Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mellieħa - Servizzi ġodda ta’ ilma u d-dawl - Talbiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ talbiet għal servizzi ġodda tal-ilma u dawl li huma pendenti fil-lokalità tal-Mellieħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ talbiet pendenti għal servizzi ġodda fil-lokalità tal-Mellieħa huwa ta’ 5 fil-każ tas-servizz tal-ilma u 10 għas-servizz tad-dawl.

Il-Mellieħa - Servizzi ġodda tad-dawl u l-ilma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ġodda tad-dawl u l-ilma li ngħataw fil-lokalità tal-Mellieħa (kull parti tal-lokalità) kull sena bejn l-2022 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Mellieħa - Servizzi ta’ ilma u elettriku reġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ta’ ilma u elettriku li huma reġistrati fil-lokalità tal-Mellieħa (kull parti tal-lokalità) u jekk reġistrati separatament, tagħti n-numru f’kull parti, pereżempju l-Għadira, Selmun, u l-kumplament tal-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-Mellieħa (kull parti tal-lokalità) hemm reġistrati 11,827 servizz tad-dawl u 10,586 servizz tal-ilma.

San Pawl il-Baħar - Servizzi ġodda tal-ilma u d-dawl - Talbiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ talbiet għal servizzi ġodda tal-ilma u dawl li għadhom pendenti fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ talbiet pendenti għal servizzi ġodda fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar huwa ta’ 13 fil-każ tas-servizz tal-ilma u 10 għas-servizz tad-dawl.

San Pawl il-Baħar - Servizzi ġodda tad-dawl u l-ilma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ġodda tad-dawl u l-ilma li ngħataw fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar (kull parti tal-lokalità) bejn l-2022 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar - Servizzi ta’ ilma u elettriku reġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ta’ ilma u elettriku li huma reġistrati fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar (f’kull parti tal-lokalità) u, jekk reġistrati separatament, tagħti n-numru f’kull parti, pereżempju Buġibba, Burmarrad, l-Imbordin, il-Qawra, ix-Xemxija u l-kumplament tal-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li f’San Pawl il-Baħar (kull parti tal-lokalità) hemm reġistrati 28,470 servizz tad-dawl u 26,220 servizz tal-ilma.

Bini ta’ lukandi - Applikazzjonijiet approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet għall-bini ta’ lukandi (ta’ kull klassi) ġew approvati kull sena mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalitajiet jinsabu dawn il-permessi li diġà ġew approvati u kemm huwa n-numru hekk approvati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-mistoqsija Parlamentari numru 2578, ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-klassi tal-iżvilupp propost ma jinżamx f’mod li jista’ jiġi estratt mingħajr ma wieħed jistudja l-applikazzjonijiet kollha każ każ.

Bini ta’ lukandi - Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ applikazzjonijiet li huma pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ lukandi ta’ klassijiet differenti, maqsuma skont il-klassi? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalitajiet jinsabu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-mistoqsija Parlamentari numru 2577, ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-klassi tal-iżvilupp propost ma jinżamx f’mod li jista’ jiġi estratt mingħajr ma wieħed jistudja l-applikazzjonijiet kollha każ każ.

MTA - Lukandi b’approvazzjoni għal żieda ta’ kmamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet għal-lukandi ġodda għandhom l-approvazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), għalkemm għadhom ma nbnewx? Jista’ jgħid ukoll kemm kmamar huma approvati, ta’ liema klassi u f’liema lokalitajiet jinsabu separatament?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2026 ġew approvati 30 proġett għal lukandi ġodda.  Dawn jinsabu f’Buġibba, Gżira, Ħamrun, Marsa, Msida, Qawra, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Sliema, Swieqi, Ta’ Xbieb u l-Belt Valletta. Ta’ min jiċċara li din l-istatistika tirrigwarda approvazzjonijiet maħruġa mill-MTA.  L-Awtorita’ m’għandhiex informazzjoni dwar l-istat tal-iżvilupp, ċioe’ jekk dawn il-proġetti ġewx effettivament mibnija jew le.

MTA - Lukandi b’approvazzjoni għal żieda ta’ kmamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hu n-numru ta’ lukandi li għandhom l-approvazzjoni mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għall-żieda ta’ kmamar?  Jista’ jgħid fejn jinsabu dawn il-lukandi separatament għal kull lokalità? Jista’ jgħid ukoll kemm kmamar huma approvati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2026, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu kellha talba ta’ 24 proġett ta’ estensjoni b’total ta’ 815 kmamar ġodda.  Dawn jinsabu f’Ħal Għaxaq, Msida, Pietà, Ir-Rabat, San Lawrenz, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, l-Belt Valletta, Victoria Għawdex, Ix-Xagħra u Iż-Żebbuġ. Ta’ min jiċċara li din l-istatistika tirrigwarda approvazzjonijiet maħruġa mill-MTA.  L-Awtorita’ m’għandhiex informazzjoni dwar l-istat tal-iżvilupp, ċioe’ jekk dawn il-proġetti ġewx effettivament mibnija jew le.

