Pawlini Munxarin
Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan
Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan Banda Paola
Kumitat Festi Esterni San Gorg Martri
Valletta 450 Creative Hub
Grupp Armar Parroċċa Żabbar
Soċjetà Mużikali San Girgor Sliema AD 1987
Għaqda Għajn Tuta Ta' Kerċem
Soċjetà Mużikali La Stella Levantina A.D.1894
Armar Siggiewi
12th May Band and Social Club
Soċjetà Filarmonika Marija Annunżjata Ħal Balżan A.D. 1890
Għaqda Kultura u Armar Marija Annżunjata Tarxien
Kummissjoni Festa Madonna tar-Ruzarju ta' Fatima, Gwardamangia, Pieta
Ħamrun Liberty Sports Club
Soċjetà Mużikali Spinola A.D. 1987 V/O 2026
Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruggieru
Soċjetà Mużikali San Pio X, Ħal Lija
Għaqda Festi Esterni SSma. Trinita' Marsa
St. Gabriel Band Club
Każin San Ġużepp u Banda De Rohan
Il-Kumitat Festi Esterni Marija Reġina
Soċjetà Filarmonika La Stella – Gożo
Għaqda Mużikali L'Isle Adam
Intant infurmat illi l-applikazzjonijiet segwenti ġabu inqas minn 60 marka u għaldaqstant ma laħqux il-kriterji mitluba.
Applikant
Soċjetà Filarmonika L-Unjoni
Għaqda Mużikali Immakulata Kunċiżżjoni
Red Boys
Għaqda Armar Triq il-Kappillan
“SANTA MARIA” Philharmonic Society of Mosta
Kummissjoni Festi Esterni San Pawl il-Baħar
Grupp Armar San Gejtanu
Għaqda Mużikali Marija Assunta
Kazin Santa Liena, Banda Duke of Connaught's Own, Birkirkara
Arċikonfraternita' ta' San Ġużepp
Għaqda Festi Esterni Ħal Lija
Għaqda Dilettanti Knisja ta' Lapsi, San Ġiljan VO/1891
PAGEANT GROUP MARIA REGINA MARSA
Għaqda Armar Triq Diċembru 13
Kumitat Festa Esterna Santa Marija Ħad-Dingli
Fergħa Armar ta' Barra, Volontieri Parrocca San Publju
Għaqda Armar San Sebastjan
Għaqda Tan-Nar 20’ ta’ Lulju Sannat
Soċjetà Mużikali Sant' Antnin
Għaqda tan-Nar 31 ta' Mejju - Għarb - A.D. 2013
Skema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali — Valur
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur allokat għall-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali u kemm hu l-valur totali li attwalment ġie mqassam permezz ta’ din l-iskema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi l-valur allokat għall-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali huwa ta €140,000, liema ammont ġie mqassam fit-totalità tiegħu.
Irrid inżid li dan il-fond mhuwiex l-unika fond li hu mmirat biex jgħin lill-festi Maltin, tant li hemm il-fond li hu mfassal speċifikatament għall-Għaqdiet Mużikali Maltin u ieħor għall-kmamar tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja. Bla ħsara għal dan, l-għaqdiet tal-festi jistgħu japplikaw għall-iskemi l-oħra kollha li joħorġu minn żmien għal żmien mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Skema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali – Bord appuntat għall-assessjar tal-applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jinforma kif ġie appuntat il-bord li għamel l-assessjar tal-applikazzjonijiet li saru għall-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali? Jista jgħid ukoll min huma l-membri ta’ dan il-bord?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-bord jkun appuntat skont l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza individwali tal-membri relatat mal-miri tas-sejħa.
Intant infurmat ukoll li skont il-mekkaniżmu tal-fond, l-ismijiet tal-evalwaturi ma jiġux ippubblikati minħabba n-natura sensittiva tax-xogħol.