Legislature:
Category:
Reset
Active:

Identità — Taqsima tal-Compliance – Investigazzjonijiet magħluqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14317, fejn intqal: “Infurmat li l-Aġenzija Identità tinvestiga kwalunkwe rapport li jidħlilha. Infurmat ukoll li t-Taqsima tal-Compliance twaqqfet reċentement fi ħdan din l-Aġenzija, u matul is-sena 2023 fetħet 197 investigazzjoni li minnhom 122 huma magħluqa”, jista’ l-Ministru jgħid xi jfisser li investigazzjoni tkun ingħalqet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li jekk it-Taqsima tal-Compliance tara li hemm provi biżżejjed u lok sabiex jingħata l-każ lill-awtoritajiet kompetenti skont l-każ. F’dan il-każ l-investigazzjoni min-naħa tat-Taqsima tal-Compliance tkun eżawrita, jiġifieri ma jkunx għad fadal xi jsir bħala ġbir ta’ provi, u din tkun ikkunsidrata bħala magħluqa. F’każ li ma jkunx hemm provi biżżejjed, dak il-każ ikun ikkunsidrat bħala magħluq sakemm jinstabu provi ġodda u allura f’dawk iċ-ċirkostanzi, il-każ jerġa’ jinfetaħ.

Identità — Taqsima tal-Compliance – Investigazzjonijiet magħluqa – Passi meħuda

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14317, fejn intqal: “Infurmat li l-Aġenzija Identità tinvestiga kwalunkwe rapport li jidħlilha. Infurmat ukoll li t-Taqsima tal-Compliance twaqqfet reċentement fi ħdan din l-Aġenzija, u matul is-sena 2023 fetħet 197 investigazzjoni li minnhom 122 huma magħluqa”, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu wara li investigazzjoni tkun ingħalqet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17475.

Identità — Taqsima tal-Compliance – Każijiet irrapurtati lill-pulizija jew entitajiet oħra

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14317, fejn intqal: “Infurmat li l-Aġenzija Identità tinvestiga kwalunkwe rapport li jidħlilha. Infurmat ukoll li t-Taqsima tal-Compliance twaqqfet reċentement fi ħdan din l-Aġenzija, u matul is-sena 2023 fetħet 197 investigazzjoni li minnhom 122 huma magħluqa”, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-każijiet ġew irrapurtati lill-pulizija jew entitajiet oħra? Jista’ jgħid ukoll liema kienu dawn l-entitajiet f’numri f’persentaġġi minn dawn il-122 każ magħluq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li mill-122 każijiet magħluqa, 56 każ għaddew lil entitajiet oħra. Minn dawn 46 ġew irrappurtati lill-pulizija u 10 lil Jobsplus.

Identità — Taqsima tal-Compliance – Miżuri ta’ protezzjoni għall-immigranti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14317, fejn intqal: “Infurmat li l-Aġenzija Identità tinvestiga kwalunkwe rapport li jidħlilha. Infurmat ukoll li t-Taqsima tal-Compliance twaqqfet reċentement fi ħdan din l-Aġenzija, u matul is-sena 2023 fetħet 197 investigazzjoni li minnhom 122 huma magħluqa”, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu biex dawn l-immigranti jkunu protetti, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li l-visa tagħhom tkun marbuta ma’ employers li jista’ jkun qed jisfruttahom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Aġenzija Identità tagħti ktejjeb informattiv lil kull applikant tas-Single Permit li jingħata l-Permess ta’ Residenza biex ikun jista’ jaħdem u jgħix f’Malta. F’dan il-ktejjeb detentur tal-Permess ta’ Residenza għandu linji gwida neċessarji għalih dwar dawk li huma drittijiet tiegħu bħala impjegat f’Malta, kif ukoll l-obbligi tiegħu. Infurmat ukoll li l-Aġenzija twettaq għadd ta’ spezzjonijiet fuq diversi postijiet tax-xogħol, fosthom f’siti ta’ kostruzzjoni u stabbilimenti varji sabiex jiġi żgurat li ma jkunx qed isir sfruttament ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi. Kemm-il darba jkun hemm suspett ta’ abbuż jiġu innotifikati entitajiet oħra konċernati fosthom Jobsplus, DIER u Pulizija sabiex jittieħdu passi ulterjuri. Fejn jirriżulta li hemm abbuż, il-persuni konċernati jingħataw gwida u għajnuna sabiex ikun assigurat li l-preżenza tagħhom f’Malta tkun waħda legali.

Identità — Taqsima tal-Compliance – Konsegwenza għal sidien ta’ kerrejja

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14317, fejn intqal: “Infurmat li l-Aġenzija Identità tinvestiga kwalunkwe rapport li jidħlilha. Infurmat ukoll li t-Taqsima tal-Compliance twaqqfet reċentement fi ħdan din l-Aġenzija, u matul is-sena 2023 fetħet 197 investigazzjoni li minnhom 122 huma magħluqa”, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sidien ta’ kerrejja li ffaċċjaw xi tip ta’ konsegwenza għax inqabdu jakkomodaw għexieren ta’ immigranti fl-istess appartament?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru konċernat.