Sptar Ġenerali t’Għawdex - Impjegati ġodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 120, 798 u 1690 u jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex f’April, f’Mejju u f’Ġunju 2026, separatament għal kull xahar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kien hemm 67 inġagg u 15 -il terminazzjoni bejn Jannar u Settembru 2026.

Sptarijiet tal-Gvern – Impjegati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 114, 556 u 1474 u jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni impjegati fl-isptarijiet differenti tal-Gvern, u jaqsam din l-informazzjoni skont il-kategoriji ta’ impjiegi stabbiliti għas-servizzi varji li huma meħtieġa f’kull livell? F’kull kategorija ta’ impjieg, jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-ħaddiema huma Maltin u kemm huma ta’ nazzjonalità mhux Maltija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – Inħawi ta’ Kennedy Grove – Ħsarat

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi ħsarat hemm preżentement fl-inħawi ta' Kennedy Grove f'San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll meta saru l-aħħar spezzjonijiet u xi ħsarat irriżultaw? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li dawn il-ħsarat jissewwew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta twettaq spezzjonijiet regolari u monitoraġġ kontinwu fil-Park Nazzjonali tas-Salina, inkluż l-inħawi ta’ Kennedy Grove. Matul dawn l-ispezzjonijiet ġew identifikati diversi elementi li kienu jeħtieġu manutenzjoni, tiswija jew titjib, fosthom partijiet mis-sistema tat-tisqija u tad-dawl li kienu ġarrbu vandaliżmu, karatteristiċi tal-ilma li kienu jeħtieġu manutenzjoni, infrastruttura tal-park li kienet teħtieġ interventi ta’ tiswija, kif ukoll tagħmir tal-logħob li huwa skedat li jiġi sostitwit. Matul dawn l-aħħar xahrejn twettqu diversi interventi, li kienu jinkludu l-ħsad u t-tindif tal-park kollu, inkluża ż-żona tal-pikniks; it-tneħħija ta’ blat minn żoni b’inklinazzjoni; tisqija u manutenzjoni kontinwa tas-siġar; tindif u manutenzjoni ta’ karatteristiċi tal-ilma; tiswija tas-sistema tat-tisqija u ta’ bollards tad-dawl li kienu ġew vandalizzati; installazzjoni ta’ barrieri protettivi u railings f’żoni partikolari tal-park; u manutenzjoni oħra relatata mal-pajsaġġ u t-titjib ġenerali tal-ispazju. Fir-rigward tat-tagħmir tal-logħob, kif diġà kont spjegajt fi tweġibiet li tajt għal mistoqsijiet parlamentari preċedenti, Ambjent Malta ħarġet sejħa għall-offerti sabiex dan jiġi sostitwit. Il-proċess ta’ akkwist kien suġġett għal proċeduri ta’ appell li issa ġew konklużi u Ambjent Malta qed tkompli bil-passi meħtieġa sabiex jitwettaq il-proġett. Barra minn hekk, bħalissa għaddejjin xogħlijiet fuq il-parti prinċipali tal-ġnien, inkluż intervent fuq il-funtana prinċipali, it-tibdil tat-turf artifiċjali u xogħlijiet oħra ta’ rinnovazzjoni. Ambjent Malta ser tkompli twettaq l-interventi meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-elementi li għadhom jeħtieġu xogħol, bil-għan li dawn jitlestew skont il-programm ta’ ħidma u l-proċeduri applikabbli.

MTA – Postijiet liċenzjati għal kirjiet short term

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' postijiet li huma liċenzjati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għal kirjiet short term, f'Malta u Għawdex, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Is-Swieqi – Proprjetajiet spezzjonati mill-MTA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetajiet li ġew spezzjonati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-Swieqi? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-proprjetajiet spezzjonati kienu liċenzjati għal kirjiet short term, u kemm le? F'kull każ, jista’ jgħid kemm instabu każi ta' nuqqas ta' osservanza tal-liġijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din is-sena (sal-ahhar t’Awissu 2026), saru madwar 600 spezzjoni mill-Ufficjali tal-Awtorita’ Maltija ghat-Turizmu fis-Swieqi li primarjament kienu kollha kirjiet short-term. Minn dawn instabu madwar 120 proprjeta’ li kellhom nuqqas ta’ osservanza tal-ligi u li ghaldaqstant ser ikollhom konsegwenzi legali.

