Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li setgħu jaħdmu – Sena 2025

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4155 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol u jgħid kemm persuni setgħu jaħdmu fl-aħħar tal-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu qegħdin jaħdmu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ persuni li setgħu jaħdmu matul 2025 kien ta’ 339,409. Din il-figura tirreferi għal dawk il-persuni li huma fis-suq tax-xogħol i.e. persuni li jaħdmu jew persuni qegħda (labour supply).  Minn dan l-ammont, in-numru ta’ persuni li kienu qed jaħdmu matul l-istess perjodu kien ta’ 329,283. Iċ-ċifri għat-tieni kwart tas-sena 2026 (li huma l-aħħar ċifri maħruġa minn dan l-Uffiċċju) huma ta’ 351,366 u ta’ 339,935 rispettivament.

Persuni b’diżabilità li setgħu jaħdmu – Sena 2025

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4154 u jgħid kemm persuni b'diżabilità setgħu jaħdmu fl-aħħar tal-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu qegħdin jaħdmu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 5223, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus in-numru ta’ persuni b'diżabilità li kienu qegħdin jaħdmu sal-aħħar ta’ Diċembru 2025 kien ta` 6,016-il persuna. In-numru ta’ persuni b'diżabilità li kienu qegħdin jirreġistraw fuq wieħed mir-reġistri tax-xogħol ma’ Jobsplus sal-aħħar ta` Diċembru 2025 kien ta’ 380 persuna. 214 -il persuna kienu qed ifittxu mpjieg full-time u 166 persuna kienu qed ifittxu mpjieg part-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom.

Awtorità dwar il-mediċini għar-reġistrazzjoni ta’ mediċini – Dħul u miżati pendenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kien id-dħul tal-Awtorità tal-Mediċini, għal dak li jirrigwarda reġistrazzjoni ta’ mediċini fis-snin 2022, 2023, 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm għad fadlilha tiġbor l-istess Awtorità mill-miżati tar-reġistrazzjoni ta’ mediċini, għal reġistrazzjonijiet li saru qabel l-2022, 2023, 2024, 2025 u 2026 separatament għal kull sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-mediċini jiġu rreġistrati permezz ta’ applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, li jiġu pproċessati mill-Awtorità dwar il-Mediċini biss wara li jitħallsu l-miżati applikabbli. Għalhekk, m’hemmx ammonti pendenti relatati mal-miżati tar-reġistrazzjoni. Id-dħul minn applikazzjonijiet ġodda għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq kien is-segwenti: Sena Dħul € 2022 1,919,127.79 2023 1,728,541.91 2024 2,142,745.09 2025 1,975,280.20 2026 (sal-aħħar ta’ Lulju) 1,604,705.00 Wara r-reġistrazzjoni, id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq iħallsu tariffa annwali sabiex l-awtorizzazzjoni tibqa’ valida.

Ħwienet liċenzjati għall-bejgħ ta’ prodotti tal-kannabis u droga oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ ħwienet liċenzjati biex ibiegħu prodotti tal-kannabis u/jew drogi oħra? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalità jinsabu dawn il-ħwienet, lokalità b’lokalità, kemm ilhom liċenzjati u kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni sabiex ikun jista’ jsir dan il-bejgħ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Il-Mellieħa u l-Manikata – Charging points

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4148 dwar charging points fil-Mellieħa u l-Manikata, tista’ l-Ministru tgħid fejn jinsabu t-13-il sit li fihom qed isir xogħol għaċ-charging points? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol f’kull wieħed minn dawn is-siti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-13-il sit fejn qed isir xogħol għaċ-charging poinst ġodda jinsabu fi Triq il-Madonna ta’ Fatima, Triq in-Naħħalija, Triq Ta’ Masrija, Triq il-Fuħħar, Dawret il-Mellieħa, Triq Vincenzo Ciappara, fil-parkeġġ ta’ Little Armier, Triq il-Marfa, Triq Salvu Camilleri, Triq Mons F.Xuereb, Triq il-Marlozz, fil-parkeġġ ħdejn l-Għassa tal-Pulizija fl-Għadira u fil-parkeġġ tar-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay).

