Awtorità independenti dwar id-drittijiet tal-bniedem
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-pjan li jkun hemm awtorità independenti dwar id-drittijiet tal-bniedem, liema awtorità jkollha:
i. saħħa kostituzzjonali u li tirrapporta direttament lill-Parlament u mhux lill-Ministru;
ii. jinġabru fi ħdanha l-kummissarji kollha li b’xi mod jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u
iii. li jkollha l-istess tifsila li għandu l-Uffiċċju tal-Ombudsman li fi ħdan dan l-uffiċċju hemm tliet kummissarji?
Jekk diġà hemm dan il-pjan, jista’ jagħti iktar dettalji?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif imwiegħed fil-manifest elettorali Malta Flimkien, il-Gvern jinsab għaddej bil-ħidma tiegħu sabiex jimplimenta pakkett leġiżlattiv bla preċedent li jafferma l-prinċipji ewlenin ta’ x’nifhmu b’ugwaljanza f’pajjiżna. Dan il-pakkett leġiżlattiv jagħti funzjonijiet ġodda lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza biex tevolvi f’Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, b’iktar garanziji ta’ indipendenza u awtonomija. Fl-istess waqt ser jinħolqu strutturi legali ġodda li b’rispett lejn il-Kostituzzjoni, ikollhom l-għan li jagħtu rimedji iktar effettivi, iktar spediti u aħjar meta jiġi ppruvat li xi ħadd sofra ksur inġust tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Huwa maħsub li l-Kummissjoni tmexxi Kumitat Konsultattiv Permanenti li jkun magħmul minn Kummissarji li b’xi mod jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem. Dan ikun qed isir biex ikun hemm element b’saħħtu ta’ koordinazzjoni u koerenza fit-tisħieħ tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżna.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11220 fejn jingħad li jekk ‘aġenzija Identità tirċievi rapport sostanzjat dwar allegat abbuż, isiru l-verifiki meħtieġa u tittieħed l-azzjoni neċessarja’, jista’ l-Ministru jgħid kemm l-aġenzija Identità irċeviet rapporti ta’ sfruttament ta’ immigranti minn pajjiżi terzi, maqsuma sena b'sena, mill-2013 sal-aħħar tas-sena 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu sostanzjati u investigati, sena b'sena, mill-2013 sa l-aħħar tas-sena 2023?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Aġenzija Identità tinvestiga kwalunkwe rapport li jidħlilha.
Infurmat ukoll li t-Taqsima tal-Compliance twaqqfet reċentement fi ħdan din l-Aġenzija, u matul is-sena 2023 fetħet 197 investigazzjoni li minnhom 122 huma magħluqa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti li kienu qed jistennew l-akkomodazzjoni soċjali sal-aħħar tas-sena 2023 u jekk dan in-numru jinkludix persuni li ġew imwiegħda akkomodazzjoni soċjali sal-aħħar elezzjoni ġenerali u li s’issa għadhom ma’ daħlux fil-post tal-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-31 ta’ Diċembru 2023, l-Awtorità tad-Djar kellha 1553 applikant fuq il-lista ta’ stennija. Din il-figura ma tinkludix dawk l-applikanti li qed jistennew sabiex jidħlu fil-proprjetà allokata lilhom.
Akkomodazzjoni soċjali – Lista ta’ stennija — Minorenni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm minorenni mal-applikanti adulti li kienu qed jistennew l-akkomodazzjoni soċjali sal-aħħar tas-sena 2023?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sal-31 ta’ Diċembru 2023, l-Awtorità tad-Djar kellha 1206 minorenni mal-applikanti adulti fuq il-lista ta’ stennija.
L-Imsida u s-Siġġiewi — Proġett tal-akkomodazzjoni soċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser ikun lest il-proġett tal-akkomodazzjoni soċjali tal-Imsida, kif ukoll tas-Siġġiewi ta’ bejn Triq l-Imdina u Triq Nikol Zammit?
Response (GALDES, RODERICK)
Il-proġetti tal-akkomodazzjoni soċjali ġewwa l-Imsida u s-Siġġiewi jagħmlu parti mill-ikbar investiment ta’ bini ta’ akkomodazzjoni socjali li qatt ra l-pajjiż. Investiment ta’ aktar minn €130 miljun li se jirriżultaw f’madwar 1,700 appartament fi 13-il lokalità. Dan ifisser 1,700 saqaf diċenti u dinjituż għal familji bi bżonnijiet soċjali. Dan l-ikbar investiment fl-aħħar sena beda jħalli l-frott. Fl-2023 biss ftaħna 4 proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali li jfissru li kważi 70 familja llum għandhom saqaf fuq rashom.