MTA – Spezzjonijiet

Question

Fid-dawl ta' dak li rriżulta mill-ispezzjonijiet li għamlet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-Swieqi wara l-inċidenti li nqalgħu, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex spezzjonijiet simili jsiru madwar Malta u Għawdex, imma partikolarment fi nħawi bħal San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, San Ġiljan u Tas-Sliema?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill‑Onorevoli Interpellant li fejn jirrigwardja akkomodazzjoni ta' short lets, l‑Awtorità Maltija għat‑Turiżmu diġà qegħda tagħmel spezzjonijiet fil‑lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex. Fil‑lokalità tas‑Swieqi, bħala proġett pilota, saru spezzjonijiet konġunti bejn l‑Awtorità Maltija għat‑Turiżmu u entitajiet kompetenti oħra relatati ma' infurzar u kontrolli ta' konformità fejn jirrigwardja akkomodazzjoni ta’ short-lets, u din il‑ħidma ġiet sussegwentement estiża għal lokalitajiet oħra fosthom San Ġiljan, Tas‑Sliema u San Pawl il‑Baħar.

L-Imġarr – Qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqatgħet il-provvista tal-elettriku fl-Imġarr, Malta, mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tgħid fejn seħħ il-qtugħ u kemm dam? Tista’ tgħid ukoll x’azzjonijiet ittieħdu sabiex ma jerġax jinqata’ d-dawl f’dawn l-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Enemalta kompliet tinvesti b’mod sostanzjali fit-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni fl-Imġarr matul dawn l-aħħar sentejn. Fost l-oħrajn, tlestew żewġ kilometri ta’ cables ta’ vultaġġ medju ġodda taħt l-art fl-Imġarr bħala parti minn programm nazzjonali ta’ rinfurzar tan-network sabiex tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni. Barra minn hekk, il-lokalità bbenefikat minn investimenti oħrajn fin-network li kienu jinkludu substations ġodda, feeders ġodda u konnessjonijiet alternattivi biex titjieb l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku. F’nofs Lulju u lejn l-aħħar t’Awwissu pajjiżna ffaċċja żewġ mewġiet ta’ sħana estrema li poġġew pressjoni bla preċedent fuq in-network tad-distribuzzjoni, tant li fl-ewwel okkażjoni d-domanda għall-elettriku laħqet livell rekord ta’ 741MW. Din is-sitwazzjoni affettwat l-infrastruttura tal-enerġija, kif ġara anke f’pajjiżi oħra fl-Ewropa. L-impjegati tal-Enemalta ħadmu bla waqfien u mmobilizzaw kull riżorsa biex taw lura l-provvista b’mod sigur u fl-iqsar żmien li kien umanament possibbli. Enemalta se tkompli twettaq aktar investimenti u xogħlijiet ta’ rinfurzar f’partijiet differenti tal-Imġarr bħala parti mill-programm kontinwu tagħha ta’ modernizzazzjoni u tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni, bil-għan li tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tan-network u ttejjeb il-kwalità tal-provvista tal-elettriku għall-konsumaturi fil-lokalità.

Il-Mellieħa – Qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqatgħet il-provvista tal-elettriku fil-Mellieħa mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tgħid fejn seħħ il-qtugħ u kemm dam? Tista’ tgħid ukoll x’azzjonijiet ittieħdu sabiex ma jerġax jinqata’ d-dawl f’dawn l-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Enemalta kompliet tinvesti b’mod sostanzjali fit-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni fil-Mellieħa matul dawn l-aħħar sentejn. Fost l-oħrajn, fl-2025 tlestew madwar erba’ kilometri ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ medju taħt l-art fil-Mellieħa bħala parti minn programm nazzjonali ta’ rinfurzar tan-network sabiex tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni. Barra minn hekk, il-lokalità bbenefikat minn investimenti oħrajn fin-network li kienu jinkludu substations ġodda, feeders ġodda u konnessjonijiet alternattivi biex titjieb l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku. F’nofs Lulju u lejn l-aħħar t’Awwissu 2026 pajjiżna ffaċċja żewġ mewġiet ta’ sħana estrema li poġġew pressjoni bla preċedent fuq in-network tad-distribuzzjoni, tant li fl-ewwel okkażjoni d-domanda għall-elettriku laqħet livell rekord ta’ 741MW. Din is-sitwazzjoni affettwat l-infrastruttura tal-enerġija, kif ġara anke f’pajjiżi oħra fl-Ewropa. F’dan il-perjodu seħħew interruzzjonijiet f’partijiet tal-lokalità l-iżjed fuq partijiet tan-network ta’ vultaġġ baxx. L-impjegati tal-Enemalta ħadmu bla waqfien u mmobilizzaw kull riżorsa biex taw lura l-provvista b’mod sigur u fl-iqsar żmien li kien umanament possibbli. Filwaqt li l-investimenti li saru fuq in-network ta’ vultaġġ medju taw ir-riżultati mistennija u kkontribwew għal sistema aktar reżiljenti u flessibbli, l-Enemalta identifikat il-ħtieġa ta’ aktar interventi mmirati fuq partijiet tan-network ta’ vultaġġ baxx f’partijiet tal-lokalità, li għalihom qed jiġu ppjanati u mwettqa aktar xogħlijiet ta’ rinfurzar.