Fence ġdid madwar żona

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-iskop li għalih qed isir fence ġdid madwar iż-żona li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Tista’ tgħid ukoll liema partijiet huma mistennija li jkunu magħluqa u minn fejn ser ikunu l-aċċessi għall-istess inħawi wara li jsir il-fence kollu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta qed tinstalla fence ġdid fil-Park Nazzjonali tas-Salina, bil-għan li jissaħħaħ il-ħarsien tal-park, titjieb is-sigurtà tal-viżitaturi u tiġi żgurata ġestjoni aħjar taż-żona, partikolarment barra mill-ħinijiet uffiċjali tal-ftuħ. Bħalissa qed jiġi installat fence fil-parti ta’ fuq tal-park, filwaqt li qed tkun kunsidrata wkoll il-possibbiltà li l-ilqugħ jiġi estiż mal-ġnub u ssir il-manutenzjoni meħtieġa tal-fence eżistenti. Dawn l-interventi huma intiżi wkoll għal prevenzjoni ta’ atti ta’ vandaliżmu u biex l-infrastruttura u l-ambjent tal-Park Nazzjonali tas-Salina jkunu mħarsa aħjar. Fir-rigward tal-aċċess, se jinżammu l-punti ta’ aċċess eżistenti sabiex il-pubbliku jibqa’ jista’ jaċċessa l-park matul il-ħinijiet uffiċjali tal-ftuħ. L-aċċessi jingħalqu wara l-ħin uffiċjali tal-għeluq bħala parti mill-miżuri ta’ sigurtà u ħarsien tas-sit.

Jobsplus – Impjieg ta’ persuni b’diżabilità – Skemi u għajnuniet finanzjarji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1742, dwar inċentivi li Jobsplus joffru lill-employers sabiex jinkoraġġixxu l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità, jista’ l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw kumpaniji minn kull waħda mill-iskemi msemmija fl-istess tweġiba, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u skema, skema?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4973, qed nipprovdi lill-Onorevoli Interpellant tabella li turi n-numru ta’ employers li bbenefikaw mill-iskemi u l-miżuri msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1742. It-tabella hija maqsuma sena b’sena, għas-snin 2024, 2025 u 2026 sal-aħħar ta’ Ottubru 2026. In-numru ta’ employers uniċi huwa kkalkulat separatament għal kull skema/miżura u għal kull sena. Għaldaqstant, l-istess employer seta’ bbenefika minn aktar minn skema/miżura waħda fl-istess sena, kif ukoll matul snin differenti. Skema /Miżura 2024 2025 2026 s’ Ottubru Employers Uniċi Numru tad-drabi Employers Uniċi Numru tad-drabi Employers Uniċi Numru tad-drabi Inċentiv Fiskali 106 259 117 283 127 324 Eżenzjoni mill-KSS 325 581 290 546 307 544 Bridging the Gap Scheme 32 32 13 13 9 9 Job Carving 111 173 103 176 66 106 Job Coaching 211 402 196 379 205 375 I nċentiv Fiskali - In-numru ta’ drabi jindika n-numru ta’ persuni b’diżabilità li għalihom ingħata l- Inċentiv Fiskali. Eżenzjoni Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali - In-numru ta’ drabi jindika n-numru ta’ persuni b’diżabilità li għalihom ingħatat din l-eżenzjoni. Bridging the Gap Scheme – In-numru ta’ persuni b’diżabilità li bbenefikaw huwa uniku. Job Carving - In-numru ta’ drabi jindika n-numru ta’ persuni b’diżabilità li ġew impjegati ma’ dawn l-employers. Job Coaching -In-numru ta’ drabi jindika n-numru ta’ interventi ta’ sapport li bbenefikaw minnhom il-persuni jew impjegati b’diżabilità fuq il-post tax-xogħol ma’ dawn l-employers.  It-tul ta’ żmien li għalih jingħata s-sapport dejjem ikun skont il-ħtiġijiet individwali.

Speed cameras – L-ogħla speed li ntlaħaq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-ogħla speed li ntlaħaq minn kull waħda mill-ispeed cameras li hawn f’pajjiżna matul is-sena 2026?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Ottubru 2026, l-ogħla veloċitàjiet rreġistrati kienu jvarjaw bejn 100 u 157 km fis-siegħa.

