Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti nisa u kemm studenti rġiel irreġistrati f’korsijiet STEM fl-aħħar sena akkademika?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li t-total ta’ studenti rreġistrati fil-korsijiet ta’ STEM hemm total ta’ 17,944 student. Minn dawn 8,266 huma persuni tas-sess femminili, filwaqt li 9,669 huma tas-sess maskili u 9 huma reġistrati bħala X/ oħrajn.
Jista’ l-Ministru jgħid liema programmi qed jiġu implimentati biex jiżdied is-sehem tan-nisa f’oqsma tax-Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika (STEM)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għall-Programmi STEM u VET jippromwovi l-parteċipazzjoni tal-bniet u n-nisa fi STEM permezz ta’ inizjattivi inklussivi u esperjenzi ta’ tagħlim ta’ kwalità. Fost dawn hemm
Tween4STEAM
, li evolva mill-programm
Girls4STEM
biex jilqa’ lill-istudenti kollha filwaqt li jkompli jinkoraġġixxi l-involviment tal-bniet fi STEAM.
Programmi oħra bħal
tiny TEEN Science Café
,
Teen Science Café
,
CodeSprint
,
Digital Wave
,
Primary Science Fair
,
X’hemM?
, u
Thematic STEM Debate
jipprovdu opportunitajiet awtentiċi ta’ tagħlim, jippromwovu role models f’STEM, jisfidaw l-istereotipi tal-ġeneru u jsaħħu l-kunfidenza tal-istudenti.
Id-Direttorat jinvolvi wkoll lill-ġenituri permezz ta’ inizjattivi bħal
Breakfast STEM PD
u jiżgura li l-kurrikulu, l-assessjar u r-riżorsi edukattivi jkunu ħielsa minn preġudizzji relatati mal-ġeneru. Dawn huma biss parti mill-ħidma usa’ tad-Direttorat biex jippromwovi l-ekwità u l-kwalità fl-edukazzjoni STEM.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw intrapriżi żgħar u medji (SMEs) minn skemi ta’ għajnuna ekonomika matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant tispecifika ghal liema mizura qeghda tirreferi.
Negozji żgħar u medji - Opportunitajiet ugwali għall-appoġġ - Miżuri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex negozji żgħar u medji jkollhom opportunitajiet ugwali għall-appoġġ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Malta Enterprise tiżgura li l-miżuri u l-iskemi tagħha jkunu aċċessibbli għal negozji żgħar u medji, sabiex dawn ikollhom opportunitajiet ugwali għall-appoġġ mill-inċentivi offruti. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċessi ta’ applikazzjoni huma mfassla biex jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tal-intrapriżi, filwaqt li jiġi żgurat aċċess ġust għall-għajnuna disponibbli.
Il-Malta Enterprise toffri wkoll servizzi ta’ one-stop shop permezz tal-Business First (inizjattiva bejn il-Malta Enterprise u l-Malta Chamber of SMEs) fejn jingħataw pariri dwar is-servizzi offruti minn entitajiet differenti.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm organizzazzjonijiet volontarji applikaw għal fondi pubbliċi u kemm-il applikazzjoni ġiet approvata matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 239.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet qed jittieħdu biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi li jaffettwaw lit-tfal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru jibqa' impenjat li jnaqqas l-inugwaljanzi li jaffettwaw lit-tfal billi primarjament jiżgura aċċess aktar ugwali għal servizzi essenzjali bħall-edukazzjoni, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali u l-appoġġ lill-familji.