Identità — Taqsima tal-Compliance – Persuni li nqabdu jħaddmu immigranti minn terzi pajjiżi illegalment fl-2023

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14317, fejn intqal: “Infurmat li l-Aġenzija Identità tinvestiga kwalunkwe rapport li jidħlilha. Infurmat ukoll li t-Taqsima tal-Compliance twaqqfet reċentement fi ħdan din l-Aġenzija, u matul is-sena 2023 fetħet 197 investigazzjoni li minnhom 122 huma magħluqa”, jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jħaddmu illegalment immigranti minn pajjiżi terzi fl-2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fl-2023 kien hemm 1,695 intrapriża li nqabdet tħaddem persuni immigranti minn pajjiżi terzi, rregolarment minn Jobsplus.

Bozoz fit-toroq arterjali — Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-bozoz fit-toroq arterjali u jekk hemmx xi tim li jdur u jiċċekkja jew jekk jistennewx li jidħlu r-rapporti? Jista’ jgħid ukoll kif jiġi garantit li t-toroq f’Malta huma mdawwlin biżżejjed?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Karozzi rreġistrati bin-number plate sewda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi rreġistrati bin-number plate sewda (vintage motor vehicle)? Jista’ jgħid ukoll kif jiġi assigurat li dawn il-karozzi jilħqu l-kriterji neċessarji?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

Karozzi rreġistrati bin-number plate ħamra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi rreġistrati bin-number plate ħamra (karozzi li jistgħu jinstaqu fil-weekend)? Jista’ jgħid ukoll kif jiġi assigurat li dawn il-karozzi jilħqu l-kriterji neċessarji?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ karozzi rreġistrati bil-pjanċi ħomor huwa ta’ 3,839. Transport Malta tassigura li dawn il-vetturi jiġu użati skont l-Att 368, ATT DWAR IR-REĠISTRAZZJONI U L-LIĊENZJAR TA’ VETTURI BIL-MUTUR, li jintużaw fit-toroq f’Malta unikament u esklussivament nhar ta’ Ġimgħa minn 1800hrs ’il quddiem, nhar ta’ Sibt, Ħdud, fil-festi nazzjonali u fi btajjel pubbliċi oħra.

Karozzi tal-linja li ilhom jintużaw għal iktar minn għaxar snin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-flotta tal-karozzi tal-linja ilhom jintużaw għal iktar minn għaxar snin u jagħti n-numru u l-persentaġġ?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox hemm total ta’ mija erbgħa u għoxrin (124) karozza tal-linja li ilhom jintużaw għal iktar minn għaxar snin. Madankollu, l-ebda minn dawn il-karozzi tal-linja ma qabżu il-ħmistax-il sena.

Golden passports

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ‘golden passports’ kull sena minn meta nfetħet? Jista’ jippreżenta tabella taċ-ċittadinanza oriġinali tal-applikanti li tindika wkoll in-numru u l-persentaġġ tat-total tal-passaporti minn din l-iskema?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għar-rapport annwali maħruġ mir-Regolatur li hu maħtur bis-saħħa tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188), u li jkun impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Identità — Taqsima tal-Compliance – Data tat-twaqqif

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14317, fejn intqal: “Infurmat li l-Aġenzija Identità tinvestiga kwalunkwe rapport li jidħlilha. Infurmat ukoll li t-Taqsima tal-Compliance twaqqfet reċentement fi ħdan din l-Aġenzija, u matul is-sena 2023 fetħet 197 investigazzjoni li minnhom 122 huma magħluqa”, jista’ l-Ministru jgħid id-data meta twaqqfet it-Taqsima tal-Compliance fi ħdan l-Aġenzija Identità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li t-Taqsima tal-Compliance fi ħdan l-Aġenzija Identità twaqqfet f’nofs Ġunju tal-2022.

Kuntratti għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew allokati, iffirmati kuntratti u ngħataw ċwievet għall-akkomodazzjoni soċjali fl-2022?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-2022, il-Bord tal-Allokazzjonijiet fi ħdan l-Awtorità tad-Djar alloka 587 propjetajiet filwaqt li ġew iffirmati u ngħataw ċwievet għal 506 proprjetà.

Kuntratti għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew allokati, iffirmati kuntratti u ngħataw ċwievet għall-akkomodazzjoni soċjali fl-2023?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2023, il-Bord tal-Allokazzjonijiet fi ħdan l-Awtorità tad-Djar alloka 175 proprjetà filwaqt li ġew iffirmati u ngħataw ċwievet għal 309 proprjetà.