Selmun Palace Hotel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4066 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi u jgħid fiex wasal il-proċess biex Selmun Palace Hotel ma tibqax abbandunata u x’tip ta’ sigurtà hemm ipprovduta preżentement f’din l-istess lukanda?

Response (BONNICI, OWEN)

Waqt li nirreferi lill-Oneroveli Interpellanta għal dak li ntqal fil-Budget 2026 dwar dan is-sit, ninforma lis-sigurtà hija fuq bażi ta 24 siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd.

Speed cameras – Kalibrazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4067 u ċjoè iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2957 fl-intier tagħha u jgħid meta l-aħħar li ġew kalibrati kull waħda mill-ispeed cameras imsemmija fl-istess tweġiba?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Awtorità tal-Ippjanar - Applikazzjonijiet approvati - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1795, 3146 u 3922 u jgħid x’inhu l-ammont ta’ fondi miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-applikazzjonijiet li ġew approvati fil-passat? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-fondi għal kull lokalità f’Malta u f’Għawdex u kemm kienu f’Diċembru 2024 u f’Diċembru 2025? Jista’ jieħu l-passi neċessarji biex jinbidlu l-kriterji li fuqhom il-kunsilli lokali jistgħu jaċċessaw dawn il-fondi biex bihom ikunu jistgħu jwettqu bosta xogħlijiet li sal-lum mhux permess li jwettqu skont il-kriterji ta’ użu ta’ dawn il-fondi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Baġit 2027 – Professional Services – Allokazzjoni finanzjarja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għaliex l-allokazzjoni finanzjarja għal-Line Item 31 Professional Services tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat żdiedet minn €95,000 (sena 2026) għal €300,000 (sena 2027)?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, kif diġà ġie indikat, l-Estimi Finanzjarji tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra, u li d-diskussjoni dwar l-Estimi Finanzjarji relatati mal-Ministeru ser issir fis-16 ta’ Novembru 2026, hekk kif stipulat fil-Mozzjoni Nru 70, Mozzjoni ta’ Proċedura li tirregola s-seduti konnessi mal-Estimi Ġenerali, diskussa fis-Seduta Nru 25 tal-20 ta’ Ottubru 2026.

Teknoloġija assistiva – Xiri ta’ programmi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi programmi jeżistu għal xiri ta’ teknoloġija assistiva? Tista’ tgħid ukoll x’apparat jista’ jinxtara permezz ta’ dawn il-programmi u kemm ilhom fis-seħħ dawn il-programmi?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Access to Communication and Technology Unit (ACTU) ilha tagħmel parti mill-Aġenzija Sapport mill-2019. L-għan tal-ACTU huwa li tagħmel l-assessjar tal-persuni li jkollhom bżonn dan is-servizz, sabiex jiġu rrakkomandati soluzzjonijiet li jippermettu lill-individwu jikkomunika jew jaċċessa l-ambjent ta’ madwaru. Fir-rigward tal-għajnuna finanzjarja, il-persuni jiġu gwidati dwar l-iskemi ta’ finanzjament disponibbli. Fost l-inizjattivi disponibbli hemm ukoll ftehim li permezz tiegħu jiġi pprovdut apparat mingħajr ħlas lill-benefiċjarji, fejn il-finanzjament jinqasam fuq bażi ta’ 50% mill-Gvern u 50% mill-Malta Trust Foundation. Barra minn hekk, hemm ukoll l-Empowerment Scheme, li hija amministrata mill-Aġenzija Sapport u li tipprovdi appoġġ lill-persuni eliġibbli fl-akkwist ta’ apparat u soluzzjonijiet assistivi. F’Malta jeżistu wkoll servizzi oħra speċjalizzati fit-teknoloġija assistiva li jikkomplementaw is-servizzi offruti mill-ACTU. Eżempju ta’ dan huwa l-Foundation for Information Technology Accessibility (FITA), li tipprovdi teknoloġija assistiva u soluzzjonijiet ta’ aċċessibbiltà diġitali għal persuni neqsin mid-dawl jew għomja.