San Pawl il-Baħar – Qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqatgħet il-provvista tal-elettriku f’San Pawl il-Baħar mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tgħid fejn seħħ il-qtugħ u kemm dam? Tista’ tgħid ukoll x’azzjonijiet ittieħdu sabiex ma jerġax jinqata’ d-dawl f’dawn l-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Enemalta kompliet tinvesti b’mod sostanzjali fit-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni f’San Pawl il-Baħar matul dawn l-aħħar sentejn. Fost l-oħrajn, fl-2025 tlestew madwar 18-il kilometru ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ medju taħt l-art f'San Pawl il-Baħar bħala parti minn programm nazzjonali ta’ rinfurzar tan-network sabiex tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni. Barra minn hekk, il-lokalità bbenefikat minn investimenti oħrajn fin-network li kienu jinkludu substations ġodda, feeders ġodda u konnessjonijiet alternattivi biex titjieb l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku. F’nofs Lulju u lejn l-aħħar t’Awwissu 2026 pajjiżna ffaċċja żewġ mewġiet ta’ sħana estrema li poġġew pressjoni bla preċedent fuq in-network tad-distribuzzjoni, tant li fl-ewwel okkażjoni d-domanda għall-elettriku laqħet livell rekord ta’ 741MW. Din is-sitwazzjoni affettwat l-infrastruttura tal-enerġija, kif ġara anke f’pajjiżi oħra fl-Ewropa. F’dan il-perjodu seħħew interruzzjonijiet f’partijiet tal-lokalità l-iżjed fuq partijiet tan-network ta’ vultaġġ baxx. L-impjegati tal-Enemalta ħadmu bla waqfien u mmobilizzaw kull riżorsa biex taw lura l-provvista b’mod sigur u fl-iqsar żmien li kien umanament possibbli. Filwaqt li l-investimenti li saru fuq in-network ta’ vultaġġ medju taw ir-riżultati mistennija u kkontribwew għal sistema aktar reżiljenti u flessibbli, l-Enemalta identifikat il-ħtieġa ta’ aktar interventi mmirati fuq partijiet tan-network ta’ vultaġġ baxx f’partijiet tal-lokalità, li għalihom qed jiġu ppjanati u mwettqa aktar xogħlijiet ta’ rinfurzar.

Trasport Pubbliku – Rotta 31

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rotta 31 li sservi r-rotta tal-isptar, u li kienet qiegħda tgħaddi minn Triq it-Turisti, f’San Pawl il-Baħar, fil-perjodu meta kien hemm il-pjazza ta’ Buġibba magħluqa, hix ser tkompli taqdi l-inħawi ta’ Triq it-Turisti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, wara diversi suġġerimenti, inkluż dak mill-Kunsill Lokali rispettiv, sabiex ir-rotta 31 tkompli tgħaddi minn Triq it-Turisti, Transport Malta għamlet modifika fis-servizz ta’ din ir-rotta. Ir-rotta 31, li matul il-ħinijiet l-aktar impenjattivi topera bi frekwenza ta’ erba’ vjaġġi fis-siegħa, inqasmet f’żewġ rotot distinti: 31 u 31A. Ir-rotta 31 kompliet tgħaddi minn Triq Ġulju, filwaqt li r-rotta 31A bdiet tgħaddi minn Triq it-Turisti. Kull waħda minn dawn ir-rotot topera bi frekwenza ta’ żewġ vjaġġi fis-siegħa. Dan it-tibdil daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Awwissu 2026.