Din il-ħidma kompliet din is-sena hekk kif ġimgħa oħra tinfetaħ il-binja ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Kirkop u fil-ġimgħat li ġejjin isegwu proġetti oħrajn inkluż tas-Siġġiewi u tal-Imsida. Dan tal-aħħar se jkun l-ikbar binja ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-pajjiż, b’112-il appartament b’investiment ta’ kwazi €10 miljun.
Dak li nwiegħdu, inwettquh.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjani biex f’pajjiżna jkollna servizz professjonali u aċċessibli ta’ tradutturi (translators) biex ħaddiema fis-servizz pubbliku, fil-qasam tas-saħħa, edukazzjoni, soċjali u legali jkunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv ma’ min qed jirċievi s-servizz?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Is-settur pubbliku jieħu inizjattivi kontinwi biex isaħħaħ is-servizz li joffri lill-klijenti tiegħu.
L-inizjattivi meħtieġa jvarjaw skont il-każ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjani biex f’pajjiżna jkollna servizz professjonali u aċċessibli ta’ tradutturi (translators) biex ħaddiema fis-servizz pubbliku, fil-qasam tas-saħħa, edukazzjoni, soċjali u legali jkunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv ma’ min qed jirċievi s-servizz?
Response (ABELA, ROBERT)
Is-settur pubbliku jieħu inizjattivi kontinwi biex isaħħaħ is-servizz li joffri lill-klijenti tiegħu.
L-inizjattivi meħtieġa jvarjaw skont il-każ.
Il-qtil ta’ Karin Grech — Investigazzjoni tal-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Karin Grech għadhiex miftuħa jew le? Jekk magħluqa, jista’ jgħid meta ngħalaq il-każ uffiċjalment u għalfejn ingħalaq?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant investigazzjonijiet f’allegati illegalitajiet isiru mill-istituzzjonijiet relevanti li jaħdmu lil hinn mill-politiku. Infurmat li bħala regola ġenerali każ ma jkunx magħluq jekk ma jkunx solvut.
Il-qtil ta’ Karin Grech — Investigazzjoni tal-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma:
i. jekk l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Karin Grech għadhiex miftuħa jew le?
ii. jekk magħluqa, meta ngħalaq il-każ uffiċjalment?
iii. għalfejn ingħalaq il-każ?
iv. jekk tressqu persuni l-Qorti f’dan il-każ, meta sar dan?
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni uffiċjali tad-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-allegati pushbacks tal-immigranti li qed isiru mill-Gvern Malti fiż-żona tas-salvataġġ (SAR) li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Malti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. interpellant li hekk kif diġà ġie spjegat tant u tant drabi, hemm distinzjoni bejn l-ibħra territorjali u ż-żona ta' tiftix u salvataġġ fl-ibħra internazzjonali. L-awtoritajiet Maltin jaqdu d-doveri tagħhom skont il-liġijiet internazzjonali applikabbli u huwa ħasra li l-Oppożizzjoni tinqeda fuq rapporti mhux sostanzjati, ħafna drabi miġjuba mill-media soċjali, sabiex ittappan jew tostakola il-ħidma kbira tal-Forzi Armati ta' Malta.
Nixtieq ukoll niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li d-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa parti mill-istruttura governattiva tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u allura ma' għandux pożizzjoni distinta minn dik addottata mill-Gvern.
Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem — Dritt tas-sidien tal-proprjetà li jgawdu l-proprjetà tagħhom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni uffiċjali tad-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-diversi sentenzi mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt tas-sidien tal-proprjetà li jgawdu l-proprjetà tagħhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa parti mill-istruttura governattiva tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u allura ma' għandux pożizzjoni distinta minn dik addottata mill-Istat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13003 u jgħid liema huma l-pajjiżi li hemm ftehim magħhom biex ikunu jistgħu jiġu adottati tfal minnhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-pajjiżi li magħhom fil-preżent hemm ftehim magħhom għall-addozzjoni huma:
· Il-Portugal;
· L-Indja;
· Is-Slovakkja;
· Il-Kolombja;
· Il-Polonja;
· Il-Bulgarija; u
· Il-Vjetnam.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistosqija parlamentari 13005 u jgħid jekk hemmx pajjiżi li għaddejjin diskussjonijiet magħhom biex ikunu jistgħu jiġu adottati tfal minnhom, inkluż minn koppji tal-istess sess?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kien hemm diversi laqgħat fir-rigward il-possibilità li jibdew isiru addozzjonijiet mill-Istati Uniti, iċ-Ċilì, u s-Serbja. Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, kull pajjiż għandu l-liġijiet tiegħu fir-rigward jekk jitħallewx li jsir addozzjonijiet minn koppji tal-istess sess.
Adozzjonijiet – Tfal li kienu taħt kura alternattiva
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13006 u jgħid kemm kien hemm tfal li kienu taħt kura alternattiva u li ġew adottati minn mindu daħal fis-seħħ l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), Kap. 602 tal-Liġijiet ta’ Malta, maqsuma sena b’sena?
Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem — Dritt tal-espressjoni ħielsa ta’ kull ċittadin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni uffiċjali tad-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt tal-espressjoni ħielsa ta’ kull ċittadin fid-dawl ta’ statistika riċenti mill-Ewrobarometru fejn tindika li madwar 47% tal-Maltin jemmnu li jekk jesprimu l-opinjoni politika tagħhom jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi u fid-dawl li din hija t-tieni l-għola rata fl-Unjoni Ewropea wara l-Ungerija, jista’ l-Ministru jgħid x’ser jagħmel id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jindirizza din il-problema?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru jirrispetta l-opinjoni ta’ kull min ipparteċipa fl-istħarriġ indikat minnha. Id-dritt tal-espressjoni huwa garantit mill-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li hija parti mil-Liġijiet ta’ Malta. Id-dmir tad-Direttorat huwa li jieħu pożizzjoni fuq il-fatti u mhux fuq opinjonijiet jew possibiltajiet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni jfittxu l-ażil f’Malta bħalissa u jagħti l-informazzjoni skont il-livell ta’ protezzjoni (jew applikazzjonijiet rifjutati), il-ġeneru, hux minorenni jew le, minn liema pajjiżi u l-persentaġġi minn kull pajjiż?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi fl-2023 l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali rċeviet total ta’ 491 applikazzjoni ġdida. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra analisi skont in-nazzjonalità u l-ġeneru tan-nies li talbu l-ażil fl-2023.
Matul l-istess perjodu, l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali kompliet bil-proċess sabiex jinqata' backlog tal-passat u ħarġet total ta’ 2205 deċiżjoni fuq applikazzjonijiet għall-ażil.
Minn dawn, 327 kienu deċiżjonijiet pożittivi filwaqt li 715 kienu applikazzjonijiet li ġew rifjutati fuq il-mertu. L-1163 applikazzjoni oħra jew twaqqfu, jew ingħalqu bħala inammissibbli, jew tqiesu li ma kinux ir-responsabbiltà ta’ Malta, jew huma każijiet ta’ nies li tneħħitilhom il-protezzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti ta’ vjolenza domestika mill-2018 sal-aħħar tas-sena 2023, maqsuma sena b’sena u skont il-ġeneru?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-informazzjoni mitluba hija skond it-tabella annessa.
Year
Numru ta’ Rapporti
Total ta’ Vittmi femminili
Total ta’ vittmi maskili
Total kollu ta’ Vittmi
2018
1341
1182
364
1546
2019
1325
1128
404
1532
2020
1645
1373
467
1840
2021
1741
1414
518
1932
2022
1828
1452
578
2030
2023
2071
1640
604
2244
Fid-dawl tar-Rapport Annwali 2022 tal-Kummissarju kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika, fejn f’paġna 26 jagħmel referenza għat-13-il rakkomandazzjoni tal-GREVIO, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-11-il rakkomandazzjonijiet li ġew imwettqa u liema huma t-tnejn ‘in-process’ u l-waħda ‘pending‘? Jista’ jgħid ukoll x’inhi d-differenza bejn ‘in process’ u ‘pending’?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma l-Onor. Interpellant li qiegħed inressaq l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.