F'dan il-kuntest, qed jiġu implimentati:
- Il-Qafas ta’ Politika għat-Tfal 2024-2030 li huwa mfassal biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja, id-drittijiet, u l-benesseri tat-tfal kollha;
- L-iStrateġija Nazzjonali għal Aktar Tnaqqis tal-Faqar u l-Inklużjoni Soċjali 2025-2035 li għandha l-għan li tnaqqas ir-rata ta' riskju ta' faqar (AROPE) bi 3.1% u tnaqqas il-faqar tat-tfal b'6% sal-2030;
- Il-Pjan Soċjali għall-Familja 2025-2030.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux strateġija nazzjonali speċifika dwar l-ugwaljanza soċjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-promozzjoni tal-ugwaljanza soċjali hija indirizzata b'mod trasversali permezz ta' diversi strateġiji, politiki u pjanijiet ta' azzjoni, li flimkien għandhom l-għan li jnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, isaħħu l-opportunitajiet indaqs u jtejbu l-benesseri tal-individwi u tal-familji. Fost dawn hemm:
Il-Viżjoni Soċjali għal Malta 2035: Insawru l-Futur tas-Soċjetà Tagħna, li tistabbilixxi viżjoni fit-tul għal soċjetà aktar ġusta, inklużiva u reżiljenti, ibbażata fuq il-benesseri, l-opportunitajiet indaqs u l-koeżjoni soċjali;
L-Istrateġija Nazzjonali għal Aktar Tnaqqis tal-Faqar u l-Inklużjoni Soċjali 2025–2035, li tipprovdi qafas komprensiv biex jitnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali permezz ta' miżuri li jsaħħu l-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa u l-akkomodazzjoni;
Il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal (2022–2030), li għandu l-għan li jiżgura li tfal f’sitwazzjoni vulnerabbli jkollhom aċċess ugwali għal edukazzjoni u kura bikrija ta' kwalità, kura tas-saħħa, nutrizzjoni adegwata u akkomodazzjoni xierqa;
Il-Qafas ta' Politika għat-Tfal 2024–2030, li jippromwovi d-drittijiet, il-protezzjoni, il-parteċipazzjoni u l-benesseri tat-tfal, filwaqt li jsaħħaħ l-appoġġ lill-familji;
L-Istrateġija Nazzjonali għall-Kapaċità Finanzjarja 2022–2025, li għandha l-għan li ttejjeb il-litteriżmu finanzjarju u tgħin lill-individwi u lill-familji jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji aktar infurmati u sostenibbli.
Il-Pjan Soċjali għall-Familja 2025–2030, li jipprovdi qafas ta' politika biex isaħħaħ il-benesseri tal-familji, jappoġġja r-reżiljenza tagħhom tul il-kors tal-ħajja u jippromwovi servizzi aktar koordinati u aċċessibbli.
Dawn il-politiki u l-istrateġiji huma kumplimentari u flimkien jiffurmaw il-qafas strateġiku tal-Gvern għall-promozzjoni tal-ugwaljanza soċjali, billi jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, isaħħu l-inklużjoni u jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal opportunitajiet, servizzi u appoġġ skont il-ħtiġijiet tiegħu.
Żgħażagħ li bbenefikaw minn skemi ta’ għajnuna għall-ewwel dar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna żagħżugħa bbenefikat minn skemi ta’ għajnuna għall-ewwel dar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni meħtieġa tinsab fit-tabella li qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni miġbura tkopri minn mindu ġew varati l-iskemi u l-età ta’ żagħżugħa meħuda hija ta’ 30 sena ’l isfel.
Akkomodazzjoni soċjali – Applikazzjonijiet miċħuda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali ġiet miċħuda matul l-aħħar tliet snin, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni dwar in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-Akkomodazzjoni Soċjali li ġew miċħuda matul l-aħħar tliet snin qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-akkomodazzjoni għal kulħadd?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Awtorità tad-Djar twettaq attivitajiet ta’ outreach ma’ NGOs u entitajiet oħra, bil-għan li l-professjonisti jkunu infurmati dwar il-proċeduri u l-assistenza li jistgħu jipprovdu lill-klijenti tagħhom matul il-proċess kollu, mill-istadju tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni ’l quddiem. Parti integrali mill-outreach isir ukoll ma’ individwi fil-kommunitajiet bl-għan li nżidu l-għarfien dwar is-servizzi offruti mill-Awtorità tad-Djar.
Diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru – Każijiet irrappurtati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru matul l-aħħar sena u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CUTAJAR, ROSIANNE)
Ninforma lill-Onor Interpellanta li din l-informazzjoni tkun ippubblikata fir-Rapport Annwali tal-NCPE. Infurmata li kopja tar-Rapport Annwali tal-2025 diġa tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li permezz tal-Implimentazzjoni ta’ LN 173/202 idaħħlu l-Equal Pay(Transparency and Reporting) Regulations 2026 il-Gvern kien attiv biex jassigura li titnaqqas jew addiritura tiġi eliminata tali differenza.
Jista’ l-Prim Ministru jindika x’inhuma l-aħħar statistiċi dwar id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fis-settur pubbliku u dak privat?
Response (ABELA, ROBERT)
Nirreferi lill-Onor Interpellanta għar-rapport tal-Eurostat li ħareġ fi Frar li għadha fejn jirriżulta li Malta għandha fost lanqas rata ta' diskrepanza fil-pagi skont il-ġeneru fl-Unjoni Ewropea fejn qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.Dan jinsab ukoll fid-dominju pubbliku :
https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/sdg_05_20/default/table?lang=en&category=eq.eq_labour_earn.eq_gpgr