Baġit 2027 – Contractual Services – Allokazzjoni finanzjarja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għaliex l-allokazzjoni finanzjarja għal-Line Item 30 - Contractual Services tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat żdiedet minn €150,000 (sena 2026) għal €250,000 (sena 2027)?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, kif diġà ġie indikat, l-Estimi Finanzjarji tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra, u li d-diskussjoni dwar l-Estimi Finanzjarji relatati mal-Ministeru ser issir fis-16 ta’ Novembru 2026, hekk kif stipulat fil-Mozzjoni Nru 70, Mozzjoni ta’ Proċedura li tirregola s-seduti konnessi mal-Estimi Ġenerali, diskussa fis-Seduta Nru 25 tal-20 ta’ Ottubru 2026.

Baġit 2027 – Repair and Upkeep – Allokazzjoni finanzjarja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għaliex l-allokazzjoni finanzjarja għal-Line Item 23 - Repair and Upkeep tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat żdiedet minn €3,000 (sena 2026) għal €30,000 (sena 2027)?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, kif diġà ġie indikat, l-Estimi Finanzjarji tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra, u li d-diskussjoni dwar l-Estimi Finanzjarji relatati mal-Ministeru ser issir fis-16 ta’ Novembru 2026, hekk kif stipulat fil-Mozzjoni Nru 70, Mozzjoni ta’ Proċedura li tirregola s-seduti konnessi mal-Estimi Ġenerali, diskussa fis-Seduta Nru 25 tal-20 ta’ Ottubru 2026.

Vittmi tat-Thalidomide

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ħlas totali li ser ikun qed iħallas il-Gvern lill-vittmi tat-Thalidomide kull sena? Tista’ tgħid ukoll jekk l-iskema għall-vittmi tat-Thalidomide hux ser terġa’ tiftaħ fis-sena 2027?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-ammont totali ta’ €1,147,987.62 ingħata bħala kumpens mill-Gvern lill-vittmi tat-Thalidomide. Dan l-ammont huwa maqsum kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: L-Ewwel Sejħa €1,086,008.62 Rendikont dettaljat ta’ din l-informazzjoni jinsab fit-tweġiba għall-PQ 25796 It-Tieni Sejħa €61,979 Is-sejħa maħruġa aktar kmieni din is-sena kienet it-tieni u l-aħħar sejħa, fejn biha kwalifikaw żewġ persuni oħra.

Servizzi diretti għall-persuni b’diżabilità – Fondi allokati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-fondi allokati għall-2026 effettivament intefqu fuq servizzi diretti għall-persuni b’diżabilità?

Response (FARRUGIA, JULIA)

B’żieda mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4601, ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, peress li s-sena kurrenti (2026) għadha għaddejja, l-informazzjoni mitluba tkun tista’ tiġi pprovduta aktar ’il quddiem.

Ministeru tal-Inklużjoni u l-Volontarjat – Fondi allokati għad-diżabilità u għall-volontarjat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm mid-€69 miljun li ġew allokati għall-Ministeru tal-Inklużjoni u l-Volontarjat għas-sena 2026 ġew allokati speċifikament għad-diżabilità u kemm ġew allokati speċifikament għall-volontarjat?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għall-Estimi Finanzjarji tal-Baġit, li diġà tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-front ta’ Buġibba - Sistema tad-drenaġġ - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jsir ix-xogħol meħtieġ fuq is-sistema tad-drenaġġ fuq il-front ta’ Buġibba, bejn Triq San Xmun u Triq ix-Xitwa, biex jiġi assigurat li l-ħsara li hemm tiġi msewwija kemm jista’ jkun malajr?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rriżultalhiex li kien hemm ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ fiż-żona indikata.

Proġett ta’ Ċentru ta’ Filgħaxija

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' Ċentru ta' Filgħaxija li tħabbar fl-aħħar baġit u tagħti aktar dettalji dwar dan il-proġett?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li ċ-ċentru ta’ filgħaxija se jkun proġett pilota li, għall-ewwel darba, se joffri servizz lil persuni b’diżabilità li jgħixu fil-komunità u li ma jattendux ċentru ieħor ta’ matul il-jum. F’dan iċ-ċentru se jiġu offruti diversi programmi mmirati biex jappoġġjaw lill-persuni b’diżabilità fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-abbiltajiet tagħhom, skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom. Bħalissa, it-tender relatat mal-ingaġġ tal-ħaddiema meħtieġa għall-operat ta’ dan iċ-ċentru jinsab fl-istadju tal-pubblikazzjoni.